ŻMIEN MATUL

IS-SENA "A"

INTOM IL-MELĦ TA’ L-ART U DAWL TAD-DINJA

5

ĦADD MATUL

IS-SENA

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

L-1 QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
58, 7-10

Dan jgħid il-Mulej:
Aqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ,
daħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf,
libbes lil min hu għarwien,
u n-nies ta’ darek tinsiehomx.

Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,
u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.
Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,
u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;
Jekk tgħajjatlu, jgħidlek: “Hawn jien.”
Jekk inti twarrab minn nofsok il-moħqrija
u ma tmiddx sebgħek u ma tlissinx il-qerq,
jekk taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ
u xxabba’ lir-ruħ imsejkna,
jiddi mbagħad id-dawl tiegħek fid-dlam,
u d-dlam tiegħek ikun bħal nofs in-nhar.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI
Salm 111
Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin.

Bħal dawl fid-dlam jiddi l-ġust għat-tajbin,
twajjeb, ħanin u ġust.
Hieni l-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.
R/.

Għax il-ġust qatt ma jintemm,
it-tifkira tiegħu tibqa’ għal dejjem.
Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina,
qalbu qawwija bit-tama fil-Mulej.
R/.

Qalbu sħiħa, ma jibżax.
Iqassam u jagħti lill-foqra;
il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem,
is-saħħa tiegħu tikber fil-ġieh.
R/.

IT-2 QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.
1 Kor 2, 1-5

Meta jien ġejt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom ix-xhieda ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma qistx ruħi li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief ’il Kristu Ġesù, u ’l dan imsallab. U jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbeżża’ u mriegħed; il-kelma u l-aħbar tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri ta’ l-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq il-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Musbieħ għal riġlejja kelmtek,
u dawl għall-mogħdijiet tiegħi.
Hallelujah.

  L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
5, 13 - 16

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa jieħu l-imluħa tiegħu? Għal xejn iżjed ma hu tajjeb ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Ma tistax tkun moħbija l-belt li tkun qiegħda fuq muntanja. Anqas ma jixegħlu musbieħ u jqegħduh taħt il-kejl, iżda fuq l-imnara, ħa jdawwal lil min ikun fid-dar.

Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemil tajjeb tagħkom, u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

Il-Kelma tal-Mulej.