|

|
INSARA KBAR
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
- Atti 8, 5-8, 14-17
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Filippu ġie f’belt tas-Samarija u lin-nies
tagħha xandrilhom ’il Kristu. Ġmiegħi ta’ nies bi ħġarhom
kienu jilqgħu dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu
jisimgħu u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. L-ispirti
mniġġsa kienu joħorġu minn ħafna minn dawk li kienu maħkuma
minnhom, jgħajtu b’leħen qawwi; ħafna oħrajn, mifluġa jew
zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.
Issa l-appostli li kienu Ġerusalem semgħu li s-Samarija
laqgħet il-kelma ta’ Alla. Għalhekk bagħtu hemm ’il Pietru u
’l Ġwanni. Dawn niżlu hemm u talbu għal dawk li kienu emmnu,
biex jieħdu l-Ispirtu s-Santu. Għax l-Ispirtu s-Santu kien
għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss
f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad, meta l-appostli qiegħdu
jdejhom fuqhom, ħadu l-Ispirtu s-Santu.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 65
Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Għajtu bil-ferħ lil Alla, intom ilkoll fl-art,
għannu s-sebħ ta’ ismu,
kabbru s-sebħ ta’ foħritu,
għidu lil Alla: Kemm huma sbieħ l-opri tiegħek! R/.
L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek, tgħanni lil ismek.
Ejjew u araw l-għemejjel t’Alla,
tal-għaġeb f’għemilu fost il-bnedmin! R/.
Biddel il-baħar fi nxief,
bil-mixi qasmu x-xmara.
Mela nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem! R/.
Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla
li ma warrabx it-talba tiegħi
u t-tjieba tiegħu minni. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pietru Appostlu. - 1 Piet 3, 15-18
GĦEŻIEŻ: Żommu f’qalbkom bil-qima lil Kristu l-Mulej. Kunu
dejjem imhejjija li tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom
sodisfazzjon tat-tama li għandkom; imma wieġbu bil-ħlewwa u
bil-ġieh. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu
fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi
Kristu ikollhom għax jistħu.
Aħjar tbati għax tagħmel it-tajjeb, jekk din tkun ir-rieda
t’ Alla, milli tbati għax tagħmel il-ħażin. Għax Kristu
wkoll miet darba għal dejjem minħabba fi dnubietna; hu, li
hu ġust, miet għalina li aħna nġusti, biex iressaqna lejn
Alla. Ġie mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Jekk xi ħadd iħobbni, jħares kelmti, jgħid il-Mulej;
U Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
- Ġw 14, 15-21
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù, qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk
tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob ’il
Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ dejjem
magħkom, l-Ispirtu tas-sewwa, li d-dinja ma tistax tilqgħu,
għax hija la tarah u anqas tagħarfu. Iżda intom tagħarfuh,
għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.
Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u
d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax
jiena ngħix u intom ukoll għad tgħixu. Dak in-nhar intom
tagħarfu li jiena f’Missieri u intom fija u jiena fikom.
Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dan hu li
jħobbni; u min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jiena
nħobbu u nuri lili nnifsu lilu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
|