|

|
KRISTU: IL-MILJA
TAL-LIĠI
L-1 Qari -
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak -
Sir 15, 15-20
Ibni: Jekk inti trid, tista’ tħares il-liġi ta’ Alla:
u f’idejk jinsab jekk tibqax fidil.
Huwa qiegħed quddiemek in-nar u l-ilma:
midd idejk ‘il fejn jogħġbok.
Il-bniedem quddiemu għandu l-ħajja u l-mewt;
jew il-waħda jew l-oħra, li jogħġbu hu jkollu.
Għax kbir hu l-għerf tal-Mulej,
setgħan u qawwi, u kollox jara.
Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu:
Hu jaf kull ma jagħmlu l-bnedmin.
Lil ħadd ma kkmanda biex jagħmel id-dnub,
lil ħadd ma ħalla l-wisa’ li jidneb.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI - Salm 118 - Ħenjin dawk li jimxu
fil-liġi tal-Mulej.
Ħenjin dawk li huma fi triq tajba,
dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Ħenjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,
li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.
Int tajt il-kmandamenti tiegħek,
biex jiġu mħarsin bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tad-digrieti tiegħek. R/.
Kun twajjeb mal-qaddej tiegħek, u ngħix,
u nħares il-kelma tiegħek.
Iftaħli għajnejja, ħa nara
l-egħġubijiet tal-liġi tiegħek. R/.
Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti
tiegħek:
Jiena ngħaddi minnha sa l-aħħar.
Fehimni biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha. R/.
It-2 Qari -
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Korintin. - 1 Kor 2, 6-10
Ħuti: Lil dawk li huma mrawmin sewwa ngħidulhom il-għerf,
mhux il-għerf ta’ din id-dinja, anqas il-għerf tal-mexxejja
ta’ did-dinja li ġejjin fix-xejn. Imma ngħidulhom il-għerf
ta’ Alla moħbi f’misteru, li Alla fassal mill-bidunett
għas-sebħ tagħna, għerf li ebda wieħed mill-mexxejja ta’
did-dinja ma għarfu; għax kieku għarfuh, qatt ma kienu se
jsallbu l-Mulej tas-sebħ. Imma, bħalma hu miktub, aħna
nħabbru ‘dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet,
dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, u li Alla lesta
għal dawk li jħobbuh.’’
Għax lilna Alla wrihulna permezz ta’ l-Ispirtu, għax l-Ispirtu
jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla.
Iul-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Fehimni, Mulej, biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Mattew. Mt 5, 17-37
F’dak Iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu:
(‘Xejn la taħsbu li jiena ġejt biex inwaqqa’ l-liġi jew
il-Profeti; jien ma ġejtx biex inwaqqagħhom, imma biex
inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew ngħidilkom li, sa ma
jkunu għaddew is-sema u l-art, anqas l-iżgħar ittra jew
tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox.
Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn
il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess,
dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min
iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna
tas-Smewwiet).
Ngħidilkom li jekk il-ħajja ġusta tagħkom ma tkunx ħafna
aħjar minn dik tal-Kittieba u l-Fariżej, anqas tidħlu
fis-Saltna tas-Smewwiet. Smajtu x’intqal fl-imgħoddi, ‘La
toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu s-sentenza
tal-ħaqq. Imma jiena ngħidilkom li s-sentenza tal-ħaqq
tistħoqq lil kull min jinkorla għal ħuh.
(Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh igħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu
s-sentenza tas-Sanhedrin; u jekk igħidlu, “Iblah,’’ ikun
ħaqqu n-nar ta’ l-infern. Mela jekk tkun qiegħed itella’ l-offerta
tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuh għandu xi ħaġa
kontra tiegħek, itlaq l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem
l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja tella’
l-offerta tiegħek.
Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba
mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma
jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn
il-għassies, u hekk issib ruħek il-ħabs. Tassew, ingħidlek,
minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet
ħabbiet).
Smajtu x’intqal, “La tagħmilx adulterju’’. Imma jiena
ngħidilkom li kull min iħares lejn mara u jixtieqha, ikun ġa
għamel adulterju magħha f’qalbu.
(Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub,
aqlagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun
jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli
ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi
għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ‘l bogħod
minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintilef biċċa waħda
minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Intqal ukoll, “Min jibgħat ‘il martu jkollu jagħtiha l-kitba
tad-divorzju.’’ Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat
‘il martu, barra mill-każ ta’ rabta ħażina magħha,
iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn
ħaddieħor jagħmel adulterju.)
Smajtu wkoll x’intqal fl-imgħoddi, “Tonqosx mill-wegħda li
ħlift, imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu.’’ Imma
jien ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, (u la bis-sema, għax
hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh,
u anqas b’Ġerusalem, għaliex hija l-belt tas-Sultan il-Kbir.
U anqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex int anqas biss
xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda.)
Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, “Iva, iva’’, “Le, le’’:
kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.’’
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.
|