|

|
ĦOBBU ‘L-EGĦEDEWWA
TAGĦKOM
L-1 Qari -
Qari mill-Ktieb tal-Levitiku.
- Lev 19, 1-2, 17-18
Il-Mulej kellem lil Mose’ u qallu:
“Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Israel
u għidilhom:
Qaddisin tkunu
għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom.
La tbejjitx ‘il ħuk f’qalbek,
imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih,
biex ma tkunx ħati għalih.
La titħallasx b’idejk,
u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek,
imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek:
Jiena l-Mulej.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI -
Salm 102 - Ħanin u ta’ qalb tajba
l-Mulej.
Bierek, ruħ tiegħi, ‘il-Mulej,
Kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, ‘il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer dnubietek kollha,
li jfejjaq il-mard tiegħek kollu,
li jifdi ‘l ħajtek mill-ħofra,
li jdawrek bit-tjieba u l-ħniena. R/.
Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu mogħdrija;
ma mexiex magħna skond dnubietna,
ma ħallasniex skond ħtijietna. R/.
Daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
Hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
Bħalma missier iħenn għal uliedu,
Hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.
R/.
IT-TIENI QARI -
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Korintin - 1Kor 3, 16-23
Ħuti: Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’
Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla,
Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li hu
intom.
Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu
għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. Għax
il-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm
miktub, “Hu li jaqbad il-għorrief fil-ħażen tagħhom;’’ u
terġa’, “Il-Mulej jaf il-ħsibijiet tal-għorrief, li huma
fiergħa’’.
Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu
tagħkom, sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew
jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt, sew jekk
iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej. Kollox tagħkom; u intom
ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inbroddu ħajr lil Alla.
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax int għarraft liż-żgħar il-misteri tas-saltna,.
Hallelujah
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Mattew. - Mt. 5, 38-48
F’dak iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu
x’intqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’ Imma jiena
ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd
jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor
ukoll: u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok
il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek
timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min
jitolbok, u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef
minn għandek.
Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek u obgħod
lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu
lill-egħdewwa tagħkom u itolbu għal dawk li
jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu
fis-smewwiet; għax hu jtella’ x-xema tiegħu sew fuq
il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min
hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex. Għax jekk intom tħobbu lil
min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-publikani wkoll
jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu
tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan?
Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu
fis-smewwiet.’’
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu
|