|

|
Il-PROVIDENZA TA’
ALLA
L-1 Qari - Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija - Is.
49, 14-15
Sijon kienet tgħid,
‘Ħallieni l-Mulej’,
u ‘Sidi nsieni’.
Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha
U ma tħennx għal bin ħdanha?
Ukoll jekk din tinsa,
Imma jien ma ninsiekx.’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil
Alla
SALM RESPONSORJALI -
Salm 61 - F’Alla biss il-mistrieħ
ta’ ruħi.
F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi,
għax minnu tiġini t-tama tiegħi.
Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni. R/.
F’Alla s-salvazzjoni tiegħi u l-ġieħ
tiegħi;
Hu l-blata qawwija tiegħi,
Il-kenn tiegħi f’Alla.
Ittama fih f’kull żmien, o poplu;
Iftħu qalbkom quddiemu. R/.
IT-TIENI QARI -
Qari Mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lill-Korintin - 1 Kor 4, 1-5
Ħuti: In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta’
Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla. Issa barra
minn dan, mill-amministraturi wieħed jistenna li jkunu
fidili.
Iżda, ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun
iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin. U anqas
jien stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess
ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi, iżda mhux b’daqshekk
jien iġġustifikat. Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma
jiġi l-Mulej; hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam,
u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed
jieħu mingħand Alla t-tifħir li wieħed ikun jistħoqqlu.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH: Hallelujah, Hallelujah.
Jien lill-Mulej nistenna,
Ruħi f’kelmtu tittama.
Hallelujah
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Mattew. - Mt 6, 24-34
F’dak Iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħadd ma
jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u
jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell
lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
Għalhekk ngħidilkom: Tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se
tieklu, anqas għal ġisimkom, x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja
mhijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu
lejn l-agħsafar tas-sema: la jiżirgħu, la jaħsdu, u anqas
igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu
fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U
min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal
għomru imqar b’xiber wieħed biss? U għall-ilbies, għalfejn
tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji ta’ l-għelieqi, kif
jikbru! U la jitħabtu u anqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom,
anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal
wieħed minnhom.
Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum
hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’
fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu,
‘X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu’? Għax
dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani, Imma
Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.
Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu, u dan
kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom
għall-għada, għax il-jum ta’ għada iħabbel rasu hu għalih
innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.“
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.
|