|

|
NIBNU FUQ IL-BLAT
L-1 Qari -
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
- Dewt 11, 18. 26-28
Mose’ kellem lill-poplu u qal: “Intom tqiegħdu dawn
il-kelmiet f’qalbkom u f’ruħkom, u torbtuhom bħala sinjal
ma’ idkom, u jkunu bħal filatterji bejn għajnejkom.
Araw, jiena llum qed inqiegħed quddiemkom barka u saħta:
il-barka, jekk tħarsu l-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom,
li jien illum qiegħed nordnalkom; u s-saħta, jekk ma tħarsux
il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom, imma twarrbu
mit-triq li jiena llum qiegħed nordnalkom, biex timxu wara
allat oħra li ma kontux tafu bihom.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
- Salm 30 - Mulej, kun blata
tal-kenn għalija.
Fik, Mulej, jien nistkenn;
tħallini qatt ninfixel!
Fil-ġustizzja tiegħek, eħlisni.
Ressaq widintek lejja,
fittex eħlisni! R/.
Kun blata tal-kenn għalija
fortizza qawwija li ssalvani.
Tassew blata tiegħi u fortizza tiegħi int;
f’ġieh ismek, mexxini u wassalni. R/.
Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;
fit-tjieba tiegħek eħlisni.
Issaħħu u qawwu qalbkom,
intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej. R/.
IT-TIENI QARI -
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lir-Rumani - Rum 3, 21-25a.28
Ħuti: Issa l-ġustizzja ta’ Alla ntweriet, u ntweriet
mingħajr il-liġi, għad li l-liġi u l-profeti jixhdu għaliha:
ġustizzja ta’ Alla mogħtija permezz tal-fidi f’Ġesu’ Kristu
lil dawk kollha li jemmnu.
U ma hemmx għażla. Ladarba l-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu
mill-glorja ta’ Alla, huma jsiru ġusti bil-grazzja tiegħu,
li hu jagħtihielhom minn rajh, permezz tal-fidwa li hemm fi
Kristu Ġesu, li Alla qiegħdu bħala mezz ta’ maħfra bid-demm
tiegħu, maħfra li tinqala’ bis-saħħa tal-fidi. Għax aħna
għandna fehma sħiħa li hu permezz tal-fidi li l-bniedem isir
ġust, mingħajr l-opri tal-liġi.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Fehimni, Mulej, biex inżomm il-liġi tiegħek
u nħarisha b’qalbi kollha.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Mattew - Mt 7, 21-27
F’dak iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu; “Mhux kull
min igħidli, “Mulej, Mulej’’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet,
imma kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu
fis-smewwiet.
F’dak li-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, “Mulej, Mulej,
mhux f’ismek ħabbarna aħna? U mhux f’ismek keċċejna x-xjaten
u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’’ Imbagħad jien ngħidilhom,
“Lilkom qatt ma kont nafkom; warrbu minn quddiemi, intom li
tagħmlu l-ħażen.’’
Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qed ngħid,
isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat.
Niżlet ix-xita, ġew l-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq
dik id-dar, iżda ma ġarrfuhiex, għax kellha s-sisien tagħha
fuq il-blat. Imma min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qed
ngħid, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq
ir-ramel.. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u
ħabtu fuq dik id-dar, u ġarrfuha. U kbira kienet il-qerda
tagħha.’’
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.
|