|

|
IT-TIFKRA SOLENNI TAL-ĠISEM
U D-DEMM TA’ KRISTU
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
- Dewt 8, 2-3, 14b-16a
F’dak iż-żmien: Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ftakar
fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej Alla tiegħek matul dawn
l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli
jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod
għall-kmandamenti tiegħu jew le. Huwa ċekknek, ried li tbati
l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna li la int u anqas
missirijietek ma kontu tafu biha, biex jurik li mhux
bil-ħobż biss jgħix il-bniedem imma b’dak kollu li joħroġ
minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.
La tinsiex lill-Mulej Alla tiegħek, li ħarġek mill-art ta’
l-Eġittu, minn dar il-jasar; hu, li mexxiek fid-deżert ta’
l-Eġittu, minn dar il-jasar; hu, li mexxiek fid-deżert
il-kbir, deżert tal-biża’ bis-sriep jaħarqu w l-iskorpjuni
tiegħu, art niexfa bil-għatx u bla ilma, fejn huwa ħariġlek
l-ilma mill-blata żonqrija; hu, li fid-deżert temgħek manna
li missirijietek ma kinux jafu biha.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Salm 147
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej.
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej,
faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon.
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,
bierek lil uliedek ġo fik. R/.
Hu qiegħed is-sliem lil truf artek,
u bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Jibgħat il-kmand tiegħu fuq l-art,
kelmtu ħafifa tiġri ma’ kullimkien. R/.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakob,
il-preċetti u l-liġijiet tiegħu lil Israel.
Ma’ ebda poplu ma għamel hekk,
il-liġijiet tiegħu ma għarrafhomlhomx. R/.
IT-2 QARI - Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. - 1 Kor 10, 16-17
Ħuti: Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex xirka
mad-demm ta’ Kristu? Il-ħobż li naqsmu mhuwiex xirka mal-ġisem
ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna,
aħna ġisem wieħed; għax minn ħobża waħda nieħdu sehem,
ilkoll kemm aħna.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
- Ġw 6, 51-58
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż ħaj, li
niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix
għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja
tad-dinja.”
Fuq hekk il-Lhud ma qablux bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif
jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” Ġesù mela qalilhom:
“Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’
Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja
fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’
dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi
huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew. Min jiekol ġismi u
jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.
Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix
b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.
Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu
missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal
dejjem.”
Il-Kelma tal-Mulej.
|