|

|
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 60, 1-6
Qum! Ħa jiddi wiċċek, Ġerusalem.
Id-dawl tiegħek wasal!
Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
Ara, id-dlamijiet jiksu l-art,
u sħab iswed lill-popli:
iżda fuqek jiddi l-Mulej, u s-sebħ tiegħu jfeġġ fuqek.
Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,
u s-slaten fid-dija ta’ sbieħek.
Erfa’ u dawwar għajnejk madwarek u ara:
lkoll miġbura ġejjin għandek.
Uliedek ġejja mill-bogħod,
u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.
Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,
u tħabbat u timtela qalbek,
għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid ta’ l-ibħra,
u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.
Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,
l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;
lkoll minn Saba jiġu,
mgħobbija bid-deheb u l-inċens,
u jxandru t-tifħir tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 71
Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.
Is-sultan jiġġudika l-popli tiegħek bis-sewwa
u l-imsejknin tiegħek bil-ħaqq.
R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u s-sliem kotran għal dejjem ta’ dejjem.
Ħa jsaltan minn baħar sa baħar,
U mix-xmara sa truf l-art.
R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.
Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer iġibu
ir-rigali,
Is-slaten ta’ Xeba u ta’ Saba jħallsu t-tribut.
U jqimuh is-slaten kollha,
il-ġnus kollha jaqduh.
R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.
Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken bla għajnuna ta’ ħadd.
Iħoss għall-magħkus u għall-fqir;
u l-ħajja tal-fqar isalva.
R/. Il-ġnus kollha ta’ l-art jagħtuk qima, Mulej.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ef 3,2-6
Ħuti: Jekk kif tassew ġara, intom smajtu bil-pjan
tal-grazzja ta’ Alla mogħtija lili għall-ġid tagħkom,
jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni, kien mgħarraf lili
l-Misteru, bħalma ġa ktibtilkom fil-qosor, minn dak li
qrajtu tistgħu tifhmu sewwa kemm jiena dħalt fil-qalba
tal-Misteru ta’ Kristu, dak il-Misteru li,
fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija, ma kienx mgħarraf
lill-bnedmin, bħalma issa ġie rrivelat lil l-appostli
qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri, li l-pagani
huma msejħa biex ikollhom l-istess wirt, ikunu membri ta’ l-istess
Ġisem, u ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù,
permezz ta’ l-Evanġelju.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
HALLELUJAH
HALLELUJAH HALLELUJAH
Rajna il-kewkba tiegħu fil-Lvant,
u ġejna nqimu l-Mulej.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew.
Mt 2, 1-12
Meta twieled Ġesu’ f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien
is-sultan Erodi, xi maġi mill-Lvant ġew Ġerusalem jistaqsu:
“Fejn hu s-sultan tal-Lhud li twieled? Għax rajna l-kewkba
tiegħu fil-Lvant, u ġejna nqimuh.’’
Is-sultan Erodi sema’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalem kollha
miegħu. U, wara li ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba
kollha tal-poplu, ried jaf minn għandhom fejn kellu
jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija,
għax hekk inkiteb mill-profeta: ‘U int, Betlehem, art ta’
Ġuda, xejn ma int l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda,
għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Israel.’”
Imbagħad Erodi sejjaħ l-maġi, u bir-reqqa kollha tkixxef
minn għandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba;
bagħathom f’Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu bir-reqqa
għat-tifel, u meta ssibuh, ejjew għiduli, biex jien ukoll
niġi nqimu.”
Dawk, wara li semgħu s-sultan, telqu; u
ara, il-kewkba li kienu raw fil-lvant bdiet miexja
quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq fejn kien it-tifel.
Kif raw il-kewkba, mtlew f’ferħ kbir tassew. U meta daħlu d-dar,
raw it-tarbija ma’ ommu Marija, u xteħtu jqimuh; imbagħad
fetħu t-teżori tagħhom, u offrewlu rigali: deheb, inċens u
mirra. U wara li kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux
imorru għand Erodi, reġgħu lura lejn arthom minn triq oħra.
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.
|