|
IL-JUM QADDIS TAL-QAWMIEN
TAL-MULEJ MILL-IMWIET
L-1 QARI -
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.
- 10, 34a, 37-43
F’dak iż-żmien: Pietru qabad jitkellem u
qal: “Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda
mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar il-magħmudija: kif Alla
kkonsagra ’l Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa,
u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq ’il dawk
kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu.
U aħna xhieda ta’ dak kollu li hu għamel
fl-art tal-Lhudija u f’Ġerusalemm. Tawh il-mewt billi
dendluh ma’ salib. Imma Alla qajmu mill-imwiet fit-tielet
jum u għamel li hu jidher, mhux lil kulħadd, imma lilna,
bħala xhieda li Alla għażilna minn qabel, aħna li miegħu
kilna u xrobna wara li qam mill-imwiet. Lilna ordnalna biex
inxandruh lill-poplu u nixhdu li hu dak li ġie magħmul minn
Alla imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin.
Għalih jagħtu xhieda l-profeti kollha: li
kull min jemmen fih jaqla’ f’ismu l-maħfra tad-dnubiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI -
Salm117
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej: ħa nifirħu u
nithennew fih. Hallelujah.
Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba għal dejjem!
Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem! R/.
Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej. R/.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. R/.
Għat-Tieni Qari tingħażel silta mit-tnejn li ġejjin.
IT-2 QARI -
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lill-Kolossin. - 3, 1-4
Ħuti: Jekk intom irxoxtajtu ma’ Kristu,
fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin
ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk ta’ l-art.
Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi
moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li
hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien
miegħu fis-sebħ.
Il-Kelma tal-Mulej.
jew:
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lill-Korintin. -
1 Kor 5, 6b-8
Ħuti: Ma tafux li ftit ħmira ttella’ l-għaġna
kollha? Naddfu ’l barra l-ħmira l-qadima ħa tkunu għaġna
ġdida, kif intom bla ħmira. Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, li hu
Kristu, hu maqtul. Nagħmlu festa, mela, mhux bil-ħmira l-qadima,
anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla
ħmira tas-safa u tas-sewwa.
Il-Kelma tal-Mulej.
SEKWENZA
Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid:
għax feda l-Ħaruf in-ngħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt;
Ġesù reġa’ ħabbeb il-midneb
ma’ Alla l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
inqerdet il-Mewt;
u qam Sid il-ħajja mill-qabar,
isaltan rebbieħ.
Għidilna, Marija, ħabbrilna:
Fit-triq ’il min rajt?
“Jien rajt qabar Kristu li rxoxta
fis-sebħ tal-qawmien;
rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda,
il-faxxa, l-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi,
li fih ittamajt!
Mar hu l-Galilija qabilkom:
hemmhekk se tarawh.”
Oh, nemmnu li llum Kristu rxoxta
tassew mill-imwiet!
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Amen! Hallelujah!
HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.
Il-Ħaruf tal-Għid tagħna,
li hu Kristu, hu maqtul:
nagħmlu mela festa fil-Mulej.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari
mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. - 20, 1-9
Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu
kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marjam ta’ Magdala ġiet
ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk
telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor
il-maħbub ta’ Ġesù , u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar,
u ma nafux fejn qegħduh.”
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew
ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor
ħaffef aktar minn Pietru, u laħaq qablu ħdejn il-qabar.
Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel mixħutin hemm, iżda ma
daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar,
u ra l-faxex tal-għażel mixħutin, u l-maktur li kien madwar
rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mgeżwer u mixħut għalih.
Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien
wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal wkoll, ra, u emmen.
Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura
li kienet tgħid li kellu jqum mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.
Fil-Quddiesa ta’ filgħaxija ta’ llum jista’ jinqara
l-Evanġelju li ġej:
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa. -
Lq 24, 13-35
Dak in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa
tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws,
sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu
bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jistaqsu
’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.
Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.
U hu qalilhom: “X’intom titħaddtu
bejnietkom intom u mexjin?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket
fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u
qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara
hemmhekk f’dawn il-jiem?”
“X’ġara?” staqsiehom. Qalulu: “Fuq Ġesù
ta’ Nażaret, li kien profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem
quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin
il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun ikkundannat
għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li
kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew
tliet ijiem fuq din il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa
tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem
tiegħu ma sabuhx, u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli
li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud
minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu
ma rawhx!”
Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla
għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!
U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk
jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-profeti
kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.
Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu
sejrin, hu għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer ’il bogħod.
Iżda huma riedu jżommuh u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa
sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jispiċċa.” Imbagħad
daħal joqgħod magħhom.
U waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad
il-ħobż, qasmu u tahulhom. Għajnejhom imbagħad infetħulhom u
għarfuh, iżda hu kien għab minn quddiemhom. U wieħed
lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna ġewwa fina
waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura
Ġerusalemm. Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien,
u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”
U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom
fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Il-Kelma tal-Mulej.
|