ŻMIEN

IL-MILIED

 

SENA A

IL-FAMILJA MQADDSA TA’ ĠESÙ, MARIJA U ĠUZEPPI

ĦADD

FL-OTTAVA TAL-MILIED

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

 

L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.
Sir 3,2-6,12-14


Il-Mulej iweġġah lill-missier f’uliedu,
U l-jedd ta’ l-omm fuq uliedha jwettaq.
Min iweġġah ‘il missieru, Alla jaħfirlu dnubietu,
U min iweġġah lil ommu, bħal min jaħżen il-ġid.
Min iweġġah ‘il missieru jifraħ b’uliedu,
U meta jitlob ikun mismugħ.
Min iweġġah ‘il missieru jitwal għomru,
Min iweġġah lil ommu Alla jagħtih il-ħlas.
Ibni, ħu ħsieb missierek meta jixjieħ,
U qatt, kemm idum ħaj, ma għandek tweġgħu.
Ukoll jekk moħħu jiħfief, agħdru,
U tgħajrux meta int fl-aħjar ta’ saħħtek.
Il-ġid li tagħmel mal-missier ma jintesiex,
U jieħu post id-dnubiet.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.


SALM RESPONSORJALI
Salm 127,1-5
Ħieni kull min jibża’ mill-Mulej!


Ħieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol,
ħieni int, u riżqek tajjeb.

R/. Ħieni kull min jibża’ mill-Mulej!

Martek tkun bħal dielja għammiela
‘l ġewwa f’darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek.

R/. Ħieni kull min jibża’ mill-Mulej!

Ara, kif ikun imbierek il-bniedem
Li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalem
Tul il-jiem kollha ta’ ħajtek!

R/. Ħieni kull min jibża’ mill-Mulej!

IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin.
Kol 3,12-21


Ħuti: Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umilta’, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu x’igħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.
U fuq dan kollu ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol ta-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla. Ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bil-għerf kollu u widdbu ‘l xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla. Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesu’, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
Intom, nisa miżżewġa, obdu lil żwieġkom, kif jixraq lin-nies tal-Mulej. Intom imbagħad, irġiel miżżewġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux żorri magħhom. Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej. Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

HALLELUJAH
Hallelujah. Hallelujah.

Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom;
ħalli l-bxara ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew
Mt 2, 13-15, 19-23

Meta telqu l-Maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.’’
Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl, u warrab lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi. B’hekk seħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni’’.
Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Israel, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel.’’ Ġużeppi qam,, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu, u mar fl-art ta’ Israel. Imma billi sema’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, beża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, inġabar fl-inħawi tal-Galilija, u mar joqgħod f’belt jisimha Nażaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti, “Ikun jissejjaħ Nażri.’’

Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.