HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

L-EVANĠELJU TA'  ĦADD IL-PALM

Mt 26: 14 - 27:66

C  F’dak iż-żmien: Wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom:

 S  “Xi tridu tagħtuni, u jiena nagħtikom ’il Ġesù f’idejkom?”

C  U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas.  Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom ’il Ġesù f’idejhom.

Fl-ewwel jum ta’ l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu:

S  “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?”

C  U hu qalilhom:

S  “Morru l-belt għand it-tali, u għidulu, “Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla tal-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi’.”

C  Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla tal-Għid.

Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, u, waqt l-ikel, qal:

†  “Tassew, ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini.”

C  Huma bdew isewdu qalbhom ħafna, u kull wieħed minnhom staqsieh:

S  “Jaqaw jien, Mulej?”

C  Wieġeb Ġesù u qalilhom:

†  “Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak se jittradini.  Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa!  Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”

C  Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu:

S “Jaqaw jien, Rabbi?”

C  Wieġbu Ġesù:

†  “Int stess qiegħed tgħidu.”

C  Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal:

†  “ Ħudu, kulu, dan hu ġismi.”

C  Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newlilhom il-kalċi u qal:

†  “Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet.  Ngħidilkom li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta’ Missieri.”

C  Kantaw is-salmi u ħarġu lejn il-Għolja taż-Żebbuġ.  Imbagħad Ġesù qalilhom:

†  “Ikoll kemm intom se titħawdu minħabba fija f’dan il-lejl:  għax hu miktub, ‘Nidrob ir-ragħaj, u n-ngħaġ tal-merħla jitferrxu!  Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom’.”

C  Qabeż Pietru u qallu:

S  “Jekk jitħawwad kulħadd minħabba fik, jien ma nitħawwad qatt.”

C  Qallu Ġesù:

†  “Tassew, ngħidlek, li llum, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.”

C  Qallu Pietru:

S  “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!”

C  U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.

 

Imbagħad Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, wasal f’qasam igħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli:

†  “Oqogħdu bilqiegħda hawn sa kemm immur hemmhekk nitlob.”

C  U ħa miegħu ’l Pietru u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq.  Imbagħad qalilhom:

†  “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi.”

C  Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob u qal:

† “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi!  Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”

C  Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru:

† “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi?  Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.  L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”

C  Għat-tieni darba reġa’ mar jitlob, u qal:

† “Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax igħaddi bla ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek.”

C  Mill-ġdid ġie sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas.  Ħalliehom, u reġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem.  Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom:

†  “Issa se torqdu u tistrieħu?  Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin.  Qumu!  Imxu mmorru!  Ara, dak li se jittradini huwa fil-qrib!”

 

C  Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħutin mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu.  Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom:

S  “‘Il dak li nbus, dak hu: aqbduh.’”

C  U minnufih resaq fuq Ġesù u qallu:

S  “Sliem għalik, Rabbi!”

C  U biesu.  U Ġesù qallu:

†  “Ħabib, għalhekk ġejt int!”

C  Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh.  Wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu.  Imbagħad Ġesù qallu:

†  “Erġa daħħal sejfek f’postu, għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.  Taħseb int li ma nistax nitlob ’il Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli?  Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?”

C  Fl-istess ħin Ġesù qal lin-nies:

† “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili!  Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-Tempju ngħallem, u ma żammejtunix.”

C  Iżda dan kollu ġara biex iseħħ dak li kienu kitbu l-profeti.  Imbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu. 

Dawk li qabdu ’l Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u x-xjuħ.  Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bil-qiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se tintemm il-biċċa.

 

 

Il-qassisin il-kbar u s-Sanhedrin kollu bdew ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, imma għad li ressqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqhiex jakkużawh.  Fl-aħħar sabu tnejn u qalu:

S  “Dan qal: Nista’ nħott it-Tempju ta’ Alla u nerġa nibnih fi tlitt ijiem.”

C  Il-qassis il-kbir qam u qallu:

S  “Xejn ma twieġeb?  X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”

C  Imma Ġesù baqa’ sieket.  Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu:

S  “Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, bin Alla.”

C  Qallu Ġesù:

†  “Inti stess qiegħed tgħidu.  U ngħidilkom ukoll li ’l quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa ta’ Alla u ġej fuq is-sħab tas-sema.”

C  Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal:

S  “Din dagħwa!  Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda?  Ara, smajtuha issa d-dagħwa.  X’jidhirlkom?”

C  Huma wieġbu u qalu:

S “Ħaqqu l-mewt!”

C  Imbagħad beżqulu fuq wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta u qalulu:

S  “Aqta’ min tahielek, Messija, did-daqqa!”

 

Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, ’il ġewwa mid-daħla tal-palazz.  U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu:

S  “Int ukoll kont ma’ Ġesù tal-Galilija.”

C  Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal:

S  “Anqas naf xi trid tgħid.”

C  Imbagħad warrab lejn id-daħla; lemħitu qaddejja oħra u qalet ’il dawk li kienu hemm:

S  “Dan kien ma’ Ġesù ta’ Nażaret.”

C  U reġa’ ċaħad u ħalef:

S  “Jien ma nafux ’il dan il-bniedem.”

C  Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu:

S  “Tassew, int ukoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’ kliemek tikxfek.”

C  Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:

S  “Le, ma nafux ’il dal-bniedem.”

C  U minnufih is-serduk idden.  U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù meta qallu li ‘Qabel is-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.’  U ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim il-qalb.

Il-għada filgħodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex ’il Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt.  Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f’idejn Pilatu, il-gvernatur.

 

C Imbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem, u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa’ jagħtihomlhom lura, u qalilhom:

 S  “Dak kien dnub li għamilt, meta tajtkom f’idejkom demm bla ħtija.”

C  Iżda huma qalulu:

S  “Aħna dan x’inhu affari tagħna?  Dak arah int!”

C  Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq.  Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu:

S  “Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma’ l-offerti, għax huma prezz tad-demm.”

C  Ftiehmu bejniethom, u b’dawk il-flus xtraw il-għalqa ta’ Ħaddiem il-Fuħħar, biex fiha jidfnu l-pellegrini.  Kien għalhekk li dik il-għalqa ssemmiet il-Għalqa tad-Demm, u hekk għadha magħrufa sa llum.  Imbagħad seħħ dak li kien intqal permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal, ‘U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, il-prezz ta’ dak li kien mibjugħ bil-prezz mogħti minn ulied Israel, u tawhom għall-għalqa ta’ Ħaddiem il-Fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej.’

C  Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur; u dan staqsieh:

S  “Int is-sultan tal-Lhud?”

C  U Ġesù wieġbu:

†  “Inti stess qiegħed tgħidu.”

C  Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn.  Għalhekk Pilatu qallu:

S  “M’intix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?”

C  Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa’ mistagħġeb ħafna.

Nhar ta’ festa, il-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi lin-nies, lil min iridu huma.  Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba.  Mela kif kienu miġburin, Pilatu qalilhom:

S  “Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew ’il Ġesù li jgħidulu l-Messija?”

C  Għax hu kien jaf li kienet il-għira li ġagħlithom jagħtuh ’il Ġesù f’idejh.

Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu:

S  “Qis li ma jkollokx x’taqsam ma’ dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm.”

C  Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh jagħtihom ’il Barabba u jeqirdu ’l Ġesù.  Il-gvernatur mela reġa’ staqsiehom:

S  “ Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?”

C   Qalulu:

S  “Lil Barabba.”

C  Qalilhom Pilatu:

S  “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Messija?”

C  Weġbuh ilkoll:

S  “Sallbu!”

C  Hu staqsiehom:

S  “Imma x’għamel ħażin?”

C  Huma aktar bdew igħajtu u jgħidu:

S  “Sallbu!”

C  Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għalxejn, anzi li aktarx kienet se tinqala’ xi rewixta, qabad u ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal:

S  “Jien miniex ħati ta’ dan id-demm; dan arawh intom!”

C  U l-poplu kollu qabeż u qal 

S  “Demmu fuqna u fuq uliedna!”

C  Imbagħad telqilhom ’il Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu ’l Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu ’l sħabhom kollha.  Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar skur; qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f’idu l-leminija, xteħtu għarkobbtejhom quddiemu u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu: 

S  “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”

 

C  Beżqu fuq, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu.  Imbagħad, wara li għaddewh biż-żuffjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu.

 

U ħaduh magħhom biex isallbuh.  Huma u sejrin, sabu raġel minn Qirene, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.  Meta waslu f’post igħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, tawh jixrob inbid b’taħlita morra; hu daqu, u ma riedx jixorbu.  Imbagħad, sallbuh, u qasmu ħwejġu bejniethom billi tellgħahom bix-xorti, u xteħtu bil-qiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu.

 

U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu, li kienet tgħid hekk, ‘Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.’  Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.

Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: 

S  “Int li tħott it-Tempju u fi tlitt ijem terġa’ tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben ta’ Alla; u inżel minn fuq is-salib.”

C  Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu:

S  “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva!  Hu s-sultan ta’ Israel!  Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih!  Hu jafda f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu!  Għax hu qal, Jiena Bin Alla!”

C  U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li sallbu miegħu.  Minn nofs in-nhar ’il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta.  U f’xi t-tlieta ta’ wara nofs in-nhar Ġesù għajjat b’leħen qawwi u qal:

†  “Eli, Eli, lema sabaqtani?”

C  Jiġifieri:

†  “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”

C  Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu:

S  “Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!”

C  U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li l-oħrajn qalu:

S  “Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!”

C  Imma Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira u ta ruħu.

Hawnhekk kulħadd jinżel għarkobbtejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.

U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċartet fi tnejn minn fuq s’isfel; l-art theżżet, il-blat inqasam, u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, u wara li qamu, ħarġu mill-oqbra u daħlu l-Belt Imqaddsa u dehru lil bosta nies.  Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l-art titheżżeż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża liema bħalu u qalu:

S  “Dan kien tassew l-Iben ta’ Alla!”

 

C  Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija; fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi, u omm ulied Żebedew.

 

X’ħin sar filgħaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù.  Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu.  Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar, u telaq.  Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar.

 

Il-għada, jiġifieri, meta għadda jum it-Thejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu u qalulu:

S  “Sinjur, ftakarna li dal-bniedem qarrieq, meta kien għadu ħaj, qal, ‘Wara tlitt ijiem inqum.’  Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli tiegħu jisirquh u jgħidu lill-poplu, ‘Qam mill-imwiet,’ u hekk il-qerq ta’ l-aħħar ikun agħar minn ta’ l-ewwel.”

C  Qalilhom Pilatu:

S  “Għandkom il-għassa, morru ħarsuh tajjeb kif tafu.”

 

C  U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa’ mħares sewwa, u ħallew ukoll il-għassa miegħu.