|

|
IT-TIFKIRA SOLENNI
TA' L-IKLA TAL-MULEJ
L-EWWEL
QARI -
Qari mill-Ktieb
ta’ l-Eżodu - Eż 12, 1-8. 11-14
Il-Mulej kellem lil Mose’ u lil Aron fl-art ta’ l-Eġittu u
qalilhom: “Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur,
ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena. Kellem lill-ġemgħa kollha
ta’ Israel, u għidilhom: Fil-għaxra ta’ dan ix-xahar kull
wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar.
Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tieklu kollu, wieħed
jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru,
skond in-numru tan-nies; skond kemm kull wieħed jiflaħ
jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf.
Il-ħaruf ikun bla tebgħa, raġel ta’ sena. Tistgħu tieħdu
min-ngħaġ jew mill-mogħoż. Intom iżżommuh sa l-erbatax ta’
dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Israel toqtlu
filgħaxija. Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu u jroxxuh fuq
il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh.
F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, fejn ikunu se
jikluh. F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż
bla ħmira u b’ħaxix morr. U tikluh hekk: qaddejkom inħażżma,
bil-qrieq f’riġlejkom u l-ħatar f’idejkom, u tikluh
bil-għaġġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej.
Għax f’dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art ta’ l-Eġittu u
nidrob ‘il kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art ta’ l-Eġittu,
bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha ta’ l-Eġittu:
jien hu Jahweh. Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar
fejn tkunu, u jien x’ħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda
marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art ta’ l-Eġittu.
Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh
bħala festa tal-Mulej; dan tissoktaw tħarsuh bħala liġi
għaż-żminijiet kollha li ġejjin.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil
Alla.
SALM RESPONSORJALI -
Salm 115
Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu
Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolii l-kalċi tas-salvazzjoni
u nsejjaħ isem il-Mulej.
R/. Il-kalċi mbierek huw xirka mad-demm ta’ Kristu.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-qaddejja tiegħu.
Jiena qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek,
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
R/. Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm il-wegħdi tiegħi lill-Mulej
Quddiem il-poplu kollu tiegħu.
R/. Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu.
IT-TIENI QARI -
Qari mill-Ewwel Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Korintin. - 1 Kor 11, 23-26
Ħuti: Jiena rċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt
lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesu’, fil-lejl li fih kien
ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr, kisru u qal:
“Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira
tiegħi.’’
Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu l-kalċi, intom
ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Nagħtikom kmandament ġdid, igħid il-Mulej,
li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Ġwann. - Ġw 13, 1-15
Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesu’ li waslet is-siegħa
tiegħu biex igħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier,
hu, li kien ħabb ‘il tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom
għall-aħħar.
U waqt l-ikla, meta x-xitan kien diġa webbel lil Ġuda ta’
Xmun l-Iskarjota, biex jittradih, billi kien jaf Ġesu’ li l-Missier
tah kollox f’idejh, u li minn għand Alla kien ġie u għand
Alla kien sejjer, qam mill-ikla, neħħa l-mantar minn fuqu,
ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma
fiż-żinġla, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u
jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.
Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej,
taħsilli saqajja?’’ Ġesu’ wieġeb u qallu: “Int għalissa ma
tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ‘il quddiem.’’
Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!’’
Wieġbu Ġesu’: “Jekk ma naħslekx, ma għandekx x’taqsam miegħi.’’
Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u
rasi wkoll’’. Qallu Ġesu’: “Min hu maħsul, ma għandux
għalfejn jinħasel, ħlief saqajh, imma hu kollu kemm hu nadif.
Intom ukoll indaf, iżda mhux ilkoll.’’ Għax hu kien jaf min
kien sejjer jittradih; għalhekk qal, “Mintomx ilkoll indaf’’.
Meta ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u reġa’ qagħad
fil-mejda, u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli
‘l-Imgħallem’ u ‘Il-Mulej’ u tgħidu sewwa, għax hekk jien.
Mela jekk jien ħsiltilkom saqajkom, jien, li jien il-Mulej u
l-Imgħallem, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax
jien urejtkom x’għandkom tagħmlu biex kif għamilt jien, hekk
tagħmlu intom ukoll.’’
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu.
|