ŻMIEN

IL-GĦID

SENA A

“JIENA MAGĦKOM DEJJEM”

TLUGĦ

IL-MULEJ FIS-SEMA

(LAPSI)

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

IT-TIFKIRA SOLENNI TA’ TLUGĦ IL-MULEJ FIS-SEMA

 

L-1 QARI - Bidu tal-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli - Atti 1, 1-11

FL-EWWEL KITBA TIEGĦI, O Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem mill-bidu sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li bl-Ispirtu s-Santu wissa lill-appostli li hu kien għażel. Lil dawn hu deher ħaj wara mewtu b’xhieda sħiha għalih innifsu, billi dehrilhom għal erbgħin jum u kellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla. Waqt li kien magħhom, qalilhom biex ma jitilqux minn Ġerusalem, imma joqogħdu jistennew isseħħ il-wegħda tal-Missier. “Fuq din,” qalilhom, “smajtuni nkellimkom: li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu fi ftit jiem oħra.”
Għalhekk, xħin kienu flimkien, staqsewh, “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-saltna ta’ Israel?” Hu weġibhom: “Mhix biċċa tagħkom li tkunu tafu l-jiem u ż-żmien li l-Missier żamm fis-setgħa tiegħu. Imma intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu. U tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalem, fil-Lhudija kollha u s-Samarija, u sa truf l-art.”
Wara li qal dan, kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Hu u tiela’ ’l fuq huma kienu jħarsu b’għajnejhom iċċassati lejn is-sema, meta f’daqqa waħda ġew ħdejhom żewġt irġiel bi lbies abjad, li qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li ttieħed minn magħkom lejn is-sema, hekk għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.”
Il-Kelma tal-Mulej.
 


SALM RESPONSORJALI - Salm 46


Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ.

Ċapċpu idejkom, intom ġnus kollha,
ifirħu b’Alla, għajtu u għollu leħinkom!
Għax il-Mulej, il-Għoli, hu tal-biża’,
hu Sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

Tela’ l-Mulej b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lill-Mulej, għannu,
għannu lis-Sultan tagħna, għannu! R/.

Għax hu s-Sultan ta’ l-art kollha:
għannu bis-sengħa lil Alla!
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
Alla qiegħed fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.



IT-2 QARI - Qari mill- Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin. - Ef 1, 17-23

ĦUTI: Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħarfuh, u jdawlilkom il-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom, x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt tiegħu mal-qaddisin, u x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu li wera fi Kristu, meta qajmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet, ’il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, ’il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għalli ġej.
U hu qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi l-Ġisem tiegħu, il-Milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.
Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Morru għallmu l-Ġnus kollha, jgħid il-Mulej;
jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.
Hallelujah.
 


L-EVANĠELJU - Għeluq mill-Evanġelju ta’ San Mattew. - Mt 28, 19-20

F’DAK IŻ-ŻMIEN: il-Ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu; imma xi wħud iddubitaw.
Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, għallmu l-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”
Il-Kelma tal-Mulej.