|

|
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 42, 1-7
Dan igħid il-Mulej:
“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,
il-maħtur tiegħi, li fih qalbi strieħet!
Qegħidt ir-ruħ tiegħi fuqu,
biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu,
ma jsemmax leħnu fil-pjazez,
qasba mġelġla ma jiksirhiex,
musbieħ inemnem ma jitfihx.
Iġib il-ġustizzja lill-ġnus,
ma jegħjiex, ma jitfarrakx,
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art,
għax il-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.’’
Dan igħid Alla, il-Mulej,
li ħalaq u firex is-smewwiet
u l-medda ta’ l-art bil-frott u l-ħdura tagħha,
u jagħti l-ħajja lill-popli li hemm fiha
u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:
“Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,
qbadtek minn idek,
sawwartek u għamilt minnek patt tal-poplu,
dawl għall-ġnus,
biex int tiftaħ għajnejn il-għomja,
toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs u ’l dawk li hemm fid-dlam
minn dar l-egħluq.”
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 28
Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu fis-sliem.
Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,
Agħtu lill-Mulej glorja u qawwa,
Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ Ismu,
inxteħtu quddiem il-Mulej bi lbies qaddis.
R/. Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu fis-sliem.
Leħen il-Mulej fuq l-ibħra,
il-Mulej fuq l-ibħra setgħana.
Leħen il-Mulej hu qawwi,
leħen il-Mulej setgħan.
R/. Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu fis-sliem.
Alla tal-glorja jriegħed,
u fit-tempju tiegħu kulħadd igħid: Glorja!
Il-Mulej għeleb id-dilluvju;
isaltan il-Mulej għal dejjem.
R/. Il-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu fis-sliem.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
Atti 10, 34-38
F’dak iż-żmien: Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa qiegħed
nifhem li tassew Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ, iżda kull min
għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema
nazzjon ikun, hu milqugħ minnu.
Intom tafu li hu bagħat il-kelma tiegħu lil ulied Israel
biex ixandrilhom il-Bxara t-Tajba tas-sliem b’Ġesù Kristu,
li hu s-Sid ta’ kollox; u tafu b’dak li ġara mil-Lhudija
kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni xandar
il-magħmudija: kif Alla kkonsagra ’l Ġesù ta’ Nażaret
bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda
jagħmel il-ġid u jfejjaq ’il dawk kollha li kienu maħkuma
mix-xitan, għax Alla kien miegħu.’’
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.
HALLELUJAH
Hallelujah Hallelujah
Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier instama’:
Dan hu Ibni l-Għażiż, isimgħu lilu.
Hallelujah
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew
Mt 3, 13-17
F’dak iż-żmien: Deher Ġesu’ ġej mill-Galilija lejn il-Ġordan
għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx,
u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ nitgħammed minnek, u int tiġi
għandi?’’ Ġesu’ qallu: “Int għalissa ħallik minn dan, għax
hekk jixraq nimxu biex inkunu għamilna u temmejna s-sewwa
kollu.’’ Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed. Ġesu’ wara li
tgħammed, minnufih tela’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet
infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u
jieqaf fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen igħid: “Dan hu
Ibni l-għażiż; fih sibt il-għaxqa tiegħi.’’
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.
|