ŻMIEN

IL-MILIED

 

SENA A

TWILDILNA SALVATUR

LEJL

TAL-MILIED

HOME

EMAIL

INRODDU ĦAJR LIL-KUMMISSJONI LITURĠIKA NAZZJONALI TAL-PERMESS BIEX NUŻAW IT-TEST TA’ DIN IL-PAĠNA.

 

 

L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.
Is 9, 2-7


Il-poplu li kien miexi fid-dlam
ra dawl kbir,
in-nies li joqogħdu f’art id-dlam
Dawl kbir idda fuqhom.
Int kattart il-hena,
kabbart il-ferħ;
huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
Għax il-madmad li kien itaqqlu,
u l-ħatar ta’ fuq spallejh,
u l-bastun ta’ argużin,
int kissirthom bħal f’jum Midjan.
Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa,
kull mantell imgħargħar fid-demm
jispiċċa għall-ħruq,
biex jieklu n-nar.
Għax tweldilna tifel,
ingħatalna iben;
is-saltna tkun fuq spallejh,
u jsemmuh
“Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan,
Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.’’
Kbira tkun saltnatu,
u s-sliem bla qjies
fuq it-tron ta’ David u s-saltna tiegħu.
Hu jwettaqha u jsaħħaħha
bil-ħaqq u s-sewwa
minn issa u għal dejjem.
Il-ħeġġa tal-Mulej ta’ l-eżerċti tagħmel dan.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 95
Illum tweldilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.


Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej! Bierku ismu.

R/. Illum twildilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.

Ħabbru minn jum għal jum is-salvazzjoni tiegħu,
xandru fost il-ġnus il-glorja tiegħu,
fost il-popli l-egħġubijiet tiegħu.

R/. Illum twildilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kull ma fih.
Imbagħad, igħajtu bil-ferħ
Is-siġar kollha tal-bosk.

R/. Illum twildilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.

Quddiem il-Mulej, għax ġej,
Għax ġej jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
U mill-popli bis-sewwa tiegħu.

R/. Illum twildilna Salvatur, li hu Kristu l-Mulej.

IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu.
Tit 2, 11-14


Għażiż: Dehret il-grazzja ta’ Alla li tagħti s-salvazzjoni
lill-bnedmin kollha; hi trawwimna niċħdu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja biex ngħixu bir-rażan u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesu’ Kristu, li ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddaf poplu u jiksbu għalih, poplu mħeġġeġ għall-egħmil it-tajjeb.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

HALLELUJAH
Hallelujah, Hallelujah

Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir:
illum twildilna Salvatur, Kristu l-Mulej!
Hallelujah

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.
Lq 2, 1-14


Ġara li f’dak iż-żmien Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir iċ-ċensiment tad-dinja kollha. Dan iċ-ċensiment, l-ewwel wieħed, sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.
Ġużeppi mar ukoll mill-Galilija, mill-belt ta’ Nażaret, u tela’ fil-Lhudija, fil-belt ta’ David, jisimha Betlehem, -- għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David -- biex jinkiteb ma’ Marija l-għarusa tiegħu, lil kienet tqila. U meta kienu hemm, għalqilha ż-żmien biex teħles. U tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha, fisqietu, u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
F’dawk l-inħawi kien hemm xi ragħajja fir-raba’, igħassu bil-lejl il-merħla tagħhom. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, u s-sebħ tal-Mulej idda madwarhom; u qabadhom biża’ kbir. Imma l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux; għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, li jkun ferħ għall-poplu kollu: illum, fil-Belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej. U dan ikun għalikom bħala sinjal: issibu tarbija mfisqija u minduda f’maxtura’’. U f’daqqa waħda ngħaqdu ma’ l-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru ‘l Alla u jgħidu: “Glorja ‘l Alla fil-ogħla tas-smewwiet u sliem fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba!’’

Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.