|

|
IT-TRINITÀ
QADDISA
L-1 QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu. - Eż 34, 4b-6, 8-9
F’dak iż-żmien: Filgħodu kmieni Mosè qam u tela’ fuq
il-muntanja Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh
iż-żewġ twavel tal-ġebel.
Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu, u
xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u
għajjat: ‘Jahweh! Jahweh!’ Alla li jagħder u jħenn; tqil
biex jagħdab u kbir fit-tjieba u s-sewwa.”
Mosè minnufih inxteħet għal wiccu fl-art u ta qima. U qal:
“Jekk jiena tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi
ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna
ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik.”
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM RESPONSORJALI - Dan
3, 52-56
Ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna,
ta’ min ifaħħrek u jgħollik għal dejjem.
Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ,
ta’ min ifaħħru wisq u jgħollih għal dejjem. R/.
Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek,
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini,
li ħarstek tinfed l-abbissi,
ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
R/.
Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek,
ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema,
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
R/.
IT-2 QARI - Għeluq it-Tieni
Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin. - 2 Kor 13, 11-13
Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli
wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u
Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom.
Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Isellmulkom l-aħwa
qaddisin kollha. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba
ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, tkun magħkom ilkoll.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
Lil Alla li hu, li kien, u li ġej.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Ġwann. - Ġw 3, 16-18
F’DAK IŻ-ŻMIEN: Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb id-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma
jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma
bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, imma
biex bih hija ssalva. Min jemmen fih ma jkunx iġġudikat,
imma min ma jemminx huwa ġa kkundannat għax ma emminx fl-isem
ta’ l-Iben il-Waħdieni ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
|