|

|
SIBT IL-GĦID -
IS-SAHRA
FIL-LEJL QADDIS TAL-QAWMIEN TAL-MULEJ MILL-IMWIET
L-EWWEL QARI -
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi. - Ġen 1, 1-2, 2
Is-silta
bejn il-parentesi tista’ ma tinqarax.
Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.
(L-art kienet imħarbta u battala, u kien hemm id-dlam fuq
il-baħar, u l-Ispirtu ta’ Alla kien jittajjar fuq wiċċ l-ilma.
Alla qal: “Ikun hemm id-dawl’’. U d-dawl sar. U d-dawl Alla
rah sabiħ u għażlu mid-dlam. U Alla d-dawl semmieh jum u d-dlam
semmieh lejl. U dalam u sebaħ, l-ewwel jum.
Alla qal: “Tinfirex medda biex tifred l-ilmijiet minn xulxin.’’
U Alla għamel medda biex jifred l-ilmijiet ta’ taħtha minn
ta’ fuqha; u hekk kien. U lil din il-medda Alla semmieha
sema. U dalam u sebaħ, it-tieni jum.
Alla qal: jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema,
biex jidher in-niexef.’’ U hekk kien. U fejn kien niexef
Alla semmieh art, u l-ġemgħa ta’ l-ilma semmieha baħar. U
Alla ra li kollox kien sewwa. U Alla żied igħid: “Tnibbet
l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa tas-siġar li
jagħtu l-frott skond il-għamla tagħhom, frott li jkun fih
iż-żerriegħa tiegħu nnifsu fuq l-art. U hekk kien. U l-art
għamlet il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skond
il-għamla tiegħu, u siġar li jagħtu l-frott, li fih
iż-żerriegħa ġo fih skond il-għamla tiegħu. U Alla ra li
kollox kien sew. U dalam u sebaħ, it-tielet jum.
Alla qal: “Ikun hemm imsiebaħ fil-medda tas-sema biex
jifirdu l-jum mil-lejl u biex jagħmluha ta’ sinjali
għat-tqassim tax-xhur, tal-ġranet u tas-snin, u jkun hemm
imnajjar fil-medda tas-sema biex idawlu l-art.’’ U hekk kien.
Għalhekk Alla għamel iż-żewġ imnajjar il-kbar, l-imnara l-kbira
li trieġi l-jum, l-imnara ż-żgħira li trieġi l-lejl, u l-kwiekeb.
U Alla qegħidhom fil-medda tas-sema biex jiddu fuq l-art, u
biex irieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla
ra li kollox kien sewwa. U dalam u sebaħ, ir-raba’ jum.
Alla qal: “Jimtela l-ilma b’dewwedija ta’ ħlejjaq, u
jittajjar it-tajr fuq l-art lejn il-medda tas-sema.’’ U Alla
ħalaq il-ħut il-kbir, l-annimali kollha li jitkaxkru, dawk
li l-ilma miżgħud bihom, skond ir-razez tagħhom, u t-tajr
skond ir-razez tiegħu. U Alla ra li kollox kien sewwa. U
berikhom Alla waqt li qalilhom: “Ferrgħu u tkattru u imlew
l-ilma ta’ l-ibħra, u jitkattar it-tajr fuq l-art.’’ U dalam
u sebaħ, il-ħames jum.
Alla qal: “Tnissel l-art annimali, kull wieħed skond
ir-razza tiegħu, bhejjem tad-dar, hlejjaq li jitkaxkru, u
annimali selvaġġi, kull wieħed skond ir-razza tiegħu.’’ U
hekk kien. U Alla ħalaq l-annimali selvaġġi, skond ir-razez
tagħhom, u l-bhejjem tad-dar, skond ir-razez tagħhom, u kull
ma jitkaxkar ma’ l-art, skond ir-razez tagħhom. U Alla ra li
kollox kien sewwa.)
Imbagħad Alla qal: “Nagħmlu l-bniedem skond ix-xbieha tagħna,
bħalna, biex jaħkem fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr ta’ l-arju,
fuq il-bhejjem tad-dar, fuq l-annimali selvaġġi, u fuq
il-ħlejjaq li jitkaxkru ma’ l-art.’’ U ħalaq il-bniedem
skond ix-xbieha tiegħu, iva, skond ix-xbieha ta’ Alla
ħalaqhom, u għamilhom raġel u mara. U berikhom Alla, u
qalilhom: “Nisslu u tkattru u imlew l-art, u aħkmu fuqha, u
saltnu fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr ta’ l-arju, u fuq
il-ħlejjaq kollha li jitkaxkru ma’ l-art.’’
U Alla qal: “Ara, tajtkom il-ħaxix kollu li jagħmel
iż-żerriegħa; fuq wiċċ l-art kollha, u s-siġar kollha li
jagħmlu il-frott biż-żerriegħa; dan kollu tajtulkom biex
tieklu minnu. U lill-annimali kollha ta’ l-art, lit-tjur
kollha tas-sema, u ‘l kull ma jitkaxkar ma’ l-art li fih
nifs il-ħajja, lilhom tajthom il-ħaxix aħdar kollu biex
jieklu minnu’’. U hekk kien. U Alla ħares lejn kull ma
għamel, u ra li kollox kien sewwa ħafna.
(U dalam u sebaħ, is-sitt jum. U tlestew is-sema u l-art
bit-tiżjin tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm il-biċċa
xogħol li għamel, u waqaf mill-ħidma tiegħu.)
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.
Jingħad Salm wieħed mit-tnejn li ġejjin.
SALM RESPONSORJALI - Salm 103
Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, int kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl inti mkebbeb bħal b’mantell.
R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.
Int waqqaft l-art fuq is-sisien tagħha,
b’mod li qatt ma tista’ titħarrek;
bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;
l-ilmijiet twaqqfu fuq il-għoljiet.
R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej
Inti tmexxi lejn il-widien l-egħjun,
u huma jiġru bejn il-għoljiet.
Matulhom igħammru l-agħsafar ta’ l-arju,
minn qalb il-friegħi jsemmgħu leħenhom.
R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.
Issaqqi l-muntanji mill-għoli tiegħek;
Bil-frott ta’ għamilek tixba’ l-art.
Int tnibbet il-ħxejjex għall-bhejjem,
u x-xitel li bih jinqeda l-bniedem
biex joħroġ il-ħobż mill-art.
R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.
Kemm huma kotrana l-egħmejjel tiegħek,
Mulej!
Kollha bil-għerf għamilthom;
mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ, tiegħi, ‘il-Mulej.
R/. Ġedded il-wiċċ ta’ l-art, Mulej.
Jew:
SALM RESPONSORJALI -
Salm 32
It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.
Sewwa hi l-Kelma tal-Mulej,
kull ma għamel kollu fedelta’,
iħobb is-sewwa u l-ġustizzja,
u t-tjieba tal-Mulej imliet l-art.
R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.
Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin tagħhom;
ġabar l-ilmijiet bħal f’żaqq,
u f’maħżen l-ibħra l-kbar.
R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.
Imbierek il-ġens li l-Mulej hu Alla
tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu!
Mis-sema jħares il-Mulej,
ulied il-bnedmin ilkoll jarahom.
R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej,
kif fik hi t-tama tagħna.
R/. It-tjieba tal-Mulej imliet l-art.
IT-TIENI QARI
- Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
- Ġen 22, 1-18
Is-silta
bejn il-parentesi tista’ ma tinqarax.
F’dak iż-żmien: Alla ried iġarrab lil Abraham, u qallu:
“Abraham!’’ Wieġbu: Hawn jien’’. U qallu Alla: “Aqbad ‘l
ibnek il-waħdieni li tħobb, lil Iżakk, u erħilha lejn l-art
ta’ Morija, u offrih hemm sagrifiċċju fuq waħda mill-muntanji
li nurik’’.
(Filgħodu kmieni Abraham rama’ l-ħmar tiegħu u ħa ż-żewġ
qaddejja tiegħu miegħu u ‘l Iżakk, ibnu, u qatta’ l-ħatab
għas-sagrifiċċju u qam u mar lejn il-post li qallu bih Alla.
Kien it-tielet jum meta Abraham refa’ għajnejh u ra l-post
mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu
hawn bil-ħmar waqt li jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm biex
naduraw u nerġgħu lura lejkom.’’
U Abraham qabad il-ħatab tas-sagrifiċċju u għabbieh lil ibnu
Iżakk, u ħa f’idu n-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn
flimkien. Iżakk qal lil Abraham, Missieru: “Missier’’.
Wieġbu Abraham: “Hawn jien, ibni,’’ Qallu Iżakk: “Hawn in-nar
u l-ħatab, imma fejn hi n-nagħġa għas-sagrifiċċju?’’ Qal
Abraham: “Alla jieħu ħsieb hu tan-nagħġa għas-sagrifiċċju,
ibni.’’ U baqgħu sejrin flimkien.)
U waslu fil-post li qallu Alla; u hemm Abraham bena altar u
qiegħed il-ħatab fuqu.
(Rabat lil Iżakk, ibnu, u qiegħdu fuq l-altar, fuq il-ħatab.)
U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.
Iżda għajjatlu l-anġlu tal-Mulej mis-sema u qallu: “Abraham,
Abraham!’’ Wieġeb: “Hawn jien. ’’ U qallu l-anġlu: “La
tmiddx idek fuq Iż-żagħżugħ, u ara li ma tagħmillu xejn għax
issa rajt li għandek il-biża’ ta’ Alla u ma cħadtlix lil
ibnek, il-waħdieni tiegħek.’’
U Abraham refa’ għajnejh iħares, u ra muntun warajh, maqbud
minn qrunu fil-friegħi. U mar Abraham u qabad il-muntun, u
offrieh sagrifiċċju flok ibnu.
(Abraham semma, dak il-post ‘Il-Mulej jipprovdi’; għalhekk
illum igħidu: ‘Fuq il-muntanja tal-Mulej hemm il-providenza’.)
U għajjat l-anġlu tal-Mulej lil Abraham għat-tieni darba
mis-sema, u qallu: “Naħlef fuq ruħi -- din kelma tal-Mulej
-- li ladarba inti għamilt din il-ħaġa u ma bżajtx għal
ibnek, il-waħdieni tiegħek, jiena nbierkek u nkattarlek
nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel ta’ xatt il-baħar,
u nislek jiret bwieb l-egħdewwa tiegħu. U bis-saħħa ta’
nislek jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art, talli smajt minni.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu hajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI -
Salm 15
Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.
Mulej, inti s-sehem ta’ wirti u ta’ xortija,
inti żżomm f’idejk xortija.
Dejjem quddiemi żammejt ‘il-Mulej,
għax bih f’leminti ma nitħarrek qatt.
R/. Ħarisni, Mulej għax għandek nistkenn
Tifraħ għalhekk qalbi, u tithenna ruħi,
u ġismi jistrieħ bil-kwiet.
Għax inti ma tħallix lil ruħi fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara t-taħsir.
R/. Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.
Int turini t-triq tal-ħajja:
Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm għaxqa għal dejjem f’lemintek.
R/. Ħarisni, Mulej, għax għandek nistkenn.
IT-TIELET QARI -
Qari mill-Ktieb ta’ l-Eżodu.
- Eż 14, 15-15, 1
F’dak iż-żmien: Il-Mulej qal lil Mose’: “Għaliex tgħajjat
lili? Għid lil ulied Israel jerfgħu t-tined tagħhom u
jitilqu. U int għolli l-ħatar tiegħek u midd idek fuq
il-baħar u oforqu. Ulied Israel, imbagħad, jaqsmu fl-inxief
f’nofs il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb ta’ l-Eġizzjani
biex igħaddu warajkom, u nuri s-sebħ tiegħi permezz
tal-Fargħun u l-qtajja’ kollha tiegħu, bil-karrijiet u r-rikkieba
kollha tiegħu. Imbagħad ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej,
meta nuri s-sebħ tiegħi permezz tal-Fargħun, bil-karrijiet u
r-rikkieba tiegħu.’’
Imbagħad l-anġlu ta’ Alla, li kien miexi quddiem it-tined ta’
Israel, telaq u mar warajhom, u l-kolonna ta’ sħaba minn
quddiemhom marret toqgħod warajhom u ġiet bejn it-tined ta’
l-Eġizzjani u t-tined ta’ Israel. Kien hemm is-sħaba u d-dlam,
u għadda lejl bla ħadd minnhom ma seta’ jersaq wieħed lejn
l-ieħor.
Imbagħad Mose’ medd idu fuq il-baħar, u
l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul
il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu.
Imbagħad ulied Israel daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar; l-ilmijiet
kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug. L-Eġizzjani
marru warajhom u daħlu f’nofs il-baħar biż-żwiemel kollha
tal-Fargħun u l-karrijiet u r-rikkieba tiegħu.
Fis-sahra ta’ filgħodu il-Mulej, minn ġol kolonna tan nar u
sħaba, xeħet ħarsa fuq it-tined ta’ l-Eġizzjani u ħarbathom,
u xekkel ir-roti tagħhom li bit-tbatija setgħu jmexxuhom.
Imbagħad l-Eġizzjani bdew igħajtu: “Ħa naħarbu minn quddiem
Israel, għax il-Mulej qiegħed jiġġieled għalihom kontra l-Eġizzjani!’’
Il-Mulej qal lil Mose’: “Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma
jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani bil-karrijiet u r-rikkieba
tagħhom.’’
U Mose’ medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar
reġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani huma u jaħarbu
sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs l-ilma. L-ilmijiet
reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba ta’ l-eżerċtu
kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar: anqas
wieħed ma baqa’ minnhom. U wlied Israel għaddew fl-inxief
f’nofs il-baħar, u l-ilmijiet kienu għalihom bħal ħitan fuq
il-lemin u fuq ix-xellug tagħhom.
Dal in-nhar il-Mulej salva lil Israel minn id l-Eġizzjani, u
Israel ra ‘l-Eġizzjani mejta fuq xatt il-baħar. Ra Israel
kull ma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani b’idu l-qawwija. U
beża’ l-poplu mill-Mulej u emmen fil-Mulej u f’Mose’ l-qaddej
tiegħu.
Imbagħad Mose’ flimkien ma’ wlied Israel, għanna lill-Mulej,
din il-għanja, u qalu:
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu hajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI -
Eż 15, 1-6. 17-18
Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ.
Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ;
żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.
Qawwieti u għanijieti l-Mulej:
Għalija sar is-salvazzjoni.
Dan hu Alla tiegħi, u lilu nfaħħar;
Alla ta’ missieri, u lilu ngħolli!
R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ
Il-Mulej gwerrier,
Jaħweh ismu!
Il-karrijiet tal-Fargħun u qawwietu
tefagħhom fil-baħar;
l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu
f’Baħar il-Qasab għarraqhom!
R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ
Belagħhom l-irdum,
bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.
Lemintek, Mulej, issebbħet fil-qawwa,
lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu.
R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ
Lill-poplu tiegħek int twasslu u tħawlu
fuq il-muntanja, wirt tiegħek,
Il-post Mulej, li int għamiltu għamara tiegħek,
il-maqdes, ja Sidi, li hejjew idejh.
Il-Mulej isaltan
Għal dejjem ta’ dejjem.
R/. Ngħanni lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ.
IR-RABA’ QARI - Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija. - Is 54, 5-14
Dan igħid il-Mulej:
Il-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,
Il-Mulej ta’ l-eżerċti jismu;
Il-Feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Israel,
‘Alla ta’ l-art kollha jissejjaħ.
Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha
Sejjaħlek il-Mulej,
“Jista’ wieħed jitlaq il-mara ta’ żgħożitu?’’
igħid il-Mulej Alla tiegħek.
Għal ftit jien tlaqtek;
Imma b’imħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok.
Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek.
B’imħabba ta’ dejjem ħennejt għalik,
igħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.
Dan għalija bħal fi żmien Noe’,
meta ħlift li l-ilma ma jerġax igħarraq l-art.
Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik
U anqas ma nċanfrek.
Jistgħu jitħarrku l-muntanji,
jitheżżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrekx,
u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx:
Il-kelma tal-Mulej li jħenn għalik.
Ja msejkna, imħabbta mir-rwiefen,
bla faraġ ta’ xejn,
ara, se nibnilek il-ġebel tiegħek fuq il-ħaġar prezzjuż,
fuq pedamenti taż-żaffiri;
It-turretti tiegħek nagħmilhom tar-rubini,
il-bwieb tiegħek ta’ l-iżmerald,
u d-dawra tas-swar tiegħek tal-ħaġar prezzjuż.
Uliedek kollha jkunu dixxipli tal-Mulej,
u s-sliem tagħhom ikun bla qjies.
Fuq il-ġustizzja għad tkun mibnija.
Warrab ‘il bogħod minnek id-dwejjaq
għax ma jkollokx mniex tibża’,
u t-twerwir għax ma jersaqx lejk.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI -
Salm 29
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
Ngħolli, Mulej, għax erfajtni,
U ma ferraħtx l-egħdewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli ‘l ruħi mill-imwiet,
ħlistni minn dawk li jinżlu fil-ħofra.
R/. Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
Għannu lill-Mulej, O ħbieb tiegħu,
U faħħru t-tifkira mqaddsa tiegħu.
Għax is-saħna tiegħu ftit iddum,
iżda tjubitu għomor sħiħ.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jfeġġ il-hena.
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija,
Mulej, kun il-għajnuna tiegħi!
Int bdiltli fi żfin il-għali tiegħi;
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem.
R/. Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
IL-ĦAMES QARI -
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija. -Is 55, 1-11
Dan igħid il-Mulej:
Intom li għandkom il-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li ma għandkomx flus.
Ejjew ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhux ħobż
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
skond il-wegħdi li mħabbti għamlet lil David.
Ara, jien qegħidtek xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġislatur fuq il-popli.
Int ġens li ma tafx għad issejjaħ,
ġnus li ma jafukx għad jiġu għandek
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
u l-Qaddis ta’ Israel,
għax lilek hu żejjen bil-ġieh.
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
“Il-fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom
U t-triqat tieghi mhumiex triqatkom
--din hi kelma tal-Mulej --
“Għax daqskemm huma ogħla s-smewwiet
mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ‘l fuq minn triqatkom
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.
Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet
U tagħti ż-żerriegħa ‘l min jiżra’ u l-ħobż ‘il min jiekol,
hekk jiġri minn kelmti:
Hija toħroġ minn fommi
u ma terġax lura vojta,
Imma tagħmel dak li jogħġob lili
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddi hajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI -
Is 12, 2-3. 4b-6
Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni
Alla hu s-salvazzjoni tiegħi;
Jiena nittama u ma nibżax,
għax il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej,
hu s-salvazzjoni tiegħi.
kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun tas-salvazzjoni.
R/. Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni.
Għannu lill-Mulej, sejħu lil ismu,
għarrfu lill-ġnus l-egħġubijiet tiegħu,
xandru li ismu huwa fil-għoli.
R/. Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni.
Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ
kbar,
ħa jkun dan magħruf min-nies kollha ta’ l-art.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel.
R/. Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-egħjun
tas-salvazzjoni.
IS-SITT QARI -
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk.
- Bar 3, 9-15. 32-4,4
Isma’, Israel, il-kmandamenti tal-ħajja,
Agħtu widen, tgħallmu l-għerf!
Għaliex, Israel, għaliex tinsab f’art l-egħdewwa tieghek?
Għaliex qiegħed tixjieħ f’art barranija?
Int imniġġes mal-mejtin,
magħdud fost dawk li jinżlu f’art il-mejtin;
Int twarrabt mill-għajn tal-għerf.
Li kieku mxejt fit-triq ta’ Alla,
kont tkun tgħix fis-sliem għal dejjem!
Tgħallem fejn hemm il-għaqal,
fejn hemm il-qawwa, fejn hemm id-dehen,
biex f’ħin wieħed tagħraf
fejn hemm it-tul tal-għomor u l-ħajja,
fejn hemm id-dawl għall-għajnejn u s-sliem.
Imma min kixef fejn jinsab il-għerf?
U min daħal fil-imħażen tiegħu?
Imma dak li jaf kollox jaf fejn hu l-għerf,
għax sabu hu bid-dehen tiegħu,
Hu, li hejja l-art għal dejjem,
li mlieha bl-annimali li jimxu fl-art;
Hu li jibgħat id-dawl, u dan imur,
isejjaħlu, u jisma’ minnu mriegħed;
Jiddu l-kwiekeb f’posthom u jifirħu,
Hu jsejħilhom, u huma jwieġbu: “Hawn aħna’’;
jiddu ferħana għal dak li għamilhom.
Dan hu Alla tagħna:
ħadd ma joqgħod ħdejh!
Hu sab it-triqat kollha tal-għerf
u tah ‘il Ġakob il-qaddej tiegħu
u lil Israel il-maħbub tiegħu.
Imbagħad dan il-għerf deher fid-dinja
u għammar fost il-bnedmin.
Hu l-ktieb tal-kmandamenti ta’ Alla,
Hu l-liġi li tibqa’ għal dejjem;
Kull min iħarsu sewwa jgħix,
dawk li jħalluh imutu.
Erġa’ lura, Ġakob, u ilqa’ l-għerf,
imxi, lejn id-dinja tad-dawl tiegħu;
titlaqx il-glorja tiegħek ‘il ħaddieħor,
anqas ġieħek lil ġens barrrani.
Ħienja aħna, Israel,
għax dak li jogħġob ‘l Alla kien mgħarraf lilna.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu hajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI -
Salm 18
Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Il-liġi tal-Mulej sħiħa,
tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej sewwa,
tgħallem lil min ma jafx.
R/. Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’
dejjem
Il-preċetti tal-Mulej tajbin,
iferrħu l-qalb;
Il-kmandament tal-Mulej safi,
idawwal il-għajnejn.
Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Il-biża’ tal-Mulej nadif,
jibqa’ għal dejjem;
l-ordnijiet tal-Mulej sewwa,
imseddqa għal kollox.
R/. Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’
dejjem.
Huma egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
u mill-qtar tax-xehda.
R/. Mulej, inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’
dejjem.
IS-SEBA’ QARI -
Qari mill Ktieb tal-Profeta
Eżekjel - Eżek 36, 16-28
Il-Mulej kellimni u qalli:
“Bin il-bniedem,
meta d-dar ta’ Israel kienu għadhom f’arthom,
huma tebbgħuha bl-imġiba tagħhom u b’egħmilhom.
U jien xerridt il-qilla tiegħi fuqhom
Minħabba fid-demm li xerrdu fl-art,
u minħabba fl-idoli li bihom ċappsu l-art.
Xerridthom fost il-ġnus,
u huma xterrdu ma’ l-artijiet;
Għamilt ħaqq minnhom skond l-imġiba tagħhom
u skond triqathom.
Meta marru fost il-ġnus,
kull fejn marru, kasbru ismi l-qaddis,
hekk li n-nies bdew igħidu għalihom:
‘Dan hu l-poplu tal-Mulej
li kellhom joħorġu minn arthom!
Imma jien bżajt għal ismi l-qaddis
li wlied Israel kasbru fost il-ġnus fejn marru.
Għalhekk għidilha lid-dar ta’ Israel:
Dan ighid Sidi l-Mulej:
‘Mhux minħabba fikom sejjer nagħmel dan,
ja dar ta’ Israel,
iżda minħabba f’ismi l-qaddis
li intom kasbartu fost il-ġnus fejn mortu:
Jien nqaddes ismi l-kbir,
imkasbar minnkom fost il-ġnus li f’nofshom kasbartuh,
u l-ġnus kollha jkunu jafu li jiena l-Mulej
-- igħid Sidi l-Mulej --
meta nitqaddes bihom quddiem għajnejkom.
għax neħodkom minn fost il-ġnus
u niġmagħkom mill-artijiet kollha,
u nerġa’ ndaħħalkom f’artkom.
U rroxx fuqkom ilma safi,
u tissaffew mit-tniġġis kollu tagħkom,
mill-idoli kollha tagħkom insaffikom,
u nagħtikom qalb ġdida,
u nqiegħed ġo fikom ruħ ġdida,
u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel
u nagħtikom qalb tal-laħam.
U nqiegħed ruħi ġo fikom,
U nagħmel li timxu skond il-kmandamenti tiegħi
U li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.
U tgħammru fl-art li tajt ‘il missirijietkom,
u intom tkunu l-poplu tiegħi
u jiena nkun Alla tagħkom.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu haj lil Alla
SALM RESPONSORJALI -
Salm 41
Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!
Ruħi għatxana għal Alla,
għal Alla ħaj;
Meta niġi u nara l-wiċċ ta’ Alla?
R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!
Kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ
sad-dar ta’ Alla,
Fost l-agħjat ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr,
qalb folla ferħana.
R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!
Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwqa tiegħek:
Huma jmexxuni,
Iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek,
u fl-egħrejjex tiegħek.
R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!
U nidħol ħdejn l-altar ta’ Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
Mulej Alla tiegħi.
R/. Ruħi mxennqa għalik, O Alla tiegħi!
L-EPISTOLA -
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lir-Rumani - Rum 6, 3-11
Ħuti: Ma tafux intom li aħna, li tgħammidna fi Kristu Ġesu’,
tgħammidna fil-mewt tiegħu? Aħna ndifinna miegħu permezz
tal-magħmudija fil-mewt, biex kif Kristu qam mill-imwiet
bil-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk ukoll aħna ngħixu ħajja
ġdida.
Għax jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbaħ lil
tiegħu, hekk ukoll insiru fil-qawmien għall-ħajja. Aħna nafu
dan: li l-bniedem il-qadim tagħna kien imsallab miegħu biex
jinqered il-ġisem midneb u ma nibqgħux iktar ilsiera tad-dnub.
Għax min imut ikun meħlus mid-dnub.
Jekk mitna ma’ Kristu, nemmnu li wkoll ngħixu miegħu. Aħna
nafu li Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar: il-mewt
ma ssaltanx iktar fuqu. Hu miet, miet għal darba għad-dnub;
imma issa qiegħed igħix għal Alla.
Hekk intom, qisu ruħkom mejta għad-dnub, imma ħajjin għal
Alla, marbutin ma’ Kristu Ġesu’.
Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
- Salm 117
Ħallelujah, hallelujah, hallelujah
Faħħru ‘l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax it-tjieba tiegħu għal dejjem.
Ħa jgħid Israel:
It-tjieba tiegħu għal dejjem.
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Il-leminija tal-Mulej marret minn fuq,
il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!
Ma mmutx, imma ngħix,
u nħabbar l-egħmejjel tal-Mulej.
R/. Ħallelujah, hallelujah, hallelujah.
Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
L-EVANĠELJU - Qari mill-Evanġelju
ta’ San Mattew. - Mt. 28, 1-10
Meta għadda is-Sibt, maż-żernieq
tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra
marru jaraw il-qabar. U ara, inħasset theżhiża kbira għax
niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u
qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa;
lbiesu abjad bas-silġ. Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa
qabdithom ir-rogħda u saru qishom mejtin. Iżda l-anġlu qabad
u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li
qedgħin tfittxu lil Ġesu` li kien imsallab. M’huwiex hawn
għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien
qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam
mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Gallilija qabilkom:
tarawh hemmhekk. Araw, għidtulkom.’’ Dawk telqu malajr minn
ħdejn il-qabar, kollhom biża` u ferħ kbir, u marru jiġru
jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara, ltaqa’ magħhom
Ġesu` u qalilhom: “Is-sliem għalikom.’’ Huma resqu lejh,
qabdulu riglejh u nxteħtu quddiemu. Mbagħad Ġesu` qalilhom:
“Tibżgħu xejn: morru waslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu
lejn il-Galilija: lili jarawni hemmhekk.’’
Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.
|