|

|
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta,
Isaija. Is 62, 1-5
Minħabba f’Sijon ma nehdiex,
minħabba f’Ġerusalem ma niskotx.
Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha,
Bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
b’isem ġdid għad isejħulek,
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.
Ma jgħidulekx aktar ‘Il-mitluqa’,
anqas lil artek ma jseħħulha aktar ‘L-imħarbta’.
Lilek għad isejħulek ‘Għaxqti fiha’,
u lil artek għad igħidulha “Għarusa’;
għax il-għaxqa tal-Mulej fik,
u artek għad titgħarras.
Bħalma l-għarus jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 88
It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni. Salm 88
Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
u ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Nagħmel li n-nisel tiegħek jibqa’ għal dejjem,
u li t-tron tiegħek jibqa’ sħiħ f’kull nisel.
R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.
Hieni l-poplu li jaf igħajjat bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl tal-ħarsa tiegħek.
B’ismek jithennew il-jum kollu,
u bis-sewwa tiegħek jitgħollew
R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.
Hu jsejjaħli: Missieri int,
Alla tiegħi u blata tas-salvazzjoni tieghi!
It-tjieba tiegħi fuqu nżommha għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ.
R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli
Atti 13,16-17,22-25
Meta ġie f’Antjokja tal-Pisidja, Pawlu qam fis-sinagoga,
għamel sinjal b’idu u beda jitkellem: ‘ Nies ta’ Israel, u
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla, isimgħuni! Alla ta’ dan
il-poplu ta’ Israel għażel ‘il missirijietna. Meta l-poplu
kien igħix f’art barranija, fl-Egittu, Alla għamlu poplu
kbir u ħarġu minn hemm bil-qawwa ta’ driegħu. Meta mbagħad
neħħa ‘l Sawl, qiegħed il-David bħala sultan tagħhom, li
għalih ta’ din ix-xhieda: ‘Sibt il-David, bin Ġesse, raġel
skond qalbi li jagħmel dak kollu li rrid jien’. Hu minn
nislu li Alla, skond il-wegħda tiegħu, ġieb għal Israel
salvatur, li hu Ġesu’.
Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni deher ixandar magħmudija ta’
ndiema lill-poplu kollu ta’ Israel. U meta kien wasal fi
tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal: ‘Jien miniex dak li intom
taħsbu li jien. Dan ġej warajja, u jien anqas jistħoqqli
nħoll il-qorq ta’ riġlejh’.’’
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla
HALLELUJAH
Hallelujah Hallelujah
Għada jinqered il-ħażen ta’ l-art,
U jsaltan fuqna s-Salvatur tad-dinja.
Hallelujah
L-EVANĠELJU
(Is-silta bejn il-parentesi tista’ ma tinqarax)
Bidu ta’ l-Evanġelju ta’ San Mattew
Mt 1, 1-22
(Ktieb in-nisel ta’ Ġesu’ Kristu, bin David, bin Abraham.
Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakob, Ġakob
nissel lil Ġuda, u ‘l ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil
Żaraħ, minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel
lil Aram, Aram nissel lil Għaminadab, Għaminadab nissel lil
Naħson, Naħson nissel lil Salmon, Salmon nissel lil Bogħoż
minn Raħab, Bogħoż nissel lil Għobed, minn Rut, Għobed
nissel lil Ġesse, Ġesse nissel lis-sultan David, David
nissel lil Salamun mill-mara ta’ Urija, Salamun nissel lil
Robogħam, Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa,
Asa nissel lil Ġosofat, Ġosofat nissel lil Ġoram, Ġoram
nissel lil Għużżija, Għużżija nissel lil Goatam, Ġoatam
nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, Ħeżekija nissel
lil Manasse, Manasse nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija,
Ġosija nissel lill Ġekonija u lil ħutu; kien żmien l-eżilju
f’Babel.
Wara l-eżilju f’Babel, Ġekonija nissel lil Salatjel,
Salatjel nissel lil Żorobabel, Żorobabel nissel lil Abihud,
Abihud nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil Ażor, Ażor
nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel Elihud,
Elihud nissel lil Elgħażar, Elgħażar nissel lil Mattan,
Mattan nissel lil Ġakob, Ġakob nissel lil Ġużeppi, ir-raġel
ta’ Marija, li minnha twieled Ġesu’ li jsejħulu Kristu.
Mela n-nisel kollu kien: minn Abraham sa David, erbatax-il
nisel. Minn David sa l-eżilju ta’ Babel, erbatax-il nisel; u
mill-eżilju ta’ Babel sa Kristu, erbatax-il nisel.)
It-tnissil ta’ Ġesu Kristu sar hekk: Ommu Marija, wara li
tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien,
ħarġet tqila bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi
li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd,
għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li
qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u
qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil
Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma ta’
l-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesu’,
għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.’’
Dan kollu ġara biex iseħħ li kien qal il-Mulej permezz
tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh ‘Għimmanu-El’’’ li bi lsienna jfisser ‘Alla Magħna’’’.
Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u
laqa’ ‘l martu għandu. U baqa’ ma għarafhiex sa ma kellha
iben, u semmieh Ġesu’.
Jingħad il-Kredu. Fil-Kelmiet U ħa l-ġisem - sar bniedem
ninżlu għarrkubbtejna.
Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir lilek Kristu
|