Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

B’ĦAFNA PARRABBOLI KIEN IXANDRILHOM IL-KELMA

Sena B -

IL-ĦDAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA

EWWEL QARI - (Eżek 17, 22-24)
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel.

Dan igħid Sidi l-Mulej:
Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru għoli,
minn tarf il-friegħi torja, rimja żgħira,
u nxettilha fuq muntanja għolja u kbira;
Fuq il-muntanja f’għolja ta’ Israel inxettilha.
U hi toħroġ il-friegħi
u tagħmel il-frott,
u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.
U taħtha jistkenn kull tajr bil-ġwienaħ,
jistkennu taħt id-dell tal-friegħi tagħha.
U jagħarfu s-siġar kollha tar-raba’
li jien il-Mulej
Li siġra għolja nċekkinha
u siġra żgħira nkabbarha;
Innixxef is-siġra l-ħadra,
u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.
Jien hu l-Mulej;
Tkellimt, u li għidt nagħmlu.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - (Salm 91)
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.
u ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u l-fedelta’ tiegħek fl-iljieli. R/.

Il-bniedem ġust bħal palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Lebanon jikber,
imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi ta’ Alla tagħna. R/.

Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
mimlijin kollha ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej:
Hu l-blata tiegħi, ebda qerq m’hemm fih. R/.

 

II-TIENI QARI - (2 Kor 5, 6-10)
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti: Aħna dejjem qalbna qawwija, u nafu li, sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, aħna nibqgħu ‘l bogħod mill-Mulej; għax aħna ngħixu bil-fidi u mhux b’dak li naraw. Aħna qalbna qawwija u jidhrilna li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej. Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.
Jinħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

HALLELUJAH


Hallelujah. Hallelujah.

Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom,
li tista’ ssalvalkom irwieħkom.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU - (Mk 4, 26-34)
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak Iż-żmien: Ġesu’ qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, bil-lejl jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nnifisha l-ewwel il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad.’’
U qal: “Ma xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din, meta tinżera’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżera’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-agħsafar ta’ l-arju jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha.’’
B’ħafna parrobboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek, Kristu.

 

 

 

 

 

    

 

Matul is-sena 2006, f’dan il-Ħadd ħabtet il-Festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (Corpus Christi)

 

Ara l-qari u l-ħsieb propju >>>