|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia DAN MIN HU? |
|
|
Sena B - IT-TNAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA
|
Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor – Din l-istedina ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu mhix waħda għal xi ġurnata xalata. Lanqas mhi sejħa għal ħajja komda u ta’ għażż, iżda invit biex id-dixxipli jestendi ‘l barra l-oriżżonti tiegħu u jifhem li l-għalqa li fiha huwa msejjaħ biex jaħdem tmur ferm ‘il hinn mill-ħitan tal-għaqda jew mill-konfini tal-parroċċa. Is-sejħa ta’ Ġesù biex naqsmu għax-xatt l-ieħor hija waħda biex aħna wkoll, bħar-Ragħaj it-Tajjeb, noħorġu ‘l barra mill-bieb tal-maqjel ħalli nfittxu n-nagħġa mitlufa anke fi bnadi li huma skomdi u li jistgħu jkunu riskjużi. Hija l-istedina tiegħu biex naqdfu ‘l barra fil-fond għax hemm ukoll jeħtiġilna inkalaw ix-xbieki. (Lq. 5:4) U qam riefnu kbir – Fil-bidu ta’ din is-silta, l-Evanġelista qalilna li kien filgħaxija, ħin, li minħabba d-dlam li jkun riesaq, fl-Iskrittura huwa spiss assoċjat mal-forzi tal-dlamijiet. Għalhekk ir-riefnu li qam u l-mewġ li beda jimla d-dgħajsa, forsi ma kienx sempliċiment dak il-maltemp li d-dixxipli, bħal kull sajjied ieħor tas-sengħa, kienu mdorrija jħabbtu wiċċhom miegħu. Aktarx li aktar irridu naraw fih dak it-tiġrib li kif naqraw fil-ktieb ta’ Bin Sirak, jeħtieġlu jkun lest għalih kull min jixtieq jaqdi lil-Mulej. (2:1) Ir-riefnu u l-maltemp li qam, minkejja li faċilment sata’ kien kaġunat mill-elementi tan-natura, imma bla dubju ta’ xejn ifakkarna f’dak il-maltemp, li f’xi mument jew ieħor, aħna jkollna ngħaddu minnu. Huwa l-inkwiet tal-ħajja, li spiss jitfaċċa bħal sajjetta fil-bnazzi u li tagħmel x’tagħmel, ma jaħfirha lil ħadd. Kultant forsi naħsbu, li għax ikollna lil Ġesù magħna, ir-riħ allura ma jonfoħx u l-baħar jibqa’ qisu żejt. Nippretendu li għax mmorru l-knisja u qed ngħixu ħajja ta’ talb, allura ħlisna mill-inkwiet kollu tal-ħajja. Imma minn din il-ġrajja tal-Appostli u mill-esperjenza tagħna malajr nintebħu li dan mhux il-każ. Li l-baħar u l-mewġ jibqa’ jħabbat għad-dixxiplu ta’ Ġesù wkoll u li l-ħajja tagħna, bħad-dgħajsa tad-dixxipli, spiss naħsbuha li se tintilef. Hu kien fil-poppa, rieqed – Il-poppa tad-dgħajsa huwa post it-tmunier. Imma t-tmunier ma jorqodx għax inkella d-dgħajsa titfarrak. U allura jekk l-Appostli fdawlu tmun ħajjithom f’idejh, Ġesù, kif inhuwa rieqed? Forsi ma kellhomx raġun imorru jqajmuh u jagħmlulu dik il-mistoqsija, “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nitilfu?” Imma din ma kienetx domanda li għamlu huma biss. Meta nilmaħ il-mewġ ta’ madwari, min jaf kemm drabi għamilt l-istess domanda jiena wkoll. L-inkwiet, il-mard, it-tbatija, id-dnub – forsi mhux dawn ukoll huma l-mewġ ta’ ħajti. U allura mhux ta’ b’xejn li jiena wkoll nistaqsi, “Mulej fejn int? Mela irqadt? Forsi dan mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” Ordna lir-riħ u qal lill-baħar – Fid-dehra ta’ Ġesù li wieqaf jordna lir-riħ u l-baħar biex jisktu u dawn għall-kelma tiegħu jobdu naraw bla dubju ta’ xejn is-setgħa li huwa kellu saħansitra fuq l-elementi tan-natura. Imma naħseb li l-Evanġelista ried imur ‘il hinn minn hekk. Forsi ma riedx biss jippreżentalna lil Ġesù li kellu l-qawwa li jwaqqaf ir-riħ jikkalma l-imwieġ, imma aktarx kellu l-ħsieb li jfiehem lill-insara ta’ żmienu u lilna, li Ġesù huwa r-rifuġja tagħna fil-maltemp kollu li nistgħu niltaqgħu miegħu. Il-Knisja ta’ żmien meta inkiteb dan l-evanġelju kienet diġà bdiet tħabbat wiċċa ma’ persekuzzjoni. Li tkun nisrani u tistqarr il-fidi tiegħek f’Ġesù kienet sogru. Numru ta’ dixxipli kienu diġà taw xhieda ta’ twemminhom bil-martirju. U għalhekk ir-riħ qawwi li jonfoħ kontra u l-mewġ kbir dieħel fid-dgħajsa setgħu faċilment fissru għalihom dik l-oppożizzjoni u dawk id-diffikultajiet li kienu qed jiffaċċjaw. U għalina li qed ngħixu llum? Liema hu l-maltemp ta' ħajjitna? Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi? – Ix-xena li jippreżentalna l-Evanġelista San Mark mhix waħda fejn sajjieda ta’ esperjenza kif kienu uħud mill-Appostli iduru fuq il-mastrudaxxa Ġesù biex jeħlishom mill-maltempata li qamet fuq il-baħar. Xena bħal din ma kienetx tagħmel sens. Kienet kważi tkun assurda. Imma dan ir-rakkont aktar intiż biex jurina lid-dixxiplu, li fil-mument tad-diffikulta jdur fuq l-Imgħallem tiegħu għall-għajnuna. U allura jekk inhu hekk għaliex Ġesù ċanfar lid-dixxipli dwar nuqqas ta’ fidi? Forsi mhux il-fidi tagħhom fih wasslithom li jqajmuh u jitolbuh jgħinhom? Il-ġrajjiet li għaddewlna l-Evanġelisti fil-kitbiet tagħhom, mhumiex sempliċi rakkonti maħsuba biex jaqtgħu l-kurżità tal-qarrej dwar kif kien iqatta l-ġurnata tiegħu Ġesù. Fihom l-awturi sagri, imdawwla mill-Ispirtu s-Santu xtaqu jħallulna l-messaġġ li dak Ġesù li huma jgħixu miegħu għadu ħaj magħna anke llum. U dan minkejja li spiss naħsbuh rieqed. Riedu jgħaddulna l-Aħbar it-Tajba li dak Ġesù li huma rawh ibati u jmut, qam tassew mill-mewt u minkejja li rawh sejjer għand il-Missier, huwa għadu magħna kif wiegħed huwa stess. U għalhekk il-fidi tad-dixxiplu ma tridx tkun biss dik li fil-maltemp dan idur fuq l-Imgħallem biex dan issikkitlu r-riħ u jikkalmalu l-mewġ. Il-fidi tad-dixxiplu trid tkun tali li jaf, li għax Ġesù qiegħed miegħu, huwa (jiġifieri d-dixxiplu nnifsu) jkun kapaċi jegħleb kull gwaj u jirbaħ kull ostaklu li jista’ jħabbat wiċċu miegħu. “Tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom ukoll għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier (Ġw. 14:12) Dan min hu? – Din hija d-domanda li kontinwament niffaċċaw fil-qari tagħna ta’ l-evanġelju. Dan min hu biex jitkellem hekk?” (Lq. 5:21) “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet?” (Lq. 7:49) Huwa hu dieħel Ġerusalem bdew jistaqsu, “Dan min hu?” (Mt. 21:10) “Dan min hu, mela, biex saħansitra ir-riħ u l-baħar jisimgħu minn?” Fl-evanġelji stess insibu r-risposta. Niltaqgħu ma’ bosta xhieda li jistqarru min kien tassew Ġesù għalihom. Imma l-isfida tad-dixxiplu hija propju dik li joffrilu Ġesù nnifsu, “Imma intom, minn tgħidu li jien?” (Mk 8:28) U għalhekk, għalkemm it-tweġiba għal din id-domanda nista’ nfittixha fl-evanġelju, imma barra minn hekk rrid ngħarrex għaliha wkoll f’ħajti. F’qalbi. Fil-konvinzjonijiet li għandi. Ġesù, min hu tassew għalija? Huwa veru li lil Ġesù rridu insibuh fil-Kotba Mqaddsa, fil-Qsim tal-Ħobż u fil-persuna ta’ l-oħrajn. Imma meta nkunu għamilna dan kollu, irridu nistednuh ukoll jidħol għandna. Fil-ħajja tagħna. “ Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u diġà sar filgħaxija. (Lq 24:29)
Ara wkoll - Mixja ta' Fidi mis-Segretarjat għall-Katekeżi >>> |