|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. Ġesù ta’ Nazaret Miċħud f’Pajjiżu |
||
|
Sena B - L-ERBATAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA L-Ewwel Qari: Eżek 2,2-5: Għaliex il-profeti jiġu mkeċċija? It-Tieni Qari: 2 Kor 12,70-10:: Il-qawwa tax-xogħol tal-appostlu fid-dgħjufija. L-Evanġelju: Mk 6,1-6: Ġesù miċħud f’pajjiżu.
|
Skond l-Evanġelju ta’ San Mark din hi l-aħħar darba li Ġesù jidħol fis-sinagoga, il-post fejn il-Lhud jiltaqgħu kull nhar ta’ Sibt biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jitolbu. Din id-darba s-sinagoga hija dik ta’ Nazaret, pajjiżu. Għall-ewwel bdew jistagħġbu. L-istess kienu għamlu qabilhom in-nies fis-sinagoga ta’ Kafarnahum (ara t-Tielet Ħadd Matul is-Sena.). Iżda l-ammirazzjoni ma wasslithomx għall-fidi. Bil-maqlub, wasslithom biex iwarrbu lil Ġesù. X’kienet ir-raġuni għal dan in-nuqqas ta’ fidi? 1.“Mnejn kisbu dan kollu?” Fis-sinagogi ta’ żmien Ġesù kull raġel adult seta’ jaqra l-Iskrittura u jfissirha lil dawk preżenti. Iżda ħafna drabi dan ix-xogħol kien isir mill-Kittieba u l-Fariżej. Huma kienu studjaw l-Iskrittura; huma kienu “l-għorrief”, “l-esperti”, l-interpreti uffiċjali tar-rieda ta’ Alla kif tinsab fil-Kotba Mqaddsa. Il-poplu “injurant” (ara Ġw 7,40) seta’ biss jisma’ u jistaqsi. L-“esperti” kienu jafu kollox u kellhom tweġiba għal kollox. San Mark jagħti x’wieħed jifhem li f’Kafarnahum il-poplu kien imdejjaq b’din is-sitwazzjoni. Fil-fatt, meta Ġesù daħal l-ewwel darba fis-sinagoga ta’ Kafarnahum u beda jgħallem, il-poplu ħa n-nifs: In-nies baqgħu mistagħġba, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba (Mk 1, 21-28). Il-messaġġ tiegħu kien messaġġ ta’ ħelsien, l-imġiba tiegħu kollha kienet tispira ħelsien, kien jgħallem, u fl-istess ħin kien jeħles minn kull xorta ta’ twarrib u xkiel, saħansitra fil-jum tas-Sibt. F’Nazaret pajjiżu s-sitwazzjoni kienet differenti. Hawnhekk ukoll Ġesù beda jgħallem fil-jum tas-Sibt. L-Evanġelju ma jgħidilniex x’kien qiegħed jgħallem, għax fil-fatt m’għandniex bżonn. Nafu diġà x’kien u kif kien jgħallem. Iżda kienet proprju din is-setgħa fit-tagħlim li daħħlet lil niesu f’diffikultà. Lil Ġesù kienu jafuh wisq mill-qrib. Kienu jafu li Ġesù ma kienx wieħed mill-Għorrief tal-Liġi, mill-Kitttieba jew mill-Qassisin. Ma kienx wieħed ta’ l-iskola (Ġw 7,15), ma kellu l-ebda speċjalizzazzjoni fl-Iskrittura! B’liema awtorità seta’ jażżarda jgħallem bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba? Għalhekk l-ewwel żewġ mistoqsijiet: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan il-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet?” 2. “Dan mhux il-mastrudaxxa bin Marija?” Il-mod kif impustaw din it-tielet mistoqsija juri l-ħsieb li jbaxxu lil Ġesù, li “jqegħduh f’postu”, kif ngħidu aħna. Dak iż-żmien meta kienu jridu jbaxxu lil xi ħadd kienu jsemmu lil ommu flok ’il missieru. L-espressjoni “bin Marija”, li aħna nużawha biex infaħħru lil Ġesù u lil Marija, hawhekk għandha sens u implikazzjonijiet ta’ tmaqdir. X’aktarx li mill-bidunett kien hemm għajdut dwar l-oriġni ta’ Ġesù: “Dan mhux il-mastrudaxxa bin Marija, u ħu Ġakbu u ĠużeÏ u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?” Il-mistoqsija dwar l-oriġini ta’ Ġesù hija marbuta mal-għarfien tiegħu bħala l-Messija, u tikxef ir-raġuni fundamentali tan-nuqqas ta’ fidi fih:“U tfixklu minħabba fih”, jiġifieri ċaħduh. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann ukoll insibu mistoqsijet bħal dawn: “Dan nafu minn fejn hu; il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf minn fejn ġie.” Ġesù ma setax ikun il-Messijja, għax kulħadd kien jaf minn fejn ġie! Iżda Ġesù weġibhom: “Hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. Jiena nafu, għax jiena minn għandu ġej u kien hu li bagħatni” (Ġw 7,27-29). 3. U baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Ġesù ġie miċħud, għax kien wisq komuni, ordinarju. Deher bħala raġel ħaddiem qalb niesu u ħbiebu. Ma kienu jaraw xejn fih li seta jġegħelhom jagħrfuh bħala l-Messija. Kienu jistennew, bħalma kultant nistennew aħna, li jarawh jagħmel il-mirakli; iżda l-mirakli fl-Evanġelju m’humiex ħlief “sinjali” tas-Saltna li sseħħ fost dawk li jemmnu f’Ġesù. Għalhekk in-nuqqas ta’ fidi jimblokka lil Ġesù, u jimblokka wkoll li s-Saltna ta’ Alla sseħħ f’pajjiżu: Hemmhekk ma seta’ jagħmel ebda miraklu. Dak li għandu jgħaġġibna f’Ġesù kien eżattament dan, li ma kien hemm xejn fih differenti mill-bnedmin l-oħra - l-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna f’kollox. Imma ħafna jridu “jaraw” l-istraordinarju biex “jemmnu”. In-nies ta’ żmienu ma emmnux eżattament għaliex raw f’Ġesù il-ħaddiem, bin Marija, nofsu bidwi u nofsu mastrudaxxa, bniedem bħall-oħrajn, bla skola speċjali. Ma kienx ġej minn Ġerusalemm imma minn Nazaret, raħal li qatt ma ssemma mkien: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġw 1,46). “L-iskandlu” tal-Inkarnazzjoni jibqa’ l-ostaklu li jfixkel saħansitra lil ħafna Nsara ta’ rieda tajba fiż-żminijiet kollha. L-Iben ta’ Alla ġie miċħud għax “inkarna” fir-realtajiet umani, normali u ordinarji ta’ żmienu. Aħna kapaċi ninkarnaw l-Evanġelju fir-realtajiet u fil-kultura tal-bniedem tal-lum? Jew nagħlquh fil-knisja u fis-sinjali straordinarji tad-dinja l-oħra? U “nimblukkaw” li s-Saltna ta’ Alla tiġi fostna? L-Evanġelju għal ħajjitna llum. 1. Kulħadd kien jara lill-istess Ġesù u l-istess ħwejjeġ li kien jagħmel u jisma’ l-istess kliem, imma mhux kulħadd kien iwieġeb bl-istess mod. Jiddependi min-nuċċali li bih kienu jħarsu lejn Ġesù u l-motiv li kien iġegħelhom imorru warajh. Ħafna stennew li Ġesù jkun Messija għall-gosti u l-interessi tagħhom. Għall-ewwel laqgħuh b’entużjażmu, iżda aktar ma għadda ż-żmien aktar bdew jindunaw li Ġesù ta’ Nazaret mhux l-istess Ġesù li kellhom f’moħħhom. Malli ntebħu li kien xort’oħra, warrbuh. L-istess jista’ jiġri lilna. Nistennew li jkun “speċjali” u li jagħmel lilna wkoll “speċjali”. La aħna “ta’ ġewwa” miegħu, bħalma kienu n-nies ta’ Nazaret, nistennew li jagħmlilna l-ħajja iżjed faċli, aħjar minn tal-bqija tal-bnedmin, jeħlisna mit-tbatijiet, mill-mard u mill-gwaj, jagħtina kull ma rridu. Insomma, jagħmel il-mirakli. Inkella x’messija hu? Għalhekk meta jiġu t-tempesti f’ħajjitna nitħawdu u saħansitra nwarrbuh. 2. F’Ġesù Kristu Alla resaq qrib tagħna, ħafna qrib tagħna, tant li deher fil-wiċċ ta’ bniedem bħalna f’kollox barra mid-dnub. Hekk li meta nimxu warajh aħna wkoll nistgħu nsiru tassew bnedmin “qrib Alla” - qaddisin. “L-Iben ta’ Alla, meta sar bniedem, ingħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem. Hu ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, aġixxa b’rieda ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem. Imwieled mill-Verġni Marija hu sar tassew wieħed minna, jixbahna f’kollox barra mid-dnub.” Jekk nistennew li jkun mod ieħor, se mmorru mqarrqin. 3. Fil-ġudizzju se jgħidilna: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed minn dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,40). Jekk irridu niltaqgħu ma’ Ġesù rridu narawh fil-bnedmin komuni, “iż-żgħar”, li niltaqgħu magħhom kuljum. Jekk irridu naqduh irridu naqduh fil-bżonnijiet tan-nies iż-żgħar u fil-ħwejjeġ iż-żgħar u ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum. Hu fl-ordinarju tal-ħajja ta’ kuljum li jidher “l-istraordinarji” tal-preżenza ta’ Alla. “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbom.”
|
|