Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

EJJEW STRIEĦU FTIT

Sena B -

IS-SITTAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA

L-1 QARI - (Ġer 23, 1-6)

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.

Ħażin għar-ragħajja li jeqirdu u jxerrdu n-ngħaġ tal-merħla tiegħi – kelma tal-Mulej. Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, lir-ragħajja li jirgħu l-poplu tiegħi: Arawni, se nieħu ħsiebkom jien għall-ħażen ta’ għemilkom – kelma ta’ Mulej.
Imbagħad jien niġbor il-bqija tan-ngħaġ tiegħi mill-artijiet kollha li fihom ħadthom, u rreġġagħhom lura lejn il-mergħat tagħhom, u jnisslu u joktru. Inqiegħed fuqhom ragħajja li jieħdu ħsiebhom, u ma jitbeżżgux aktar, ma jitwerwrux, u ma jonqos ħadd minnhom – kelma tal-Mulej.
Araw, għad jasal żmien – kelma tal-Mulej - meta mid-dar ta’ David inqajjem rimja qaddisa, sultan bil-għaqal li jagħmel id-dritt u l-ġustizzja fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael jgħammar fiż-żgur. U dan hu l-isem li jagħtuh: Il-Mulej il-Ġustizzja tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej.

 

SALM RESPONSORJALI - (Salm 22)


Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollhom ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa,
minħabba f’ismu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek
huma jwennsuni. R/.

Int thejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi;
biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi mfawwar. R/.

Iva, it-tjieba u l-ħniena jimxu miegħi
il-jiem kollha ta’ ħajti;
u ngħammar f’dar il-Mulej
matul iż-żminijiet. R/.

IT-2 QARI -
(Ef 2, 13-18)
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.

Ħuti: Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu.
Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibgħeda ta’ bejnietna – u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha. Mit-tnejn, Lhud u pagani, ried b’hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibgħeda ta’ bejniethom.
Imbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bgħid, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib. Permezz tiegħu, t-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
In-ngħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - (Mk 6, 30-34)

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħdikom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.
Marru mela bid-dgħajsa weħdihom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom. X’ħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u ġietu ħniena minnhom, għax kienu qishom ngħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Il-Kelma tal-Mulej.

 


 

Biex nifhmu s-silta qasira tal-Evanġelju fil-Liturġija tal-lum,  naqrawha fil-kwadru ta’ dak li ġie qabilha u dak li jiġi warajha. Fil-fatt San Mark iqegħedha bejn żewġ “ikliet”: l-ikla fil-palazz ta’ Erodi f’għeluq sninu imdawwar bil-kbarat tiegħu u l-ikla li għamel Ġesù f’“post imwarrab” għall-ħamest elef ruħ (l-Evanġelju tal-Ħadd li ġej).

San Mark ikompli bl-istrateġija tiegħu li jqiegħed żewġ rakkonti ħdejn xulxin u jdaħħalhom f’xulxin biex joħloq rabta u kuntrast. Kien diġà tana r-rakkont tal-pranzu ta’ Erodi u l-qtil ta’ Ġwanni l-Battista (Mk 6,14-29) u qiegħdu bejn it-tluq tad-dixxipli għall-missjoni (is-silta tal-Ħadd li għadda) u l-wasla lura tagħhom, għajjenin bix-xogħol u mikdudin bl-aħbar tal-qtil ta’ Ġwanni l-Battista (l-Evanġelju tal-lum). Bis-silta tal-lum jibda r-rakkont ta’ l-ikla ta’ Ġesù mal-folla fid-deżert. Il-kuntrast mal-pranzu ta’ Erodi joħroġ ċar.

Erodi jirrappreżenta is-setgħa li toħnoq il-poplu. Huwa kap politiku li jittradixxi t-tamiet tal-poplu batut billi joqtlilhom lil Ġwanni l-Battista, il-leħen ta’ dawk li ma kellhomx leħen. F’għeluq sninu, iċċelebra l-ħajja billi żera’ l-mewt. Fuq dan l-isfond, Ġesù jidher bħala l-Mexxej li “jitħassar” il-poplu fit-tbatija. Ma’ dan il-poplu Ġesù jiċċelebra l-ikla tal-ħajja, u I-ħajja bl-abbundanza. Tant li l-poplu jixxebba’ u jħalli l-frak.

1. “Ejjew miegħi, intom biss, waħidkom, f’xi post imwarrab.”

Id-dixxipli ġew lura mill-missjoni jagħtu rendikont lil Ġesù. Ma Ġesù setgħu jaraw kif marru fix-xogħol tagħhom, kif in-nies wieġbu għas-sejħa tagħhom li  jbiddlu s-sura ta’ ħajja li kienu jgħixu, is-sejħa għall-konverżjoni (Mk 6,12).

Nieħdu l-impressjoni li kellhom tweġiba tajba. Il-missjoni x’aktarx damet sejra ftit ġranet sew. Għax tassew kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Din hi l-istess sitwazzjoni li ltaqa’ magħha fil-bidu Ġesù wkoll (ara Mk 3,20).

Is-sitwazzjoni tad-dixxipli kienet ta’ attività bla nifs. Għalhekk, huma wkoll kellhom bżonn iwarrbu f’xi post għall-kwiet, l-istess kif kien għamel l-Imgħallem tagħhom wara “suċċess” fis-sinagoga f’Kafarnahum (ara Mk1,35). Is-sitwazzjoni ta min jaħdem mal-komunità titlob impenn qawwi. Għalhekk min imidd idu għal dan ix-xogħol ikollu bżonn ħin ta’ mistrieħ u kwiet.

2. Kienu ħafna dawk li għarfuhom u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi.

Id-dixxipli telqu bid-għajsa “weħidhom lejn post imwarrab”. Imma n-nies li rawhom sejrin u għarfuhom “kienu ħafna”. L-Evanġelju f’din is-silta jinsisti fuq il-kwantità: il-“ħafna”, “nies mill-ibliet kollha”, “kotra kbira ta’ nies”. Il-kwantità kbira ta’ nies impressjonat lill-appostli fid-deżert. Imma tfakkar ukoll fil-folol li raw madwarhom fl-ewwel żminijiet wara Għid il-Ħamsin, meta ħarġu jxandru l-Bxara t-Tajba fil-baħar tad-dinja.

Telqu jiġru ’l hemm bil-mixi u waslu qabilhom. L-istudjużi jiddiskutu: Dan kif in-nies marru bil-mixi bid-dawra u waslu qabilhom, meta d-dixxipli marru bid-dgħajsa u qatgħu għad-dritt? Il-fatt hu li San Mark iħobb jippreżenta lil Ġesù mdawwar bil-folla ta’ nies fil-bżonn. U l-poplu fil-bzonn u bla mezzi dejjem jiġri, bla waqfien, ifittex xi tama. Il-ħtiġiet tal-poplu huma akbar u iktar urġenti minn dawk tad-dixxipli. In-nies fil-bżonn jiġu qabilhom. Magħhom Ġesù kien iħossu dejjem f’postu.

Ġesù huwa l-veru mexxej li jwassal lejn il-ħelsien u l-ħajja. Id-dixxipli għallinqas kellhom xi ħaġa xjieklu u setgħu jistrieħu xi ftit. Imma dawk li ġrew sa ħdejhom kienu ħafna u lanqas kellhom biex jgħixu (Mk 6,36). Għalkemm l-operaturi pastorali jistgħu jkunu għajienin u m’għandhomx żmien għalihom infushom, barra dejjem se jsibu folla tistenna l-għajnuna u s-solidarjetà.

3. X’ħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom.

San Mark mal-ewwel joħloq kuntrast bejn l-atteġġament ta’ Ġesù u l-imġiba ta’ Erodi. Il-poplu ta Iżrael ma kienx jiflaħ iżjed il-piż tal-ħakma ta Erodi. Dan mhux talli ma kienx jagħti kas tal-poplu, imma saħansitra qatel lil min kien jitkellem favurih, Ġwanni l-Battista. Għalhekk il-poplu ħareġ mill-ibliet kollha, jiġifieri minn fejn kien jaħkem Erodi,  u ġera  lejn id-deżert. Id-deżert ifakkar fil-ħruġ tal-poplu mill-Egittu, fejn kien jaħkem hemm il-Fargħun. Għall-poplu, id-deżert kien l-ispazju ta’ ħelsien mill-ħakma ta’ dawk li kienu ijassruh.

Issa huwa fid-deżert li Ġesù, il-Mexxej il-Ġdid, jiltaqa’ mal-poplu mweġġa’ u jinvolvi ruħu fil-hemm tiegħu. Ġesù jitħassar lin-nies. Il-kittieba tal-Evanġelju  jużaw din il-kelma drabi oħra, biex ifissru ir-reazzjoni tipika ta Ġesù quddiem il-hemm ta’ dawk li s-soċjetà kienet twarrabhom.

Għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj. San Mattew u San Luqa f’dan ir-rakkont ma jsemmux din l-espressjoni, sinjal li għal San Mark għandha tifsira speċjali. Fit-Testment il-Qadim, l-espressjoni “nagħaġ bla ma għandhom ragħaj” niltaqgħu magħha sikwit, dejjem fis-sens ta nuqqas ta mexxejja kapaċi jmexxu l-poplu lejn il-ħelsien u l-ħajja (ara l-Ewwel Qari). Hekk, meta MoseÏ beda jara li tmiemu wasal, talab lill-Mulej biex jaħtar bniedem fuq il-ġemgħa, bniedem li joħroġ u jidħol quddiehom, biex ma tkunx il-ġemgħa tal-Mulej bħal merħla bla ragħaj (Num 27,5).

Dak iż-żmien, il-Mulej għażel lil ĠożweÏ, il-qaddej fidil ta’ MoseÏ. San Mark jurina li bħalma għamel ĠożweÏ meta daħħal lill-poplu fl-Art Imwiegħda fir-Rabta l-Qadima, hekk Ġesù jmexxi l-poplu l-ġdid ta’ Alla lejn soċjetà ġdida u dinja ġdida.

U qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. San Mark iħobb juża espressjonijiet li jfissru “bidu ġdid”. Ma jgħidx x’qabad jgħallimhom Ġesù. Dan se narawh fil-prattika fil-kumplament tar-rakkont bit-tkattir u tqassim tal-ħobż. F’dan ir-rakkont se naraw dehra tas-Saltna li Ġesù, l-Imgħallem tas-sewwa, ried iwaqqaf fid-dinja: stil ġdid ta’ ħajja u mġiba ġdida bejn il-bnedmin, b’mod li l-ġid tal-ħolqien jitqassam bejn kulħadd, u kulħadd jieħu sehem fil-festa tal-ħajja.  Min jitgħallem sew minn dan il-Mexxej ma jerġa qatt lura lejn “Erodi”, il-mexxej li ttradixxa lill-poplu li suppost kien imexxi u żera’  l-mewt.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum

1. Il-missjoni tal-Knisja timmira li ġġib is-Saltna ta’ Alla minn issa, minn din l-art, billi tiżra’ ħajja li tixraq lid-dinjità ta’ wlied Alla. L-inġustizzji, il-ġuħ, il-qgħad, imorru kontra l-proġett ta’ Alla (ara l-Ewwel Qari). Is-salvazzjoni li jitkellem dwarha l-Evanġelju tibda minn din l-art, biex titwettaq għal kollox fil-ħajja ta’ dejjem (ara s-Salm Responsorjali).

2. Fil-ħajja għandna bżonn il-mistrieħ, ir-ritmu bejn il-ġranet tax-xogħol u l-Ħdud u l-btajjel, il-bilanċ bejn l-azzjoni u l-kontemplazzjoni. Għandna bżonn ikollna ħin biex niggustaw dak li jiġri madwarna u l-ambjent sabiħ tal-kampanja, ħin ta’ djalogu fil-familja, ħin ta’ logħob u ta’ qari, ħin ukoll biex insibu lil Alla.  Inkella nsiru bħal ingranaġġ f’magna,  u nitkaxkru mal-kurrent.

Paul Claudel, poeta famuz u ex-ambaxxatur ta’ Franza fil-Ġapan, ħallielna talba li għamel darba f’nofsinhar f’nofs sajf: “Nofsinhar. Qed nara l-knisja miftuħa. Jeħtieġ nidħol. Omm ta’ Ġesù Kristu, ma ġejtx nitlob. Ma għandi xejn x’noffri, xejn x’nitolbok. Ġejt biss, ja Omm, biex inħares lejk. Ma ngħid xejn, inħares lejn wiċċek, u nħalli l-qalb tkanta bl-ilsien tagħha, tgħanni, tibki.”

3. Fil-ġurnata tagħna għandu jkollna ħin ta’ talb, anki ta’ talb intens “sakemm il-qalb tintilef fl-imħabba”. Iżda ma għandniex inħallu qatt it-talb isir ħarba  mir-realtajiet tal-ħajja, sikwit ħorox, ta’ ħutna u ta’ madwarna. Wisq anqas m’għandu jbegħedna mid-dmirijiet tal-istat tagħna u mid-dmirijiet lejn ħutna. “Waqt li jiftħilna qalbna għall-imħabba ta’ Alla, it-talb jiftħilna qalbna għal ħutna u jagħtina l-qawwa biex insawru l-istorja skond il-pjan ta’ Alla”.

Madre Tereża ta’ Kalkutta riedet li s-sorijiet tagħha jkollhom siegħa talb kuljum. Iżda ridithom iħallu t-twieqi tas-sala tat-talb miftuħin beraħ. Biex waqt it-talb jisimgħu l-istorbju u l-ħsejjes tat-triq.

MISTOQSIJIET

1.  Nistgħu nifhmu t-talb nisrani jew id-duttrina nisranija bħala xi ħaġa mifruda mil-prattika tal-ħajja nisranija? 

2. Min huma l-imwarrbin fis-soċjeta tal-lum, fpajjiżna u barra minn pajjiżna? Jista’ n-Nisrani ma jagħtix kashom?

3. Ġesù widdibna nieħdu ħsieb ta’ min hu mwarrab fis-soċjetà. X’inhuma s-sinjali li juru li n-nies ta’ żmienna qed jitbiegħdu minn dan il-messaġġ importanti ta’ Ġesù?