|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. IĠBRU L-FRAK LI BAQA’ |
|
|
Sena B - IS-SBATAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA
L-EWWEL QARI - (2 Slat 4, 42-44)
|
Il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż din is-sena jinqara mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. Fil-Ħdud li ġejjin, se naqraw minn dan l-Evanġelju wkoll id-diskors twil ta’ Ġesù dwar “Il-Ħobż tal-Ħajja”. San Ġwann qassam l-Evanġelju tiegħu f’numru ta’ “sinjali”, bil-ħsieb li jqajjem u jħeġġeġ il-fidi tal-qarrejja tiegħu (ara Ġw 20, 31). F’moħħu kellu Insara adulti, kapaċi jaraw lil hinn mis-“sinjali” r-realtà profonda li jridu jfissru. Anki d-dettalji li nsibu fl-Evanġelju, m’humied hemm sempliċiment biex isebbħu r-rakkont jew bħala informazzjoni. Għandhom ukoll valur simboliku u teoloġiku. Il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż huwa r-raba’ “sinjal” f’dan l-Evanġelju. Huwa “s-sinjal” li jurin lil Ġesù bħala dak li jaqta’ “l-ġuħ” tal-bnedmin kollha. Fir-rakkont ta’ dan il-miraklu n-Nisrani matur jiskopri sinjal tad-dħul ta’ żmien ġdid, jew aħjar ta’ l-istorja l-ġdida, li Alla ried iwettaq permezz ta’ Ġesù. San Ġwann iqiegħed ir-rakkont ta’ din il-ġrajja wara l-mawra ta’ Ġesù f’Ġerusalemm “għall-festa” (Ġw 5,1-47). F’Ġerusalemm Ġesù kien sab oppożizzjoni kbira u ċaħda min-naħa tal-awtoritajiet reliġjużi Lhud, li ddeċidew li joqtluh. Issa Ġesù jidher fil-Galilija, art ta’ poplu fqir, immaqdar u misruq mil-Lhud ta’ Ġerusalemm, fejn it-tmexxijja tal-kapijiet kienet tisloħ u żżeblaħ il-bqija tal-poplu. In-nies il-fqar ma jeħduhiex kontra Ġesù, anzi jmorru warajh bi ħġarhom: “Ħafna nies marru wara Ġesù għax raw is-sinjali li hu kien għamel fuq il-morda”. Fl-Eżodu l-ġdid Ġesù se jkun imdawwar bil-batuti u bl-imġewħin tal-umanità. Bit-tmexxijja tiegħu, joħroġhom minn art il-jasar, biex jagħtihom ħajja u ħelsien. 1. L-Eżodu l-Ġdid lejn l-Għid definittiv Ġesu telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. L-Evanġelju jrid jurina li Ġesù se jwettaq “Eżodu” ġdid. Il-qsim tal-baħar ifakkar u jisboq bil-bosta l-passaġġ tal-Lhud mill-Baħar tal-Qasab fir-Rabta l-Qadima. Ġesù, il-Mexxej il-ġdid li Alla ta lill-bnedmin kollha, jisboq bil-bosta lil MoseÏ, il-mexxej tal-Lhud fid-deżert. Kien qrib il-Għid, il-festa tal-Lhud. Issa mhux se jkun hemm aktar bżonn li l-poplu jmur Ġerusalemm biex jiċċelebra “il-Għid”, il-passaġġ mill-jasar għall-ħelsien. Ġesù se jmexxih lejn “l-Għid” tassew u lejn il-ħelsien definittiv.. Il-poplu se jmur ”lejn in-naħa l-oħra”, f’Tiberija, l-art fejn il-Lhud kienu jitħalltu mal-pagani. Fl-Għid il-ġdid, il-poplu Lhudi se jkun jista’ jiċċelebra flimkien mal-ġnus pagani. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda, imdawwar mid-dixxipli u folla ta’ nies. It-tlugħ ta’ Ġesù fuq l-għolja ifakkar it-tlugħ ta’ MoseÏ fuq is-Sinaj biex jirċievi l-Kmandamenti, il-kuntratt tal-għaqda bejn il-poplu u Alla. Il-ħobż li Ġesù jqassam ifakkar fil-manna fid-deżert. 2. “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn jieklu?” Ġesù l-ewwel ma tħasseb ma kienx fuq x’se jgħid u x’se jippriedka, imma dwar il-ġuħ fiżiku tan-n-nies. It-tweġiba ta’ Filippu turi l-ġest tal-għaġeb li se jwettaq Ġesù: “Mitejn dinar ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed jieħu ftit.” Filippu hu t-tip ta’ dixxiplu li mhux kapaċi jara lil hinn minn dak li dejjem ra u ħaseb. Kien jaħseb li biex taqta’ l-ġuħ tal-poplu kien jenħtieġ ħafna flus. Il-problema tal-ġuħ fost il-bnedmin, għalih, ma għandhiex soluzzjoni oħra. Hekk kien minn dejjem u hekk se tibqa’. IndriÏ iżda ra possibbiltà oħra: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet”. Kien jaf li dan kien ftit, imma kien żgur li “t-tfajjel”, li jirrapreżenta l-foqra tad-dinja, se jkun lest li jaqsam ma’ l-oħrajn dak li kollu li kellu. Din is-sensibbiltà ta’ IndriÏ messet qalb Ġesù. Ġiegħel lin-nies joqogħdu bilqiegħda biex jieklu; għax Hu wkoll kien jinstab bilqiegħda. Dan id-dettal hu importanti. Fi żmien Ġesù, in-nies ħielsa biss kienu jieklu bilqiegħda, l-ilsira kienu jieklu bilwieqfa. Għalhekk l-irġiel, li kienu jgħoddu xi ħamest elef, qagħdu bilqiegħda. Ġesù jorganizza u jmexxi poplu ġdid ta’ nies ħielsa u maturi. Il-fatt li jġegħelhom joqogħdu bilqiegħda jfisser li qed jagħtihom kuxjenza tagħhom infushom. M’għadhomx iżjed ilsiera imma ħielsa bħalma ħieles hu Kristu. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr u qassam lil dawk li kienu bilqiegħda, u hekk għamel ukoll mill-ħut, kulħadd ħa kemm ried. Li trodd ħajr lil Alla ifisser tagħraf li l-ġid tal-ħolqien m’hu ta’ ħadd ħlief ta’ Alla, il-Ħallieq. Ġesù ma rringrazzjax lit-tfajjel, anqas lil IndriÏ. Irringrazzja lil Alla li ħalaq il-ġid biex jitqassam bejn kulħadd u ħadd ma jibqa’ barra. Il-ġest ta’ Ġesù hu katekeżi kbira dwar dak li Alla jrid li jiġri fost il-bnedmin. Alla ma jridx li l-ġid tal-ħolqien ikun tal-ftit; irid li jitqassam biex ħadd ma jibqa’ bil-ġuħ (l-Ewwel u t-Tieni Qari). Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann Ġesù jagħti l-eżempju: kien hu li beda jqassam. Din hija it-tifsira vera tal-Ewkaristija: Hija r-rigal ta’ Alla, “frott ta’ l-art u xogħol il-bniedem”, mogħti lill-bnedmin, bil-ħsieb li jitqassam u jsaħħaħ l-għaqda ta’ l-aħwa fost kulħadd. 3. “Iġbru l-frak li baqa’, biex xejn ma jintilef.” Marru mela jiġbruh, u mlew tnax-il qoffa bil-frak. Meta l-bnedmin jaġixxu ta’ bnedmin, b’solidarjetà u b’maturità, iseħħ il-miraklu. Il-ftit isir ħafna u jibqa’ wkoll iż-żejjed. In-numru “tnax” huwa simboliku: Ifakkrna fit-tnax-il tribù ta’ Iżrael u jfisser il-komunità kollha, kulħadd, bla differenzi bejniethom. Hekk kien ġara fi żmien l-Eżodu fid-deżert. Ħadd ma kien jaħżen għalih waħdu. Kulħadd kien jieħu skond il-ħtieġa tiegħu. U ma jinħela xejn. Iżda dan is-sinjal ta’ Ġesù ma ftihemx minn kulħadd, ukoll fost dawk li ħadu sehem fl-ikla. Dan il-fatt ġiegħel lil San Ġwann jikteb id-diskors dwar “il-Ħobż tal-Ħajja”. Ġesù ikompli jisfida lin-nies biex jagħmlu l-għażla tagħhom: jew jibqgħu ma’ Ġesù jew iħalluh. Fil-fatt, fl-aħħar ta’ dan id-diskors, Ġwanni kellu jagħmel kumment iebes: “Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh” (Ġw 6,66). Dawk in-nies meta raw is-sinjal li għamel Ġesù qalu: “Dan hu tassew il-profeta li għandu jiġi fid-dinja”. Filwaqt li t-tqassim tal-ħobż u tal-ħut bejn kulħadd kellu jkun s-sinjal ta’ dak li kellhom jagħmlu d-dixxipli ta’ Ġesù u l-komunità tagħhom, il-folla riedet taħtaf lil Ġesù għaliha u tagħmlu sultan bħas-slaten tad-dinja. Ħasbu li Ġesù kien “il-messija” li kienu jimmaginaw huma, messija għall-gosti u l-interessi egoistiċi tagħhom. Riedu jerġgħu jsiru lsiera ta’ sultan tad-dinja u jabbandunaw lil Alla veru, il-Missier ta’ kulħadd! Għalhekk, kif kien għamel MoseÏ meta nduna li l-poplu beda jadura alla falz (ara Eż 32,1-6.32), Ġesù meta fehem li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, reġa’ warrab waħdu lejn il-għoljiet. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann dawn “l-għoljiet” ifakkruna fil-Kalvarju, fejn Ġesù tela’ biex iwaqqaf il-vera Saltna, dik li tagħti l-ħajja. L-Evanġelju għal ħajjitna llum 1. L-ewwel ħsieb ta’ Ġesù ma’ kienx fuq x’se jgħid u x’se jippriedka, imma kif se jaqta’ l-ġuħ fiżiku tan-nies. Din hi l-preokkupazzjoni ta’ Ġesù ukoll quddiem il-ġuħ ta’ miljuni ta’ nies fid-dinja: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn jieklu?” Aħna kif inwieġbu? “Il-ħobż ‘għalija’ hu problema materjali, il-ħobż ‘għal għajri’ hu problema spiritwali.” Hekk stqarr il-filosfu Emanuel Levinas. Aħna li nieħdu sehem sikwit fl-Ewkaristija ninsabu tajbin u ma jonqosna xejn. Insibuha komda li “nispiritwalizzaw” il-bżonnijiet ta’ ħutna. Ngħidu li anki fostna hawn il-fqar, fqar fl-ideat, fil-valuri... Tassew. Imma nistgħu nieħdu sehem fl-Ewkaristija u ma nħossux ġo fna l-iskandlu ta’ dinja fejn miljuni ta’ nies ma għandhom xejn, lanqas x’jieklu? Tkun tassew tistħoqqilna l-kundanna ta’ San Ġakbu: “Il-ħaqq ikun bla ħniena għal min ma jurix ħniena” (Ġak 2,12). 2. L-Ewkaristija hija l-ħobż li jitqassam lilna u li jiġborna madwar l-istess mejda tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Hekk jgħidilna San Pawl: “La l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda” (1 Kor 10,17). L-Ewkaristija tal-bidu kienet turi r-rabta bejn it-Tqarbin u l-ħobż materjali. Kienu jaqsmu l-ħobż tal-Ewkaristija; u kienu jaqsmu wkoll il-ħobż materjali. Meta f’Korinti ma sarx hekk, San Pawl widdibhom bl-aħrax: “Din mhix Ewkaristija” (ara I Kor 11,20). 3. “Iġbru l-loqom li fadal, biex xejn ma jinħela” (Ġw 6,12). Qed ngħixu fi żmien ta’ ħela. Qabel konna biż-żarbun f’idejna; issa biż-żarbun fl-iskart! Jikkalkulaw li fil-pajjiżi fin-naħa tagħna jinxtaw mijiet ta’ eluf ta’ miljuni ta’ kilogrammi ta’ ikel. Kważi nofshom jispiċċaw fl-iskart. X’qed nagħmlu aħna biex inwieġbu għall-kmand ta’ Ġesù? MISTOQSIJIET 1. “Il-ħobż ‘għalija’ hu problema materjali, il-ħobż ‘għal għajri’ hu problema spiritwali”. Xi ħsieb jiġini fuq dan il-kumment? 2. Kif għandna ngħixu l-ispirtu tal-Ewkaristija fil-familja u fil-komunitajiet tagħna? 3. Fil-laqgħat ta’ bejnietna, kemm nitkellmu dwar l-aspett soċjali tal-Ewkaristija? Nagħmlu tajjeb li nitkellmu aktar dwar dan l-aspett. |