Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

ISIMGĦU LILU

 

Sena B -

IT-TRASFIGURAZZJONI TAL-MULEJ

L-Ewwel Qari: Dan 7, 9-10.13-14: “Bin il-Bniedem”, jiġifieri l-Bniedem Perfett.

It-Tieni Qari: 2 Pt 1,16-19: F’Ġesù twettqet il-kelma tal-Profeti.

L-Evanġelju: Mk 9, 2-10: Il-Bniedem Perfett hu l-Iben ta’ Alla: Isimgħu lilu.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

MISTOQSIJIET

1. Is-salib fil-ħajja ta' Ġesù kien ifisser l-impenn tiegħu li jibqa’ fidil sa l-aħħar għar-rieda tal-Missier minkejja kull tentazzjoni li jabbandunah. Kif jidher “is-salib" fil-ħajja tagħna?

2. Kif jidher “is-salib” fil-ħajja tal-Knisja ?

3. Għaliex is-salib sar għan-Nisrani sinjal ta' rebħa u mhux sinjal ta' għajb?

 

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum timmarka mument kruċjali fil-mixja tad-dixxipli wara Ġesù. Biex nifhmuha sew irridu naqrawha fuq l-isfond tas-siltiet li jiġu qabilha (Mk 9,27-38). San Mark iqiegħed din il-ġrajja fil-bidu tat-tieni parti tal-Evanġelju tiegħu, immedjatament wara l-ewwel tħabbira tal-passjoni.

San Mark kien għadu kif irrakkonta li Ġesù għamel żewġ mistoqsijiet importanti lid-dixxipli: “Min jgħidu n-nies li jien? - U intom min tgħidu li jien?” Għall-ewwel mistoqsija d-dixxipli weġbuh, “Ġwanni l-Battista, Elija, u oħrajn wieħed mill-profeti”. Għat-tieni mistoqsija Pietru wieġeb: “Inti l-Messija.” Ġesù feraħ lil Pietru. Iżda ”beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-Bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-Qassisin il-Kbar u l-Kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum”.  

Pietru beda jlumu; iżda Ġesù ċanfru u sejjaħlu “xitan”. Pietru kien qed jagħmel ix-xogħol ta’ “xitan”, għax ipprova jfixkel lil Ġesù milli jaqdi l-missjoni tiegħu. Kemm it-tħabbira tal-passjoni u kemm iċ-ċanfira li qala’ Pietru ħawdu lid-dixxipli. Iżda Ġesù sejjaħ lin-nies flimkien mad-dixxipli u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja”. 

Ġesù kien tassew il-Messija imwiegħed, imma l-ħelsien li kellu jġib kien se jiġi permezz tal-għotja ta’ ħajtu fuq is-salib. Id-dixxipli tiegħu kellhom ikunu lesti biex jaqbdu l-istess triq. Iżda huma, bħas-soltu, lil Ġesù ma fehmuhx. Minn hawn jibda r-rakkont tat-Trasfigurazzjoni, is-silta tal-lum.

Is-silta li se naqraw hija ċentrali fl-Iskrittura kollha. Biex nieħdu sew is-sens ta’ din il-ġrajja importanti, l-Evanġelju jfakkarna f’bosta siltiet oħra mill-Iskrittura, kemm mit-Testment il-Qadim u wkoll mit-Testment il-Ġdid.  Mill-ewwel jitfagħna fit-Testment il-Qadim.

1. Il-Liġi u l-Profeti jagħtu xiehda għal Ġesù.

“U dehrilhom Mose' ma’ Elija, it-tnejn jitkellmu ma’ Ġesù”.  Fir-Rabta l-Qadima, Mose' u Elija kienu xhieda tad-dehra ta Alla fuq il-muntanja fwaqtiet kruċjali ta sfiduċja quddiem il-wegħda tal-ħelsien. Is-sitwazzjoni tagħhom kienet tixbah lil dik tad-dixxipli ta’ Ġesù wara l-ewwel tħabbira tal-passjoni.

Fil-ktieb tal-Eżodu (Eż 24, 1-18) naqraw li Mose` ħa miegħu tliet rappreżentanti tal-poplu u sebgħin anzjan ta Iżrael u tela’ fuq il-Muntanja tas-Sinaj, biex jirċievi minn Alla l-Kmandamenti tal-Patt. ”Huma raw lil Alla ta’ Iżrael”. Mose' resaq waħdu lejn il-Mulej u  daħal fi sħaba u baqa fuq il-muntanja (24,10).

Fl-Evanġelju, Ġesù ħa miegħu tlieta mid-dixxipli tiegħu u tela fuq il-muntanja. Sħaba għattiethom u minn ġos-sħaba nstema leħen jgħid: Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu.

Fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten (1Slat 19,1-18) naqraw il-ġrajja ta’ Elija. Meta sab ruħu ppersegwitat mis-sultan, ipprova jaħrab, imma Alla ordnalu jitla’ fuq il-muntanja; hemm urieh il-preżenza tiegħu u bagħtu jkompli l-ġlieda tiegħu.

Mose' u Elija dehru wkoll fis-siltiet li semmejna fil-bidu, meta Ġesù kien staqsa lid-dixxipli: “Min jgħidu n-nies li jien?” - Imma intom, min tgħidu li jien? Hemm referenza ċara għal Elija fit-tweġiba tad-dixxipli: “Ġwanni l-Battista, Elija, u oħrajn wieħed mill-profeti”. Mose' ma jissemmiex direttament, iżda ż-żewġ mistoqsijiet ta’ Ġesù jfakkruna fid-djalogu ta’ Mose' ma’ Jahweh fil-ktieb ta’ l-Eżodu. Alla deher lil Mose' f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq, Mose' kien staqsieh: “Ara, jien immur għand ulied Iżrael... u huma jistaqsuni ‘X’jismu?’ jien x’ngħidilhom?”  Alla wieġbu: “JIEN LI JIEN”, “JIENA HU bagħatni għandkom”.  (Eż 3, 13-14).

Mose' u Elija jitfgħu dawl qawwi fuq il-messaġġ li jrid jagħtina San Mark fl-Evanġelju tal-lum. It-tnejn kienu meqjusin bħala l-aktar personaġġi awtorevoli fir-Rabta l-Qadima. Kienu jirrappreżentaw  “il-Liġi u l-Profeti”, jiġifieri t-t-Testment il-Qadim kollu. Elija kien dak li rrestawra l-fidi f’Alla fost il-poplu fi żmien is-sultan Akab u qajjem mill-ġdid il-fidi f’Alla veru. Mose' mexxa l-poplu mill-jasar tal-Eġittu lejn il-ħelsien fl-Art Imwiegħda.

It-tnejn dehru wieħed kull naħa ta’ Ġesù, xhieda ta’ dak li se jitħabbar mil-Leħen mis-sema. Id-dehra tagħhom tagħti xiehda li Ġesù, bl-għotja sħiħa ta’ ħajtu, se jkun il-ħellies definittiv tal-bnedmin kollha, imħabbar u mwiegħed mill-mexxejja l-kbar ta’ qablu. Il-wegħda tal-Missier, imħabbra mill-Liġi u l-Profeti, se titwettaq permezz tal-għotja ta’ Ġesù fuq is-salib.

2. “Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb”

Fil-Ktieb ta Danjel (ara l-Ewwel Qari) naqraw dwar il-viżjoni tax-Xiħ fil-għomor, ilbiesu abjad silġ. Fid-dehra tat-Trasfigurazzjon, l-ilbies ta Ġesù sar abjad bdija tal-għaġeb;   Ġesù deher quddiem id-dixxipli mlibbes bil-glorja ta Alla.

Iżda San Mark iżid dettal importanti: “Ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib ħwejjeġ bojod daqshekk.”  X’għandu x’jaqsam il-ħassiel  mad-dehra glorjuża ta’ Ġesù?  Fil-ktieb tal-Apokalissi, l-ilbies abjad huwa l-ilbies tal-martri: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u li l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Apok 7, 14). Il-libsa bajda ta’ Ġesù fix-xena tat-Trasfigurazzjoni, proprju wara l-ewwel tħabbira tal-passjoni, turi lil Ġesù liebes il-libsa tal-martri!

In-nisa li marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù, minflok lil Ġesù, sabu “żagħżugħ liebes libsa bajda” li qalilhom: “Qam mill-mewt, m’huwiex hawn” (Mk 16,5-6). Hemm konnessjoni bejn din l-aħbar taż-żagħżugħ liebes l-abjad u l-libsa ta’ Ġesù fit-Trasfigurazzjoni. Ġesù qam mill-mewt: ħalla warajh l-ilbies tal-kefen u libes il-libsa bajda tal-Martri. Għadda mis-salib, wettaq bfedelta lejn il-Missier il-missjoni li fdalu u hekk wasslilna l-ħelsien.

Id-dehra tat-Trasfigurazzjoni kellha tassigura lid-dixxipli minn dak li kien ħabbrilhom fil-ġrajja ta’ qabel. Veru dak li kien ħabbrilhom: kienu se joqtluh, imma hu jqum mill-mewt. Se jirbaħ fuq il-mewt. Il-proġett tiegħu se joħroġ rebbieħ għax iggarantit mill-Missier, li jistqarru b’Ibnu l-għażiż u jitlob lil kulħadd biex jagħti widen għal dak jgħid.

Min-naħa tagħhom, id-dixxipli, ma fehmu xejn minn dan. Fid-diskussjoni li Ġesù kellu mal-Kittieba u l-Fariżej dwar is-sawm tad-dixxipli, Ġesù kien qalilhom: “Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida” (Mk 2,21). Id-dixxipli kienu għadhom libsin “mantar qadim”. Kellhom bżonn ibiddlu u jilbsu lbies ġdid, “abjad u jgħammex”.

“Rabbi, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined.” Id-dehra għoġbitu lil Pietru. Fisem sħabu, indirizza lil Ġesù. Interessanti li did-darba flok sejjaħlu Messija, sejjaħlu Rabbi, jiġifieri Mgħallem. Wara r-rakkont tal-lum insibu darbtejn oħra fejn id-dixxipli jsejħu lil Ġesù Mgħallem. U fid-darbtejn Ġesù ġie miċħud. L-ewwel darba mill-Qassisin il-Kbar u l-Kittieba fit-tempju (Mk 11,21; 27-32); u fit-tieni, minn Ġuda lejlet il-passjoni (Mk 14,45). Jidher li Mark jorbot it-talba ta’ Pietru ma’ dawn iċ-ċaħdiet, għax Pietru wkoll kien qed ixaqleb lejhom: “Pietru ma kienx jaf x’jaqbad jgħid”.

Pietru kien għadu ma fehemx. Huwa u d-dixxipli sħabu ma setgħux jifhmu l-messaġġ ta’ Ġesù. Bħalma tlewwem ma’ Ġesù meta kien ħabbar il-passjoni (Mk 8,32), hekk issa. Minflok għaraf il-preżenza tas-salib, ried jibni tliet tined għall-kenn. Pietru kien għadu joħlom Messija komdu. Għal darb’oħra qala’ ċanfira.  Din id-darba mhux minn għand Ġesù, imma mil-Leħen minn ġos-sħaba.

3. “Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu”.

Il-Leħen ma jeħodhiex kontra Pietru. Hu u sħabu kienu għadhom ma waslux fit-tarf tal-mixja. Il-Leħen ikellem lid-dixxipli ta’ kull żmien. Jirrepeti dak li diġà kien qal fil-bidu tal-Evanġelju, fil-ġrajja tal-magħmudija ta’ Ġesù: “Inti Ibni l-għażiż” (Mk 1,11). Din id-darba jżid: “Isimgħu lilu”. M’hemmx bżonn xi rivelazzjoni ġdida: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu.”

Il-Leħen ikkonferma bawtorità akbar minn ta Mose' u ta Elija t-tagħlim li  Ġesù kien għadu kif ta lid-dixxipli dwar ir-rabta tas-salib mad-dixxipulat: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mk 8,34).

Ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni ma għandux l-iskop li jnaqqas mit-tbatija tas-salib, iżda li jsaħħaħ fina l-fidi tagħna fil-kelma ta Ġesù dwar is-salib bħala it-triq li hu jipproponielna biex inkunu dixxipli tiegħu tassew.

Fil-fatt hemm xebh kbir ukoll bejn ir-rakkont tal-magħmudija ta’ Ġesù (Mk 1, 7-11) u t-Trasfigurazzjoni. Fiż-żewġ waqtiet il-Leħen jitfa’ dawl fuq il-missjoni ta’ Ġesù. Fil-magħmudija jqawwi lil Ġesù fil-bidu tal-missjoni tiegħu; fit-Trasfigurazzjoni jagħmel kuraġġ lid-dixxipli quddiem il-ġrajja tas-salib,  li minnu kellu jgħaddi Ġesù u kellhom jgħaddu huma wkoll, fil-mixja lejn il-Bniedem il-Ġdid.

Fiż-żewġ waqtiet, wara r-rakkont tal-ġrajja hemm ir-rakkont ta’ ġlieda max-“xitan”, jiġifieri ma’ dak li jfixkel lil Ġesù u lid-dixxipli fil-qadi tal-missjoni tagħhom (Mk 1,13; 9,14-29). Il-mixja se tkun iebsa, għax se jkollhom jirreżistu kull tfixkil, kull ħaġa li tipprova tqarraq bihom u toħroġhom minn triqthom. U hija iebsa wkoll għax se jkollhom saħansitra jagħtu ħajjithom,

Id-dehra tispiċċa billi Ġesù u d-dixxipli jinżlu mill-għolja. Bħalma kien għamel wara l-istqarrija ta Pietru (Mk 8,30), Ġesù tahom ordni biex ma jitkellmu ma ħadd fuq li kienu raw, qabel ma Bin il-Bniedem ikun qam mill-imwiet. U San Mark jerġa’ jikkummenta li d-dixxipli baqgħu ma fehmux xi jfisser il-qawmien mill-imwiet, la issa u lanqas meta seħħ fil-fatt (Ara Mk 16,7,14): “Bdew jistaqsu lil xulxin xi tfisser tqum mill-imwiet”.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. Il-mixja wara Ġesù timpenjana bis-sħiħ. San Pawl kellu jistqarr: Aħna nxandru l Kristu (Messija) msallab, skandlu għal Lhud u bluha għall-Griegi, iżda għal dawk li huma msejjħin, sew Lhud u sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta Alla u l-għerf ta Alla (I Kor 1,23-24).

Meta Ġesù jidħol f’ħajjitna, id-dawl tiegħu jikxfilna l-gideb, il-ħarbiet, il-falsitajiet u l-ipokrisiji tagħna. Min iħobb il-verità jaċċettah kif inhu u kollu kemm hu. Min ma jħobbx il-verità, min jibqa’ magħluq fl-ideat ċkejkna, fil-gosti u l-interessi tiegħu,  jitbiegħed minnu (ara Ġw 3, 19-25). Quddiemu m’hemmx triq tan-nofs. M’hemmx medjokrità. Jew tarmih u tgħid: “Dan skandlu, bluha” (I Kor 1,23), jew tgħid “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20,28) u timxi warajh.

2. Ġesù jesiġi wisq minn għandna. Iżda aħna, mhux biss ma għandniex il-ħila nagħmlu dak li jridna nagħmlu, imma kultant lanqas nifhmu kif hu “għandu s-setgħa” li jesiġi daqshekk. Il-valuri tiegħu kultant huma tant differenti minn tagħna u mill-kultura ta’ żmienna.

Aħna nippreferu reliġjon komda, “tat-tliet tined”.  Nippreferu nkunu bħal kulħadd u nimxu mal-kurrent. Nippreferu l-medjokrità, ma rridux inkunu nies ħżiena, imma lanqas qaddisin. Individwalisti, nikkuntentaw bil-ftit, bla ideali għoljin,  bla ġenerożità.

Ġesù, min-naħa tiegħu, donnu jrid iżarmana. Iwaqqgħalna s-sigurtajiet kollha tagħna  Biex nagħrfuh kif iridna nagħrfuh, iridna kontinwament ninżgħu “l-libsa tal-bniedem il-qadim” u nilbsu “l-libsa bajda tal-bniedem il-ġdid”, dak li jagħti xiehda ta’ Ġesù fit-triq iebsa tas-salib. U l-libsa l-bajda hija l-libsa tal-martri!

3. Iżda hawn jinsab is-sigriet ta’ Ġesù. Ġesù, “il-mastrudaxxa bin Marija”, hu l-Mulej u Alla. Għalkemm  kien bniedem bħalna f’kollox, Ġesù kien u għadu aktar minn bniedem. Huwa Bin Alla. Proprju għax kien Bin Alla, il-ħallieq tal-ħajja, kien kapaċi jgħix il-ħajja tal-bniedem b’mod daqshekk ġdid u daqshekk oriġinali. Meta jidhrilna li qed jesiġI ħafna minn għandna, id-dehra tiegħu fit-Trasfigurazzjoni tassigurana li hu ma jrid jeħdilna xejn minn tagħna. Bil-maqlub, irid jagħmilna aktar bnedmin, aktar umani. Dejjem aktar f’mixja “lejn il-maturita fi Kristu”, lejn Bin il-Bniedem, il-Bniedem Perfett (ara Ef 4,15): “Dan hu Ibni l-għażiż; isimgħu lilu”.