Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

Ġesù huwa l-Ħobż tal-Ħajja.

Sena B -

ID-DSATAX-IL ĦADD MATUL IS-SENA

L-Ewwel Qari: 1 Slat 19,4-8: Mill-art tal-mewt, il-profeta jimxi lejn il-ħajja.

It-Tieni Qari: 1 Ef 4,30 5,2: Id-dehra tal-Bniedem il-Ġdid.

L-Evanġelju: Ġw 6, 41-51: Mill-umanità ta’ Ġesù tiġi l-ħajja tad-dinja l-ġdida.

 

L-1 QARI
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.
1 Slat 19, 4-8


F’dak iż-żmien: Il-profeta Elija rħielha lejn id-deżert. Wara jum mixi waqaf, ixteħet taħt siġra tal-ġummar u ntelaq għal mejjet u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ħajti, għax miniex aħjar minn missirijieti!” U mtedd għad-dell tal-ġummara u raqad.
Kif kien rieqed messu anġlu u qallu: “Qum u kul.” Elija dawwar wiċċu u lemaħ ħdejn rasu ftira moħmija u ġarra ilma: kiel u xorob u reġa’ mtedd.
Għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej u reġa’ messu u qallu: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għal mixja li fadallek.” Elija qam, kiel u xorob, u bis-saħħa ta’ dak l-ikel baqa’ miexi għal erbgħin jum u erbgħin lejl sa ma wasal Ħoreb, il-muntanja tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI
Salm 33
Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.


Kull ħin inbierek ’il-Mulej,
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi,
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Kabbru l-Mulej miegħi,
u ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt ’il-Mulej, u weġibni,
u minn kull biża’ ħelisni. R/.

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix.
Dan il-fqajjar sejjaħ ’il-Mulej, u semgħu,
u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.

L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li jibżgħu minnu,
u jeħlishom.
Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej,
hieni l-bniedem li jistkenn fih.
R/.

IT-2 QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin.
Ef 4,30 - 5,2


Ħuti: Tnikktux l-Ispirtu Qaddis ta’ Alla, li fih intom immarkati għall-jum tal-fidwa. Imrar, saħna, korla, għajjât, tagħjir, dan kollu warrbuh minnkom, kif ukoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, aħfru ’l xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.
Kunu ixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina, offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Hallelujah.

Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja, jgħid il-Mulej;
ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
Ġw 6, 41-51


F’dak iż-żmien: Il-Lhud bdew igergru għal Ġesù għax kien qal, “Jien hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhux Ġesù, bin Ġużeppi, li lil missieru u ’l ommu nafuhom? Issa kif jista’ jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?”
Ġesù weġibhom u qalilhom: “Toqogħdux tgergru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-profeti, ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra ’l-Missier ħlief dak li hu
minn Alla; hu dan li ra ’l-Missier. Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu; dan hu l-ħobż li niżel mis-sema biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”

Il-Kelma tal-Mulej.

MISTOQSIJIET

1. Kif nistgħu ngħixu l-Ewkaristija bħala mument qawwi  ta’  fidi f’Ġesùli jrid jidħol f’ħajjitna  u jimpenjana biex ninbiddlu aħna u nbiddlu s-soċjetà ta’ madwarna?

2. B’liema mod Ġesù jista’ jsir “ikel” li jsaħħaħna biex inwettqu l-missjoni li nagħtu xiehda tiegħu fid-dinja?

3. Ġesù ġie miċħud għax wera ruħu uman. Kif tista’ l-Komunità Nisranija tkun iktar “umana” quddiem in-nuqqasijiet u ċ-ċaħdiet li tiltaqa’ magħhom?

 

Biex nirriflettu dwar is-silta tal-lum tajjeb li naqrawha fuq l-isfond tas-siltiet tal-Ħdud li għaddew, u fl-isfond tal-ġrajja  ta’ l-Eżodu, il-mixja ta’ ħelsien tal-poplu ta’ Alla mill-jasar ta’ l-Eġittu lejn l-Art Imwiegħda. 

 

Il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż (fis-Sbatax-il Ħadd) fakkar lil-Lhud fil-ġrajja tal-manna, “il-ħobż li niżel mis-sema” u sostna lil missirijiethom fil-mixja tagħhom mill-jasar għall-ħelsien. Dak inhar tal-miraklu, ħafna nies qalu, “Dan hu tassew il-Profeta li kellu jiġi fid-dinja”. Riedu jaħtfu lil Ġesù biex jagħmluh sultan; imma Ġesù ħarbilhom waħdu lejn il-muntanja. Il-poplu ried jagħmel lil Ġesù sultan skond l-interessi tagħhom. Ma fehmux x’tip ta’ Sultan kien u lanqas x’tip ta’ Saltna ried iwaqqaf.

L-għada tal-miraklu (it-Tmintax-il Ħadd) il-poplu reġa’ mar ifittex lil Ġesù. Iżda hu qalilhom: “Aħdmu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-Bniedem se jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier issiġilla.. . għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.”  Il-Lhud għoġbithom din, u qalulu mal-ewwel, “Agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”

Ġesù weġibhom bi  stqarrija li ħassdithom: “Jiena hu l-Ħobż tal-ħajja.. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, min jemmen fija ma jaqbdu qatt il-għatx” Ġesù mhux biss jagħti l-ħobż mis-sema, iżda hu nnifsu huwa “l-ħobż li niżel mis-sema”.  

Ġesù huwa “l-manna” li ssostni lill-bnedmin fl-eżodu l-ġdid tagħhom, fil-mixja tal-ħelsien mill-egoiżmi li ijassruhom, lejn il-ħajja u d-dinja l-ġdida ta’ wlied Alla.

1.  “Dan mhux Ġesù, bin Ġużeppi?”

Għall-kliem ta’ Ġesù, il-Lhud bdew igergru: “Dan mhux Ġesù, bin Ġużeppi, u lil missieru u lil ommu nafuhom? Issa kif jista’ jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema?’” “It-tgergir” tal-Lhud ifakkarna fit-tgergir tal-poplu kontra MoseÏ fl-ewwel Eżodu (Eż 16,1-5). Din id-darba “it-tgergir” kien ġej mill-mistoqsija dwar l-oriġni ta’ Ġesù. Smajnieha wkoll fl-Evanġelju tal-Erbatax-il Ħadd.

Il-Lhud kienu jistennew messija mimli bil-qawwa ta’ Alla, mhux “bin mastrudaxxa”. Riedu messija kapaċi jsolvilhom il-problemi kollha waħdu, ma joqħodx jimpenjahom, ma jesiġi xejn minnhom. Mhux aħna wkoll, kultant, nippreferu “nistennew il-manna mis-sema”, u ma nimpenjawx ruħna biex ninbiddlu aħna  u nbiddlu d-dinja ta’ madwarna?

Il-Lhud tfixklu għax Ġesù kien wisq bniedem, komuni, ordinarju, “bin Ġużeppi”. Kif jista’ bniedem bħal dan, ikun “il-ħobż mis-sema”, ir-rigal ta’ Alla lill-umanità bil-ġuħ? “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?”, kien staqsa Bartilmew  (Ġw 1,46).

L-umanità ta’ Ġesù kienet ġebla ta’ skandlu għal-Lhud. Iżda għal San Ġwann,  kien sewwa sew f’din l-umanità, f’dan il-bniedem komuni, Ġesù ta’ Nazaret, li dehret “il-glorja ta’ Alla”: “Il-Verb (il-Kelma) sar bniedem u għammar fostna u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-Waħdieni” (Ġw 1,19-28).

Fil-bniedem Ġesù aħna stajna naraw l-umanità ta’ Alla (“Jiena hu”) - Alla qribna, “Alla magħna”, Alla jifhimna, solidali ma’ l-hemm u mat-tbatija ta’ kull bniedem. F’Ġesù Alla għamel l-għażla tiegħu favur il-bniedem u kontra min jipprova jżeblah ix-xbieha tiegħu fil-bniedem.

2.“Mela, kull min jisma’ mill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.”

“Hemm miktub fil-profeti: ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla’.” Permezz tal-profeti, Alla kien wiegħed li jikteb “liġi ġdida” fil-qalb tal-bnedmin kollha li jixtiequ jkunu “dixxipli” tiegħu.  Din il-liġi Alla “kitibha” l-ewwelnett fil-bniedem Ġesù Kristu, u jkompli jiktibha fil-qalb ta’ dawk kollha li jilqgħu lil Ġesù:  Ġesù huwa r-referenza assoluta biex nagħrfu lil Alla bħala Missier, ’il hinn mill-ħafna għajdut u fantasiji - u biex nagħrfu lil xulxin bħala wlied Alla: “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wliem Alla” (Ġw 1,16).

Għalhekk Ġesù qalilna li huwa “l-ħobż ħaj li niżel mis-sema”. Min “jiekol min dan il-ħobż”, min jintmantna bl-eżempju ta’ ħajtu, ikollu l-forza li “jagħraf” lil Alla u jgħix huwa wkoll il-ħajja ta’ iben ta’ Alla: “Aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu mħabba u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4,16).

Ġesù jitma’ lil tant bnedmin li jixxennqu għall-ħajja ta’ mħabba u ta’ komunjoni. Huwa l-ħobż li kapaċi jmantni lil kull bniedem biex jieħu s-sura ta’ iben ta’ Alla, f’għaqda mal-bnedmin l-oħra u mal-ħolqien.

3. “Min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem”.

“Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem”. “Temmen” f’Ġesù jfisser taċċetta l-proposta li għamel Alla fil-ħajja ta’ Ġesù. Ġesù huwa l-Liġi l-Ġdida li Alla offra lill-bnedmin. Min ifassal ħajtu fuq l-eżempju tiegħu, jibda jgħix minn issa l-ħajja li kellu hu, il-ħajja ta’ dejjem. 

“Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert u mietu; dan hu l-ħobż li niżel mis-sema biex min jiekol minnu ma jmutx.”  B’dan il-kliem Ġesù joħloq kuntrast bejn żewġ tipi ta’ ikel: bejn “l-ikel li jgħaddi” u “l-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Il-Fariżej kienu jemmnu li l-qawmien għall-ħajja ta’ dejjem jiddependi mill-“għemil”, l-osservanza stretta tal-Liġi. Għall-Fariżej “l-opri tal-Liġi” kienu “l-ħobż” li jagħti l-ħajja ta’ dejjem. In-nies ukoll, wara l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, kienu staqsew lil Ġesù: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” (Ġw 6,28) fis-silta tat-18-il Ħadd). It-tweġiba ta’ Ġesù kienet ċara ħafna: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat” (Ġw 6,29).

“Jiena hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” Alla ma jfittixx “l-għemil” ta’ liġijiet reliġjużi mejta, bla mħabba. Fil-qalba tar-Rabta l-Ġdida għandna mhux Liġi imma Persuna: Ġesù Kristu. Huwa l-kundizzjoni assoluta biex wieħed ikollu l-ħajja fil-milja tagħha, il-ħajja ta’ dejjem.  

“U l-ħobż li jien nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Bil-fidi fl-umanità ta’ Alla kif dehret fl-umanità ta’ Ġesù, l-aktar bl-għotja ta’ ħajtu, il-bnedmin  jistgħu jidħlu f’Eżodu ġdid u jgħaddu mill-mewt għall-ħajja ta’ dejjem. 

L-Evanġelju għal ħajjitna llum

1. Fil-qofol tar-reliġjon tagħna għandna Persuna mhux liġi. Jista’ jkun li kultant ħarisna lejn ir-reliġjon bħala lista ta’ liġijiet mejta mill-imħabba? Jew ta’ riti vojta mill-fidi? U m’għarafniex il-ħtieġa li nagħrfu dejjem iżjed lil Ġesù u nimpenjaw ruħna fil-missjoni ta’ ħajtu? L-Evanġelju jgħallimna li r-reliġjon ta’ Ġesù tinbena fuq l-għażla tagħna għal Ġesù u l-impenn tagħna għall-proġett ta’ ħajtu.

Ġesù jinsisti li huwa nnifsu, Persuna bi storja u ħajja, huwa l-Ħobżtal-ħajja, għalina u għad-dinja  kollha. “Temmen” f’Ġesù jfisser mhux biss li “tammetti” xi duttrina dwar Ġesù, imma  “tikkommetti” lilek innifsek biex tgħix il-ħajja tiegħu. “Titqarben” ifisser tilqa’  t-totalità tal-persuna ta’ Ġesù u tagħmel tiegħek l-eżempju tal-umanità tiegħu.

2. Għalhekk, Ġesù tkellem dwar il-fidi ta’ dawk li qegħdin ifittxuh: “Intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu (Ġw 6,26). X’tip ta’ fidi kellhom? Fidi fil-miraklu jew fidi f’Ġesù?

Din il-mistoqsija tgħodd għalina wkoll. Mingħajr il-fidi, l-Ewkaristija tibqa’ oġġett mhux Persuna ħajja; tibqa’ “xi ħaġa” li tista’ tgħożżha u tqimha, imma mhux “xi ħadd” li tista’ tiftaħ relazzjoni miegħu u tingħaqad miegħu. Fi kliem ieħor, mingħajr il-fidi, Ġesù ma jkun qatt “l-ikel u x-xorb” għal ħajjitna.

3. Ir-riti sbieħ tal-Ewkaristija, kif ukoll dawk tas-sagramenti kollha, ma jiddispensawniex mill-impenn tal-fidi - “bħallikieku kellhom xi qawwa maġika” mingħajr impenn sħiħ lejn il-persuna ta’ Ġesù u lejn il-proġett ta’ ħajtu.

L-umanità ta’ Ġesù hija l-għajn tal-għaqda tagħna miegħu. Biha nitrejqu biex nżommu sħiħ fit-triq ta’ l-imħabba. Meta nitrejqu biha, aħna nirċievu s-saħħa biex nibqgħu mexjin wara Ġesù bħala dixxipli tiegħu; u biex nibqgħu nitħabtu għat-twaqqif tas-Saltna tiegħu fid-dinja ta’ madwarna, permezz tax-xiehda tagħna favur l-Evanġelju.