Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

INTOM, MIN TGĦIDU LI JIEN?

Sena B -

L-ERBGĦA U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA

X’tip ta’ Messija hu Ġesù?

L-Ewwel Qari: Iż 50, 5-9: Il-missjoni tal-qaddej li jbati.

It-Tieni Qari: 1Ġak 2, 14-18: Fidi li tidher fl-għemil.

L-Evanġelju: Mk 8, 27-35: Ġesù hu l-Messija mwiegħed.

 

L-1 QARI - Is 50, 5-9a
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Sidi l-Mulej fetaħli widinti,
u jiena ma webbistx rasi,
ma rġajtx lura.
Tajt dahri lil dawk li kienu jsawtuni,
ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti;
ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq.
Sid il-Mulej jgħinni,
għalhekk ma nitħawwadtx;
għalhekk għamilti wiċċi bħaż-żnied:
jien naf li ma jkollix mniex nistħi.
Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib;
min se jeħodha miegħi?
Ħa noqogħdu flimkien!
Min hu kontra tiegħi?
Ħa jersaq lejja!
Ara, Sidi l-Mulej jgħinni:
min se jagħtini l-ħtija?

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 114
Jien nimxi quddiem il-Mulej fl-art tal-ħajjin.


Inħobb ’il-Mulej, għax sema’
leħen it-tħannin tiegħi,
għax mejjel widintu lejja
fil-jum li fih sejjaħtlu. R/.

Il-ħbula tal-mewt dawruni,
irbit l-infern laħaqni,
niket u hemm insib.
Imma isem il-Mulej sejjaħt:
“Mulej, nitolbok, salvani!” R/.

Ta’ qalb tajba l-Mulej, u ġust;
Alla tagħna hu ħanin.
Il-Mulej iħares iż-żgħar:
kont magħkus, u hu ħelisni. R/.


Hu salvali ħajti mill-mewt,
ħelisli għajnejja mid-dmugħ,
riġlejja minn dak li ried jaqlibni.
Jien nimxi quddiem il-Mulej
fl-art tal-ħajjin. R/.

IT-2 QARI - Ġak 2, 14-18
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.

X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi, jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah fidi bħal din? Jekk ħuk, jew oħtok, ikunu mċerċrin u neqsin mill-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom, ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa?
Hekk ukoll il-fidi, jekk ma jkollhiex il-għemil hi mejta fiha nnifisha. Imma xi ħadd jista’ jgħid, “Inti għandek il-fidi u jiena l-għemil.” Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jiena l-fidi nurihielek mill-għemil tiegħi.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Hallelujah.

Missier Sidna Ġesù Kristu jdawlilna l-għajnejn ta’ qalbna,
biex nagħarfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħna.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 8, 27-35
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” staqsiehom, “intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.” Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu fuqu ma’ ħadd.
U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mix-xjuħ u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar.
Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax mintix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”
Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Bxara t-Tajba, isalvaha.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

MISTOQSIJIET

1. Ġesù, fit-twettiq tal-missjoni tieigħu, kellu jiġi f’konflitt mal-forzi tal-inġustizzja ta’ żmienu. X’inhuma l-konflitti li nistgħu niltaqgħu magħhom illum fl-għajxien u fil-qadi tal-missjoni tagħna ta’ Nsara?

2. Xi tfisser tkun dixxiplu ta’ Ġesu’? Fi żminijietna min huma d-dixxipli veri ta’ Ġesù?

3. Min huma “x-xjaten” li llum ifixklu t-twettiq tas-Saltna ta’ Alla?

 

Ninsabu eżatt fin-nofs tal-Evanġelju ta’ San Mark. Dan l-Evanġelju nistgħu naqsmuh f’żewġ partijiet kważi tal-istess tul. L-ewwel parti tispiċċa f’Kap 8,30. It-tieni parti tibda eżatt wara, bil-kliem, “Ġesù beda jgħallimhom” (Mk 8,31). U hawn l-Evanġelju jibda jieħu żvolta ġdida.

L-għan tal-ewwel parti kien li jwassal għall-għarfien ta’ Ġesù bħala “l-Messija” (ara Mk 1,1). Għalhekk tilħaq il-quċċata tagħha bl-istqarrija ta’ Pietru: “Inti l-Messija”, fis-silta tal-lum. L-għan tat-tieni parti hija l-formazzjoni tad-dixxipli. F’din il-parti Ġesù jingħata b’akbar intensità għall-formazzjoni tad-dixxipli, billi jurihom bil-mod il-mod, bil-kliem u bl-għemil, fiex jikkonsisti tassew il-messjaniżmu tiegħu, u għalhekk, kif inkunu dixxipli tiegħu. Din il-parti tilħaq il-mument l-aktar importanti fl-istqarrija taċ-ċenturjun Ruman quddiem Ġesù Msallab: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla” (Mk 15,39).

Is-silta tal-lum timmarka l-passaġġ bejn l-ewwel u t-tieni parti tal-Evanġelju. Jekk l-ewwel parti bdiet fid-deżert, it-tieni tiżvolġi tul “il-mixja lejn Ġerusalemm”. Id-deżert kien il-post tat-tiġrib ta’ Ġesù mix-xitan; Ġerusalemm huwa l-post fejn Ġesù u l-messaġġ tiegħu jiġu f’konflitt ma’ l-interessi taċ-ċentri tas-setgħa f’Ġerusalemm.

F’din it-tieni parti tal-Evanġelju, għal tliet darbiet Ġesù jħabbar il-passjoni u l-mewt tiegħu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu mill-mewt. Bejn kull tħabbira għandna istruzzjoni lid-dixxipli biex huma wkoll jiċħdu lilhom infushom, jaqbdu salibhom u jimxu warajh.

1. “Min hu Ġesù?”

Ġesù kien qiegħed idur l-irħula ta’ ¬esarija ta’ Filippu, fi triqtu lejn Ġerusalemm. Ta’ għalliem tajjeb li kien, ried jara x’impressjoni kienet ħalliet il-kelma u l-ħidma tiegħu f’dawk li semgħuh: “Min jgħidu n-nies li jien?”

It-tweġiba tad-dixxipli turi li n-nies kienu għadhom ma waslux biex jagħrfu sew min hu Ġesù. Qabbluh ma’ Ġwanni l-Battista, ma’ Elija, jew ma xi wieħed mill-profeti. Ġwanni l-Battista u Elija, u b’xi mod il-profeti kollha,  kienu prekursuri ta’ Ġesù, dawk li kellhom iħejjulu t-triq. In-nies ma waslux biex jidentifikaw lil Ġesù bħala t-tmiem tat-triq, il-milja tal-proċess ta’ rivelazzjoni, imma bħala sempliċi prekursur, dak li kellu jiġi qabel.

“Imma intom, intom min tgħidu li jien?”  Pietru, f’isem il-grupp kollu tad-dixxipli, jistqarr: “Inti l-Messija”. Din hija stqarrija solenni ta’ fidi: F’Ġesù għandna l-milja u l-ogħla quċċata tar-rivelazzjoni, it-twettiq tat-tamiet imħabbra mill-profeti, “il-prekursuri” tiegħu.

Il-kelma “Messija”  kienet tqajjem fil-poplu tamiet kbar, li xi darba jiġi mexxej politiku magħżul minn Alla, biex iġib mill-ġdid il-monarkija f’Iżrael. Fl-istqarrija tiegħu Pietru qisu jiġbor dawn it-tamiet kollha flimkien. Imma Ġesù kien tassew messija kif kien jistennieh il-poplu? Pietru kien għaraf xi ħaġa ġdida f’Ġesù?

Qabel dan l-episodju San Mark jirrakkonta l-miraklu tal-agħma minn Betsajda (Mk 8, 22-26). Jista’ jkun li Pietru u sħabu kienu għadhom għomja? Jista’ jkun li Ġesù kien jenħtieġ li jfejjaqhom, kif għamel ma’ dan l-agħma?

2. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.

Dal kliem jagħlaq l-ewwel parti tal-Evanġelju ta’ San Mark. Biex jagħrfu “tassew” x’tip ta’ Messijja huwa Ġesù u jkunu jistgħu jxandruh, id-dixxipli baqgħalhom ħafna x’jimxu. Il-missjoni ħelliesa ta’ Ġesù ma kellhiex tilħaq it-tmiem tagħha jekk mhux permezz tas-salib u l-qawmien.

Ironikament, hu sewwa sew fl-istqarrija taċ-ċenturjun, li ra lil Ġesù jmut fuq is-salib, li nsibu l-għarfien sħiħ tal-missjoni ta’ Ġesù (Mk 15,39). U hija l-esperjenza tas-salib u l-qawmien li twassal lid-dixxipli għall-għarfien sħiħ  tal-messjaniżmu tiegħu. Minn din l-esperjenza  kellha tibda l-missjoni li jxandruh, u fuqha kellhom jibbażaw ix-xandir tagħhom: “Aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud, u bluha għall-Griegi, iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud u sew Griegi, Kristu huwa l-għerf ta’ Alla u l-qawwa ta’ Alla”  (1 Kor 1,23-24).  

U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mix-Xjuħ u mill-Qassisin il-Kbar u l-Kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Ġesù ma kellu l-ebda dubju dwar x’kien qed jistennieh. Hu jsemmi waħda wara l-oħra l-kategoriji tas-setgħana li se jkollu jħabbat wiċċu magħhom, ilkoll membri tas-Sanhedrin, l-ogħla qorti tal-Lhud, li fl-aħħar jikkundannawh għall-mewt:

- Ix-Xjuħ tal-Lhud kienu l-lajċi li jiffurmaw l-aristokrazija tal-Lhud, nies tal-flus  propretarji ta’ ħafna artijiet. Kienu l-membri l-aktar importanti tal-partit tas-Sadduċej;

- Il-Qassisin il-Kbar kienu jiffurmaw l-artistokrazija saċerdotali. Kienu jokkupaw l-ogħla postijiet fil-ġerarkija tal-qassisin. L-ogħla fosthom kien  il-Qassis il-Kbir. Dawn ukoll kienu tal-partit politiku qawwi tas-Sadduċej. Kellhom f’idejhom is-setgħa reliġjuża u politika;

- Il-Kittieba tal-Liġi, kienu “l-imgħallmin tal-verità”. Fil-maġġuranza l-kbira kienu tal-partit tal-Fariżej. F’idejhom kellhom is-setgħa ideoloġika. Kellhom ukoll is-setgħa li jaqtgħu s-sentenzi fil-qorti tagħhom.

F’kelma waħda, Ġesù kien se jħabbat wiċċu ma’ l-ogħla klassijiet tas-soċjetà Lhudija, dawk li kellhom is-setgħa tal-flus, is-setgħa politika u reliġjuża u s-setgħa tal-verità. Ġesù ma kellu l-ebda dubju li dawn kollha flimkien kienu se jispiċċaw biex joqtluh: il-proġett tiegħu kien għal kollox kuntrarju għall-proġetti u l-ideat ta’ dawn is-setgħana. Fil-fraġilità tiegħu ta’ Bin il-Bniedem, u mingħajr għajnuna straordinarja minn fuq jew minn barra, dawn is-setgħat kienu ħafna aktar qawwija minnu. Ġesù kien se  jispiċċa maqtul.

Hekk nifhmu s-sens veru tal-espressjoni “kien meħtieġ”. Il-kelma fil-verżjoni bil-Grieg ma tfissirx fatalità, destin, li jkollok toqgħod għalih trid u ma tridx. Iżda tfisser il-konsegwenza normali ta’ xi azzjoni li wieħed ikun għamel. Il-messaġġ ta’ Ġesù, messaġġ ta’ ħelsien u ħajja, kellu bilfors jiġi f’konflitt mal-forzi li jġibu l-mewt. Mhux din kienet ukoll il-missjoni tal-profeti kollha li ġew qablu, fosthom Ġwanni l-Battista? 

Pietru u sħabu qatt ma basru u qatt ma aċċettaw li l-Messija kellu jbati. Għalhekk l-Evanġelju jpinġihom bħala għadhom “għomja”.  Qatt ma basru li biex iwettaq il-missjoni tiegħu Ġesù kellu jagħti lilu nnifsu sa l-aħħar, sal-mewt tas-salib. L-appostli stennew messija ta’ setgħa, mogħni b’unuri u prestiġju. Imma Ġesù wriehom li t-twettiq tar-rieda ta’ Alla timplika li tagħti lilek innifsek sa l-aħħar għall-missjoni li jafdalek. U dan jista’ jimplika tbatija, u f’ħafna każi, il-mewt.    

Fuq dan kellimhom ċar. Ġesù, minn jeddu, tkellem ċar u tond, mad-dixxipli tiegħu. Din il-libertà li jitkellem tfakkarna fil-kuraġġ u fix-xorti tal-“Qaddej ta’ Alla” fl-Ewwel Qari tal-lum. Tfakkarna wkoll fit-tmiem traġiku ta’ bosta mill-profeti tar-Rabta l-Qadim. Id-dixxipli kellhom jiġi ppreparati għal dak li kien jistennihom. Madankollu, Ġesù jassigurahom li l-aħħar kelma qatt ma tkun tas-setgħat li jġibu l-mewt: “U wara tlitt ijiem jerġa’ jqum.”

3. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu.

Pietru u sħabu ma setgħux jifhmu r-rifjut, it-tbatija u l-mewt, li kellu jgħaddi minnhom il-Messija. L-Evanġelju juża kliem qawwi biex ifissrilna r-reazzjoni ta’ Pietru, tilwima tassew vjolenti: Pietru ġebbed lejh lil Ġesù bil-forza u beda “jlumu”. Il-kelma bil-Grieg, hija l-istess waħda li juża l-Evanġelju meta Ġesù “kkmanda” lix-xitan biex jiskot, fis-Sinagoga ta’ Kafarnahum (Mk 1,25).

Daqstant ieħor iebsa kienet iċ-ċanfira ta’ Ġesù lil Pietru: Dar iħares lejn id-dixxipli, u qallu: ”Itlaq minn quddiemi, ja xitan”. Il-kelma “qallu”, bil-Malti, hija ratba wisq; l-Evanġelju juża l-istess kelma ta’ l-ewwel, “epetimesen”.

Ġesù sejjaħ lil Pietru xitan, u keċċieh minn quddiemu kif kien għamel max-xitan fit-tiġrib fid-deżert (Mt 4,10). Kull meta Pietru u d-dixxipli ma jaċċettawx li l-Messija jbati, jew jaħarbu meta Ġesù jsejħilhom jerfgħu miegħu is-salib, ikunu qed ifixkluh, isiru “xitan”,  għedewwa tal-proġett ta’ Alla. Fil-parabbola taż-żerriegħa Ġesù jgħidilna li x-xogħol tax-xitan hu sewwa sew li jfixkel il-proġett ta’ Alla fil-qalb ta’ dawk li jkunu laqgħuh bil-ferħ (ara Mk 4,15).

Ġesù jagħmel differenza bejn “toqgħod quddiemu” u “timxi warajh”: Min joqgħod quddiemek fit-triq ifixklek, ma jħallikx timxi. Ġesù jordna lil Pietru jwarrab minn quddiemu. Imbagħad sejjaħ lejh in-nies, flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jimxi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja”. Min se jkunu d-dixxipli li jimxu wara Ġesù?

“Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha. Imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.” Ġesù ma beżax għal ħajtu, meta ħadha kontra l-inġustizzji ta’ soċjetà li wasslitu sal-mewt. Fil-konkret dan hu xi jfisser “titlef ħajtek għal Ġesù u għall-Evanġelju tiegħu”.  Il-kelma tiegħu tagħti l-garanzija li min jitlef ħajtu b’dan il-mod, ħajtu jsibha mill-ġdid fil-ħajja ta’ dejjem. Min jaqsam ma’ Ġesù t-tbatija tal-missjoni, jaqsam miegħu ukoll il-qawmien.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum. 

1. “Pietru ma sabhiex bi tqila li jagħraf lil Ġesù bħala l-Messija. Dak li hu ma aċċettax kien il-prezz li kellu jħallas biex ikun dixxiplu. Hemm dan ‘Pietru’ f’kull wieħed u waħda minna; hemm ir-reżistenza tagħna biex nimxu wara Ġesù fil-prattika. Madankollu  dan jagħmel parti essenzjali mill-fidi tagħna fih. Stqarrija ta’ fidi li ma tinkludix li tkun dixxiplu mhix sħiħa.”

2. Hija tentazzjoni kbira li nagħmlu lil Ġesù jixbahna flok ma aħna nsiru nixbhu lilu. Għalhekk Ġesù jqiegħed il-kundizzjonijiet biex wieħed isir dixxiplu tiegħu “fil-verità”:

- “Għandu jiċħad lilu nnifsu”: Tiċħad lilek innifsek ifisser tinħall mill-ambizzjonijiet u l-interessi  personali tiegħek, u tagħraf issir il-qaddej ta’ l-oħrajn;

- “Jerfa’ salibu”: Terfa’ s-salib ifisser taċċetta, jekk ikun meħtieġ, li tkun ippersegwitat u kkundannat, minn soċjetà li dejjem toqtol il-vuċi tal-profeta u tal-bniedem il-ġust;

“Jimxi warajja”: Timxi wara Ġesù jfisser tfassal ħajtek u għemilek fuq l-eżempju ta’ Ġesù u tissieħeb fil-proġett ta’ ħajtu..

3. Ħadd minna ma jista’ jgħid li qed jirnexxilu għal kollox jilħaq dawn it-tliet kundizzjonijiet. Biss din hija l-mixja tal-fidi li rridu nagħmlu. Il-Mulej jaħfer in-nuqqasijiet tagħna tul il-mixja, imma jibqa’ jsejħilna għall-fedeltà sħiħa, fedeltà li trid dejjem tissarraf f’solidarjetà ma’ l-oħrajn, l-aktar mal-fqar u l-minsija.