Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

ALLA MHU MONOPOLJU TA’ ĦADD

Sena B -

IS-SITTA U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA

L-Ewwel Qari: Num 11, 25-29: Il-komunità tfittex il-vera ħajja.

It-Tieni Qari: Ġak 5, 1-6: Għana li twassal għall-inġustizzja.

L-Evanġelju: Mk 9, 38-48 : L-isem ta’ Ġesù mhu monopolju ta’ ħadd.

L-1 QARI - Num 11, 25-29

Qari mill-Ktieb tan-Numri.

F’dak iż-żmien, Il-Mulej niżel fi sħaba jkellem ’il Mosè, u ħa mill-ispirtu li kellu fih u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew iħabbru, imma ma ssoktawx. Issa fil-kamp kien baqa’ żewġt irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu. Hekk dawn ġew magħduda mal-magħżulin għax, għalkemm ma marrux fit-Tinda, bdew iħabbru fil-kamp.
Dlonk mar wieħed żagħżugħ jgħarraf b’dan ’il Mosè, u qallu: “Eldad u Medad qegħdin iħabbru fil-kamp.” U Ġożwè, bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta’ Mosè, qabad u qal: “Sidi Mosè tħallihomx aktar.” Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 18

Il-preċetti tal-Mulej iferrħu l-qalb.

Il-liġi tal-Mulej sħiħa,
tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej sewwa,
tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-biża’ tal-Mulej nadif,
jibqa’ għal dejjem;
l-ordnijiet tal-Mulej sewwa,
imseddqa għal kollox. R/.

Il-qaddej tiegħek tgħallimhom sewwa;
hemm ħlas tajjeb għall-ħarsien tagħhom.
In-nuqqasijiet min jagħrafhom?
Minn dak li ma nafx bih naddafni. R/.

Mill-kburija ħares il-qaddej tiegħek,
biex ma taħkimx fuqi.
Imbagħad inkun bla ħtija
u safi minn dnub kbir. R/.

IT-2 QARI - Ġak 5, 1-6
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu.

Ejjew, intom il-għonja, ibku u okorbu fuq il-għawġ li ġej fuqkom. Il-ġid tagħkom tħassar, ħwejjiġkom mikula mill-kamla. Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħhom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħal nar. Mingħalikom ħżintu ġid li se jibqa’ sa’ l-aħħar!
Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom – ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq – qiegħed jgħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej ta’ l-eżerċti.
Fuq l-art għextu fix-xalar u l-frugħa, qgħadtu tissemmnu għal jum il-qatla. Intom għamiltu ħaqq mill-ġust, qtiltuh, għax ma jistax jifqilkom!

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
Il-preċetti tiegħek, Mulej, ta’ min joqgħod fuqhom,
imwettqin għal dejjem ta’ dejjem.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 9, 38-43.45.47-48

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Ġwanni qal lil Ġesù: “Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi.
Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna. Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixtuh il-baħar.
U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

Il-katekeżi li bdejna l-Ħadd l-ieħor tkompli fis-silta tal-lum. Bejn it-tieni u t-tielet tħabbira tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, l-Evanġelju ta’ San Mark jagħtina katekeżi dwar  l-imġiba konkreta ta’ min irid ikun dixxiplu tiegħu. Min-naħa waħda Ġesù jwissi lid-dixxipli dwar tendenzi li jistgħu ifxkluhom u joħorġuhom mit-triq “lejn Ġerusalemm”; min-naħa l-oħra, jurihom kif għandhom jagħmlu l-ħajja tagħhom tixbah dejjem iktar lill-eżempju ta’ ħajtu.

Fis-silta tal-lum Ġesù jgħallimna: ftuħ kbir lejn dawk li ma jagħmlux parti mill-Komunità; u  ospitalità u solidarjetà fil-prattika maċ-ċkejknin.

1. “Min mhux kontra tagħna hu magħna.”

L-appostlu Ġwanni mar jgħid lill-“Imgħallem” li hu u sħabu riedu jżommu lil wieħed raġel milli jkeċċi x-xjaten f’ismu, għax dan ir-raġel ma kienx “wieħed minn tagħna”. Ġwanni kellu x’aktarx it-tendenza taż-“Żeloti”, nies fanatiċi dejjem lesti għall-vjolenza biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom. Fl-imġiba tad-dixxipli kienet tidher it-tendenza li jagħmlu monopolju mill-isem ta’ Ġesù. Ħasbu li huma biss kienu l-“mibgħutin” biex f’ismu jkeċċu x-xjaten bħala sinjal tal-miġja tas-Saltna ta’ Alla (ara Mk3,15).

It-tweġiba ta’ Ġesù hija ċara : “La żommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu l-ħila jgħid kontra tiegħi”. Li tkun dixxiplu ta’ Ġesù ma jfissirx li tkun privileġġjat. Ifisser pjuttost li għandek missjoni li tkompli l-ħidma li għamel Ġesù.

L-ewwel miraklu ta’ Ġesù f’dan l-Evanġelju kien dak tat-tkeċċijja ta’ l-ispirtu mniġġes (ara Mk 1,21-27). B’dan il-miraklu, Ġesù wera li l-missjoni tiegħu hi li jeħles lill-bnedmin minn kull xorta ta’ qerq u aljenazzjoni.  Ġesù wriehom li min jagħmel dak li għamel Ġesù, huwa ma’ Ġesù. Id-dixxipli, min-naħa tagħhom, mhux dejjem kienu kapaċi jagħmlu ħidma bħal din (ara Mk 9,14-21). U x’aktarx kienet l-għejra li ġegħlithom iwaqqfu lir-raġel milli jkeċċi x-xjaten.

L-ewwel Insara kienu kontinwament jistaqsu xi trid tagħmel biex tkun parti mill-grupp ta’ ġewwa tad-dixxipli ta’ Ġesù. Kien hemm saħansitra min ħaseb li bil-flus jista’ jkollok is-setgħa li tagħmel il-mirakli (ara l-Atti 8, 18-24). It-tendenza li jkunu grupp magħluq u privileġġjat kienet mill-bidu.

L-Evanġelju tal-lum juri kemm Ġesù kien miftuħ fuq dan il-punt. Ma tistax iżżomm lil Ġesù għalik waħdek jew tagħlqu f’istituzzjoni jew sistema. Wisq anqas tista’ tixtrih bil-flus.

2. “Min jagħtikom tazza ilma biex tixorbu, ma jibqax mingħajr ħlas.”

Għal Ġesu’, kull ġest ta’ solidarjetà, imqar dak li jidher wisq ċkejken, bħal li tagħti tazza ilma, ma jibqax mingħajr ħlas. Biex tkun dixxiplu ta’ ġewwa ta’ Ġesù, ma hemmx bżonn tagħmel ħwejjeġ kbar. Biżżejjed li wieħed ikollu fiduċja kbira f’Ġesù u fil-proġett ta’ ħajtu. Dan il-kliem iħeġġeġ lill-Insara ta’ kull żmien biex iħaddmu  l-virtujiet tas-solidarjetà, ta’ l-ospitalità u tal-kenn.

Jekk inżommu li x’aktarx l-Evanġelju ta’ San Mark inkiteb f’Ruma, fejn minn kullimkien joħroġ l-ilma, nistgħu nifhmu iżjed li għal Alla s-solidarjetà ma titkejjilx b’kemm il-ġest ikun kbir, imma titkejjel mis-sentiment li nkunu lesti naqsmu ma’ ħaddieħor il-ftit li għandna, ukoll jekk dan huwa biss tazza ilma. Ġesù jassigurana li l-ebda azzjoni ta’ umanità, żgħira kemm hi żgħira, ma taħrab mill-ħarsa  ta’ mħabba ta’ Alla.

“Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn ċ-ċkejknin, ikun jaqbillu li jixħtuh fil-baħar.” Ġesu jiġbed l-attenzjoni tad-dixxipli dwar il-periklu ta’ l-iskandlu: li tkun okkażjoni ta’ tfixkil għal xi “wieħed minn dawn iċ-ċkejknin”. “Skandlu” hawn ifisser li tagħmel xi ħaġa li tfixkel il-fidi jew l-impenn ta’ xi ħadd ieħor li jemmen f’Ġesù bħala l-Messija Qaddej. Ġesù għandu kliem iebes dwar imġiba bħal din.

B’liema mod wieħed “jiskandalizza” lil xi ħadd mill-ħbieb ta’ Ġesù? It-tweġiba smajnieha fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda: Ġesù jirreferi għall-piki fil-komunità, il-pretensjonijiet ta’ minn hu l-akbar u l-iċken, u t-tiftix tas-setgħa li tifred il-komunità fi “kbar” u “żgħar”. Għalhekk li żżomm ruħek ’il bogħod mid-dnub ta’ l-iskandlu jfisser fil-prattika li ċċekken lilek innifsek u tkun qaddej ta’ kulħadd.

3. “Jekk idek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra.”

Ġesù jirreferi għal tliet partijiet tal-ġisem, f’binja ta’ tliet frażijiet indaqs biex juri li trid teħodhom flimkien: l-id, is-sieq, il-għajn. It-tlieta għandhom tifsira simbolika importanti ħafna għalina u għall-komunitajiet tagħna llum.

Għall-mentalità Lhudija ta’ dak iż-żmien, l-id, is-sieq u l-għajn kienu l-lok tal-impulsi tal-ġibdiet ħżiena. L-għajn tixtieq, is-sieq twassal għall-oġġett mixtieq, l-id tieħu l-oġġett mixtieq. L-id mgħollija kienet sinjal ta’ ribelljoni, il-ħars kien assoċjat max-xewqat il-ħżiena. Fost il-Lhud il-mutilazzjoni kienet ipprojbita. Mela kif għandna nifhmu l-frażijiet, “Jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda, jew b’id waħda, jew b’sieq waħda, fil-ħajja milli tidħol bit-tnejn fl-Infern?”  

Ġesù ried joħloq kuntrast bejn il-mixja lejn il-ħajja u l-mixja lejn it-telfien. Ġesù ried iwiddeb lid-dixxipli tiegħu biex irażżnu r-regħba u x-xewqat il-ħżiena - kif kienu l-ambizzjonijiet u l-kilba għas-setgħa u għall-unuri ta’ xi wħud minnhom - jekk ma jridux li jiġbdu fuqhom il-ġudizzju ta’ Alla.

Taqta’ l-id u s-sieq u taqla’ l-għajnejn ifissru tinħall għal kollox minn kull regħba u  ambizzjoni li jifirduk minn sħabek u jagħmluk tirann fuq l-oħrajn. L-Evanġelju mela mhux qiegħed jitkellem minn mutilazzjoni, imma mill-ħtieġa li wieħed ineħħi minnu nnifsu kull ġibda lejn il-ħażen li jġib il-firdiet u r-rivalitajiet, biex hekk jidħol  sħiħ fil-ħajja.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. “Ġesù jagħtina prinċipju dwar kif inħarsu lejn min hu barra minna, barra mill-grupp tagħna, barra mill-moviment tagħna: Min mhux kontra tagħna hu magħna. Dal-kejl wiesa’ jisfida t-tendenza tad-dixxipli li jħossu li huma biss il-proprjetarji tal-messaġġ ta’ Ġesù. Dan għadu jisfidana anki llum. L-istmerrija li lemaħ il-Mulej fid-dixxipli, għadu jilmaħha fina wkoll, meta nħarsu bl-istess mod lejn nies li m’humiex parti mill-Knisja jew m’humiex parti mill-grupp tagħna fi ħdan il-Knisja.”

2. “L-ispiritwalità ta’ komunjoni tfisser ukoll li nkunu nafu naraw dak li hu pożittiv fl-oħrajn; nilqgħuh u ngħożżuh bħala rigal mingħand Alla, mhux biss rigal għal ħija jew għal oħti, imma rigal ‘għalija’. L-ispiritwalità ta’ komunjoni tfisser fl-aħħarnett ‘nagħmlu spazju’ għal ħutna billi ‘nerfgħu t-tagħbijiet ta’ xulxin’ (Gal 6,2) u billi nieqfu għall-ħajriet egoistiċi li jaqbdu magħna bla waqfien u jqanqlu l-kompetizzjoni, karrieriżmu, sfiduċja u għejra.

“Ejjew ma nitqarrqux: jekk ma nimxux f’din it-triq spiritwali, l-istrutturi esterni ta’ komunjoni ftit li xejn jistgħu jkunu ta’ siwi għalina. Isiru mekkaniżmi mingħajr ruħ, ’maskri’ ta’ komunjoni, aktar milli mezzi li jesprimu din il-komunjoni u jgħinuha tikber u tiżviluppa.”

 

 

MISTOQSIJIET

1. L-Ispirtu ta’ Alla huwa mogħti lil kull membru tal-Komunità Nisranija. Min  għandu d-dritt, għalhekk, li jitkellem fil-Knisja?

2. X’inhu l-ħażen li l-Komunità Nisranija trid teqred mill-qiegħ, biex tkun tista’ tibqa’ f’komunjoni ma’ Ġesù, il-Messija Qaddej?

3. Wara dawn ir-riflessjonijiet, x’għandha tkun il-missjoni tal-mexxejja fil-Knisja?