Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

X’GĦANDI NAGĦMEL BIEX NIKSEB IL-ĦAJJA TA' DEJJEM?

Sena B -

IT-TMIENJA U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA

 

"Mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar."

 

L-Ewwel Qari: Għerf 7, 7-11: L-Għerf  tal-ħajja jgħallimna nkunu poplu ħieles.

It-Tieni Qari: Lhud 4, 12-13: Il-qawwa tal-Kelma t’Alla.

L-Evanġelju: Mk 10, 17-30: “Mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar.”

 

L-1 QARI - Għerf 7, 7-11
Qari mill-Ktieb tal-Għerf.

Jiena tlabt, u sirt għaqli; sejjaħt lil Alla, u mtlejt bil-għerf. U dan il-għerf qistu aqwa mix-xettri u t-tronijiet, u ntbaħt li l-għana m’hu xejn ħdejh. Anqas ma xebbaħt miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża, għax id-deheb kollu ħdejh mhux ħlief ftit ramel, u l-fidda qisha daqsxejn tajn jekk tqabbilha miegħu.

Jien dan il-għerf ħabbejtu aktar mis-saħħa u s-sbuħija, għoġobni aktar mid-dawl, għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt. Ma’ dan il-għerf il-ġid kollu ġie għandi, u permezz tiegħu mtlejt b’għana liema bħalu.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 89

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej.

Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
biex hekk nimxu b’moħħ għaqli.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

Imliena malajr bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew tul jiemna kollha.
Ferraħna skond il-jiem li fihom għakkistna,
skond is-snin li fihom rajna l-ħsara. R/.

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna int xogħol idejna,
xogħol idejna wettaq. R/.

IT-2 QARI - Lhud 4, 12-13

Qari mill-Ittra lil-Lhud.

Ħuti: Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa fejn jinfirdu minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ u mikxuf għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Hallelujah.

Il-kelma ta’ Alla hija ħajja u qawwija,
u tgħarbel il-ħsibijeit u l-fehmiet tal-qalb.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 10, 17-30

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Ġesù kien fit-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarrkobbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’? Ħadd m’hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhedx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor, weġġaħ ’il missierek u ’l ommok.”
U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù reġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!” Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.”
(Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.” Qallu Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u fil-Bxara t-Tajba jħallu ’l ommhom jew ’il missierhom jew ’l uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, m’hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar u aħwa u ommijiet u wlied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.”)

Il-Kelma tal-Mulej.

 

MISTOQSIJIET

1. Id-dinja tal-lum turi l-kuntrast bejn l-għana skandaluża tal-ftit u l-miżerja ta’ miljuni ta’ nies. X’dawl jitfa’ l-Evanġelju fuq dan il-fatt?

2. Għaliex it-trekkin tal-ġid huwa abbuż? Għalfejn għandu jservi l-ġid ta’ din l-art?

3. Fejn insibuha u fejn nistgħu narawha ż-żerriegħa tas-soċjetà l-ġdida ta’ dawk li jridu jimxu wara Ġesù? Minn xiex nagħrfuha?

 

 

San Mark ifakkarna li Ġesù jinsab fi triqtu lejn Ġerusalemm fejn se jiġi maqtul minn dawk li kienu “għonja”  fis-setgħa politika, fis-setgħa reliġjuża u fis-setgħa tal-flus. Wara li kellimna dwar il-“barka” ta’ Alla liż-żgħar, l-Evanġelju issa jagħtina katekeżi qawwija dwar l-atteġġjament tagħna lejn il-ġid ta’ l-art (Ara wkoll l-Ewwel Qari).

1. “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”

Mar fuqu wieħed jgħaġġel. “L-għani” ta’ l-Evanġelju ta’ San Mark, la għandu isem u lanqas età. Hekk, kull wieħed u waħda minna jista’ jqiegħed lilu nnifsu flok dan “il-għani”. San Mark jgħidilna li “mar jgħaġġel, niżel għarkobbtejh quddiemu”, u staqsa lill-Imgħallem dwar l-akbar wirt, “il-ħajja ta’ dejjem”.

Hemm differenza bejn l-atteġġjament ta’ dan l-għani u dak tal-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm (Mk 5,27). L-għani jħossu ħieles, ħajtu f’idejh, moħħu mistrieħ, u għalhekk ma jistħix iwaqqaf lill-Imgħallem biex jistaqsih. Iżda, fid-dawl ta’ l-Ewwel Qari tal-lum, ma ndumux ma nintebħu li, b’danakollu, l-għani ma  kien “għaref” xejn. Il-laqgħa ma’ Ġesù ħawditu għax poġġietu f’salib it-toroq u ma kellux il-ħila jagħmel l-għażla t-tajba. 

“Inti l-kmandamenti tafhom”. Il-lista tal-kmandamenti kollha li tah Ġesù għandhom x’jaqsmu mal-ġustizzja soċjali : “La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhedx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor, weġġaħ ’il missierek u ’l ommok” . Ġesù ma semma l-ebda kmandament li għandu x’jaqsam ma’ Alla. L-attenzjoni tefagħha biss fuq l-imġiba ġusta soċjali: ir-rispett lejn il-ħajja, lejn il-proprjetà u l-ġid tal-oħrajn, u lejn il-ġenituri. Alla ma jitlob xejn għalih; imma dak li nagħmlu mal-bnedmin iqisu bħala li nkunu qegħdin nagħmluh miegħu, fit-tajjeb u fil-ħażin (ara Mt 25, 40).

Il-kmandament “la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor“  jgħaqqdu d-Disa’ u l-Għaxar Kmandament flimkien, twissijjiet li nsibu fil-Ktieb tal-Eżodu u tad-Dewteronomju, dwar id-dellitti kontra l-proprjetà ta’ ħaddieħor: “Jekk jiżżewweġ mara oħra, m’għandux inaqqsilha minn ikilha, ilbiesha, jew id-dritt tagħha ta’ mara miżżewġa” (Eż 21,10); u fid-Dewteronomju 24,14 : “La żżomx il-ħlas tal-miskin u l-fqir, sew jekk ikun wieħed minn ħutek, u sew jekk ikun wieħed mill-barranin” (Dt 24,14). Is-sinjur ma jistax jistagħna minn fuq dahar il-fqir.

It-tweġiba tar-raġel għani tissorprendina: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti” . Ir-raġel kien iqis lilu nnifsu bħala “bniedem ġust” f’dak li għandu x’jaqsam mal-Liġi u mar-reliġjon. Għalkemm kien għani, kien ċert li ma wettaq l-ebda inġustizzja. Anzi, l-għana tiegħu kien iqisha barka ta’ Alla, kienet tagħmlu privileġġjat quddiem l-oħrajn, u ħaseb li b’daqshekk “kellu d-dritt” li jsir dixxiplu u jkollu b’wirt il-ħajja ta’ dejjem - ma kienx hemm bżonn tagħmel xejn aktar.

L-Imgħallem urieh li, biex jibqa’ miegħu, irid jidħol f’mixja li hi itqal minn dik li teżiġi l-Liġi.  Ġesù jurih li mhux biżżejjed li wieħed ma jkun għamel xejn ħażin  jew li ma jkun seraq lil ħadd bil-qliegħ tal-flus. Ġesù ġie fid-dinja bi proġett ċar, li hu kien isejjaħlu “is-Saltna ta’ Alla”. Din is-Saltna ssib il-milja tagħha fil-Ġenna, imma trid tinbena hawn fl-art. Lil min irid jimxi warajh Ġesù jsejjaħlu biex jieħu sehem mill-proġett ta’ ħajtu, u jimxi t-triq kollha tiegħu.  

2. “Mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar”.

 “Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja u imxi warajja.”. Hawn jinsab dak li hu ġdid fil-ħajja nisranija. L-għani kien jenħtieġlu jbigħ kull ma kellu, f’ġenerosità li lesta tagħti kollox quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn. F’dan il-kliem ta’ Ġesù, insibu livell ġdid ta’ ġustizzja soċjali: Din ma tiġix billi wieħed joqgħod jikkalkula “kemm għandu jagħti”, imma “kemm għandu jħenn”  għal min ma għandu xejn. Il-ġustizzja titkejjel minn kemm nieqfu mal-fqar fil-bżonnijiet tagħhom (ara Mt 25,31-46).  

“Ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda“. L-istorja tiegħu hija storja ta’ dixxipulat li sfaxxa. Issa San Mark jikxef il-karti u jagħtina tagħrif importanti dwar dan ir-raġel: jgħidilna li tfixkel quddiem il-proposta ta’ Ġesù“għaliex kellu bosta ġid” . Fil-fehma tal-għani, il-ġid  kien barka ta’ Alla; fil-fehma tal-Evanġelju, il-ġid għandu s-setgħa li jwebbes il-qalb tal-bniedem. Aktar ma jkollok, aktar trid. 

Alla ma taniex il-ġid biex jagħlaqna fina nfusna, imma biex naqsmuh ma’ min m’għandux. Dan ir-raġel għani stenna li Ġesù se jserraħlu rasu billi jippermettilu jimxi warajh u fl-istess ħin iħallih igawdi l-ġid li kellu. Il-proposta ta’ Ġesù ma tlaqlaqx: “Bigħ li għandek u agħtih lill-fqar”.

 “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!” Hawn insibu t-tagħlim dwar “it-tifsira u l-iskop tal-ġid” mill-perspettiva tal-Evanġelju. Meta l-ġid ma jservix għall-bżonnijiet tal-bnedmin, isir “ġid maħmuġ“ u ma jibqax sinjal tas-Saltna imma tad-dnub.

Ma għandna qatt inċekknu l-kuntrast li jagħmel Ġesù bejn il-ġemel u t-toqba tal-labbra. Anzi, l-esaġerazzjoni turi biċ-ċar id-diffikultà kbira li jsibu biex isalvaw dawk li għandhom ħafna ġid u jżommuh għalihom biss. B’kuntrast ma’ dan ir-raġel għani, lejn it-tmiem tal-mixja mal-Evanġelju ta’ San Mark, se niltaqgħu ma’ waħda armla fqira, li Ġesù wrieha bħala mudell, għax “fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix” (Mk 12,44).  

Dak li qal Ġesù beżża’ wkoll lid-dixxipli: “Mela min jista’ jsalva?”  Ġesù weġibhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”. L-iżball tal-għani kien li ħaseb li jista’ jsalva bil-ħila tiegħu nnifsu; meta ġie iffaċċjat bir-radikaliżmu tal-Evanġelju qabad u telaq. Kieku tefa’ l-fiduċja tiegħu fuq Ġesù u baqa’ miegħu bħalma għamlu l-appostli (“Għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”), dak li ma kienx possibbli għalih kien isir possibbli bil-qawwa ta’ Alla..

3. “Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”.

Pietru, jitkellem f’isem id-dixxipli l-oħra, u jgħid x’għamlu hu u sħabu biex jibqgħu ma’ Ġesù. Ħallew id-dar, il-familja, il-ġid u telqu warajh. Minkejja n-nuqqasijiet tagħhom kienu “għaqlin” aktar mill-għani: “Dan il-għerf qistu aqwa mix-xettri u t-tronijiet, u ntbaħt li l-għana m’hu xejn ħdejh”  (L-Ewwel Qari).

Lid-dixxipli li minħabba fih u l-Bxara t-Tajba jħallu ’l ommhom jew ’il missierhom jew ’l uliedhom, jew għelieqi”, Ġesu’ jiggarantixxi, minn din id-dinja stess, li jibdew jieħdu sehem minn soċjetà ġdida. Din is-soċjetà għandha bħala valuri l-valuri tal-Bxara t-Tajba, dawk tal-fraternità u tal-qsim tal-ġid, solidarjetà u attenzjoni lejn il-bżonnijiet ta’ l-oħrajn. Fiha, Alla hu l-uniku missier u l-bnedmin ilkoll aħwa. Fost il-ħlas Ġesù jsemmi aħwa u ommijiet, imma ma jsemmix missirijiet. Il-Missier huwa Wieħed, u jagħmilna lkoll aħwa.

B’danakollu, din is-soċjetà l-ġdida se tiġi mhedda minn dawk li moħħhom biss fl-għana u fil-flus, minn kultura konsumista u individwalista.. Fost il-wegħdiet tiegħu Ġesù ma jħallix barra l-“persekuzzjonijiet”. Se jkun hemm dejjem min ma jilqax lill-Imgħallem Ġesù bħalma ma laqgħux dan l-għani. Imma Ġesù jibqa’ miexi mal-Komunità ta’ dawk li ma jiġux milqugħa minħabba fih u minħabba l-Evanġelju. Fl-aħħar mill-aħħar, tagħhom se tkun “il-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.

It-tweġiba ta’ Ġesù ma tgħoddx biss għall-grupp ta’ Pietru, iżda wkoll għal kull min irid jimxi warajh bix-xiehda tal-fidi u jagħti ruħu għax-xandir tal-messaġġ tiegħu.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. Kull wieħed u waħda minna għandu jqiegħed lilu nnifsu flok l-għani tal-Evanġelju. Għandu jħalli l-ħarsa ta’ Ġesù taqa’ fuqu u jara x’irid jgħidlu. Lill-għani Ġesù qallu:  “Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema, imbagħad ejja u imxi warajja.”.  Meta Ġesù jħares lejna u jara l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu, lilna x’qed jgħidilna biex inħallu?  U x’qed jgħidilna biex nagħmlu?

M’hemmx tweġiba waħda għal kulħadd, imma kull wieħed u waħda minna jrid iwieġeb skond l-istat u s-sejħa tiegħu jew tagħha.

2. L-istorja tal-għani kienet storja ta’ dixxipulat li sfaxxa fix-xejn, “għaliex kellu bosta ġid.” Il-flus għandhom ħabta jsiru idoli u jieħdu post Alla, għax iġegħluk taħseb li bihom tista’ tagħmel kollox u li trid. Anki d-dixxipli kienu jemmnu li s-soluzjoni tal-problemi tal-poplu kienet tinsab fil-flus. Fil-fatt, fl-okkażjoni tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, kienu qalu lil Ġesù:”U aħna se mmoru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?” (Mk 6,37).

L-Iskrittura tgħallimna li r-regħba għall-flus hija “l-għerq ta’ kull ħażen” (ara 1 Tim 6,6-19), kif naraw madwarna kuljum. U hemm ġid li ma tistax tixrih bil-flus: ma tistax tixtri l-imħabba, ma tistax tixtri l-għaqal (ara l-Ewwel Qari tal-lum). Għalhekk, għal Ġesù, ir-regħba għall-flus, hija ġenn.   

Ġesù jwissina li bil-flus ma tistax tixtri s-Saltna ta’ Alla. Il-għani rgħib diffiċli jidħol fis-Saltna, jekk ma jkunx lest li jaqsam ġidu mal-fqar. Min-naħa l-oħra, l-għani “jsalva”, meta bi flusu jfittex li “jagħmel teżor fis-sema”, jiġifieri jaqsam ġidu ma’ min m’għandux, mhux biss jagħti karità, imma wkoll iħallas it-taxxi, joħloq ix-xogħol, iħallas paga ġusta, jinvesti f’pajjiżi fqar. Kulħadd ifittex il-mod u t-triq li jurih Ġesù.

3. L-Evanġelju għandu twissija wkoll għal dawk li fi kliem Pietru “telqu kollox u mxew warajh”. Dan m’għandu qatt jimlielhom rashom. Għalkemm Ġesù jistenna l-“iva’ tagħna, ma jkollniex il-ħila li nqegħduha fil-prattika mingħajr il-qawwa tal-Ispirtu tiegħu fina. Għalhekk għandna nżommu lilna nfusna attenti għall-Kelma tiegħu, biex inħallu lilu jmexxina u ma nistrieħu qatt fuqna nfusna. Inkella lilna wkoll jiġrilna bħalma ġralu Pietru meta ċaħad lil Ġesù.