Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

LESTI TIXORBU L-KALĊI LI SE NIXROB JIEN?

Sena B -

ID-DISGĦA U GĦOXRIN ĦADD TAS-SENA

Ġesù sar qaddej biex isalvana.

L-Ewwel Qari: Is 53,10-1: Ir-rebħa tal-Qaddej ta’ Alla fit-tbatija.

It-Tieni Qari:  Llud 4,4-16: Ġesù, saċerdot solidali u ħanin mal-bnedmin.

L-Evanġelju:  Mk 10,35-45: L-awtorità li taqdi.

 


L-1 QARI - Is 53, 10-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.
Jekk joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ tpattija,
huwa għad jara nisel bla tmiem,
u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.
Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,
jixba’ bit-tagħrif tiegħu.
Il-qaddej il-ġust tiegħi jiġġustifika l-kotra,
u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 32
Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej, kif fik hi t-tama tagħna.


Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kull ma għamel kollu fedeltà;
iħobb is-sewwa u l-ġustizzja,
u t-tjieba tal-Mulej imliet l-art. R/.

Araw, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jħallihom jgħixu fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun it-tjieba tiegħek fuqna, Mulej,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

IT-2 QARI - Lhud 4, 14-16
Qari mill-Ittra lil-Lhud.

Ħuti: Meta aħna għandna l-qassis il-kbir li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-istqarrija tal-fidi tagħna.
Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder in-nuqqas ta’ ħila tagħna, imma għandna wieħed li ġie mġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu grazzja għal għajnuna meħtieġa f’waqtha.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT
Hallelujah. Hallelujah.

Alla sejħilna permezz ta’ l-Evanġelju,
biex niksbu l-glorja ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 10, 35-45
Is-silta bejn il-parentesi tista’ ma tinqarax.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: (Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejn Ġesù u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolobuk irriduk tagħtihulna.” “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?” “Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imhejjija.” Il-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni.)
Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

MISTOQSIJIET

1. X’inhuma l-okkażjonijiet, fil-Knisja u fis-soċjetà, li juruna li aħna sikwit niksru l-liġi tal-qadi, il-liġi l-ġdida ta’ Ġesù?

2. It-Tieni Qari jippreżentalna l-Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir, f’solidarjetà mal-komunità tal-bnedmin. Kif nistgħu nkunu solidali ma’ xulxin, fis-soċjetà u fil-Knisja?

3. X’servizz tista’ toffri l-Knisja (il-parroċċa u l-komunità ċkejkna tagħna) lill-bqija tal-bnedmin?

 

 

San Mark qiegħed l-episodju ta’ wlied Żebedew eżattŻ wara t-tielet u l-aħħar tħabbira tal-passjoni (Mk 10,32-34). San Mark jgħidilna li “kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom u huma kien mgħaġġbin, u l-oħrajn li mexjin warajhom kienu mbeżżgħin” (Mk10.32). L-ewwel Insara kienu jifhmu x’ried jgħid San Mark meta qal li “Ġesù kien miexi quddiemhom”. Min kienu dawk li Ġesù kien miexi quddiemhom? U min kienu “l-oħrajn li mexjin warajhom”? U biex kienu “mgħaġġbin”  u “mbeżżgħin”?  Aħna naraw lilna nfusna fosthom?

Fil-fatt f’din it-tielet u l-aħħar tħabbira, Ġesù jidħol fid-dettal dwar ‘x’kien se jgħaddi minn għalih”: “Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-Bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f’idejn il-pagani, dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”.

Għal darb’oħra d-dixxipli wrew li ma fehmu xejn: “Ma tafux x’intom titolbu”. U fl-aħħar tas-silta tal-lum, Ġesù kellu jwissihom:  “Bin il-Bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu għall-kotra.”

1. “Għandkom il-ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien?”

Filwaqt li l-Imgħallem miexi deċiż lejn Ġerusalemm, fejn kellu joħroġ fil-beraħ il-konflitt tiegħu mal-mexxejja tal-Lhud, Ġakbu u Ġwanni jagħmlu lil Ġesù talba li, fil-fehma tagħhom, Ġesù ma setax jirrifjutaha: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug, fil-glorja tiegħek”.

Kienu qegħdin jitolbu żewġ postijiet tal-ogħla ġieħ, bilqiegħda fuq il-lemin u x-xellug tal-Imgħallem bħala mħallfin ta’ Iżrael. X’aktarx li  Ġakbu u Ġwanni kienu tal-partit taż-Żeloti; dawn kienu jistennew il-mument li jkollhom is-setgħa f’idejhom bħala kollaboraturi ewlenin tas-Sultan il-ġdid. Jista’ jkun ukoll li l-espressjoni, “fil-glorja tiegħek”, fehmuha fis-sens tal-aħħar tad-dinja, biex fis-Saltna li ġejja huma jkunu jistgħu jgawdu l-privileġġi u l-vantaġġi ta’ dawk “tal-qalba”.

Ġesù tahom tweġiba ċara: “Ma tafux x’intom titolbu”. Staqsiehom kellhomx il-ħila jixorbu “l-kalċi” li kien se jixrob hu. Huma wiġbuh: “Għandna“. Ġesù laqa’ t-tweġiba tagħhom u aċċertahom: “Il-kalċI li se nixrob tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmduija li biha se nitgħammed jien”

“Il-kalċi” huwa simbolu tal-imrar - it-tbatija, il-persekuzzjoni u l-mewt; “il-magħmudija”  hija simbolu tas-solidarjetà ma’ Ġesù fit-tiġrib li kellu jgħaddi minnu. It-tweġba ta’ Ġesù tagħtina ħjiel dwar iż-żmien meta nkiteb l-Evanġelju ta’ San Mark. Ġakbu u Ġwanni kienu diġà ħadu l-martirju. L-Insara li ġew “warajhom kienu mbeżżgħin”, għax kienu jistennew li tmisshom l-istess xorti ta’ Ġesù u ta’ dawk li ġew qabilhom. Imma, wkoll, xi wħud fosthom setgħu ħasbu li l-martirju  se jġibilhom xi vantaġġi jew setgħa fil-Komunità.

Nistgħu nimmaġinaw l-effett kateketiku ta’ dawn il-kelmiet ta’ Ġesù fuq l-ewwel Insara. Tkun dixxiplu ta’ Ġesù jfisser tassew li jkollok l-istess xorti tal-Imgħallem: li “tixrob il-kalċi” li se jixrob hu, u “titgħammed bl-istess magħmudija’” li se jitgħammed biha hu. Imma ta’ dan ma għandhomx jistennew unuri, privileġġi u setgħa. Bil-maqlub, dawk li kienu jfittxu l-unuri, il-privileġġi u s-setgħa,  kienu dawk li wasslu lil Ġesù għall-mewt.

 

2. “Min irid ikun kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom ...”

L-għaxra l-oħra saħnu għal Ġakbu u Ġwanni”.  It-tiftix tas-setgħa naffar il-bqija tad-dixxipli. Il-ġiri wara l-privileġġi dejjem kien kawża ta’ ġlied u tilwim f’kull soċjetà.

L-għaxar dixxipli l-oħra irrabjaw għax tnejn minnhom kellhom il-wiċċ jitolbu dak li lkoll kemm huma kienu jixtiequ. Fuq dan ilkoll kienu jaqblu. Ġwanni u Ġakbu sempliċiment qabżu lill-oħrajn, biex ikunu minn ta’ l-ewwel li japprofittaw ruħhom.

L-episodju ta’ wlied Żebedew kellu jservi ta’ lezzjoni għall-Komunità Nisranija. Ġesù jsejjaħ lit-Tnax u jurihom li fis-soċjetà l-ġdida kif iridha hu, is-setgħa kellha tieħu sura oħra.  Is-soċjetà kif inhi u kif nafuha sikwit tittebba’ bil-korruzzjonijiet,  b’ambizzjonijiet u abbużi ta’ dawk jħaddmu s-setgħa. Fis-soċjetà l-ġdida li titwieled mill-prattika ta’ Ġesù u tkompli fil-prattika tad-dixxipli, l-affarijiet kellhom ikunu xort’oħra:

“Tafu intom, dawk in-nies li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom għandu jkun qaddej tagħkom u min irid ikun l-ewwel fostkom għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd”.

Il-kliem ta’ Ġesù juri l-kuntrast bejn “kapijiet” u “qaddejja”, bejn “padruni” u “lsiera”. “Qaddej”, bil-Grieg “diakonos”, huwa wieħed li jservi fil-mejda, wieħed li jgħin u jaħji lil min iħossu dgħajjef. “Ilsir”, bil-Grieg “doulos”, kien jitqies proprjetà tal-padrun, mhux bniedem ħieles, għandu obbligi  imma m’għandux drittijiet.  

Fis-soċjetà li wasslet lil Ġesù għall-mewt kien hemm qasma netta: fuq naħa kien hemm il-kapijiet u l-kbarat, u fuq l-oħra kien hemm il-qaddejja u l-ilsiera. Ir-relazzjonijiet soċjali kienu maqsuma bejn min jaħkem u min jobdi, bejn padruni u lsiera. Fis-soċjeta’ l-ġdida li titwieled mill-prattika ta’ Ġesù, kulħadd huwa qaddej ta’ kulħadd, għax il-kap nnifsu huwa wkoll qaddej u lsir ta’ kulħadd.

3. “Għax hekk ukoll Bin il-Bniedem, huwa ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”. 

Ġesù jagħti t-tifsira profonda ta’ ħajtu u mewtu. Il-mewt ta’ Bin il-Bniedem, mewta ta’ lsir ikkundannat, kellha tkun il-bażi biex tinħoloq is-soċjetà l-ġdida ta’ nies ħielsa, li  hu kien isejħilha ”s-Saltna ta’ Alla”. Huwa kien iħares lejn ħajtu u mewtu bħala qadi u għotja “lill-kotra”, jiġifieri lill-bnedmin kollha, biex il-bnedmin kollha jiksbu l-veru ħelsien.

L-espressjoni “b’fidwa” turi s-sens tal-mewt ta’ Ġesù. Il-kliem tal-Evanġelju huwa referenza ċara għal Iżaija 53, li jinqara fl-Ewwel Qari tal-lum. Il-kelma “fidwa’’, bil-Grieg “lutron”, kienet is-somma li titħallas biex jinħeles ilsir. Ġesù ħallas b’ħajtu biex il-bnedmin kollha jiksbu l-ħelsien. Ħa postna - sar ilsir flokna, li konna lsiera (ara Fil 2,6-11).

Fil-mument tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, il-bnedmin kollha saru bnedmin ħielsa.  Bis-saħħa tal-mewt u tal-qawmien tiegħu ħadd ma għandu d-dritt jaħqar jew jgħakkes bnedmin bħalu: Għax il-liġi waħdanija li issa għandha forza fis-soċjetà l-ġdida hija dik tas-“setgħa-servizz”. Il-bnedmin kollha huma issa ta’ Ġesù għax hu ħallas għalihom b’ħajtu. Min jgħakkes u ijassar lill-oħrajn ikun qed jeħodha kontra Ġesù.

L-Evanġelju għal ħajjitna llum

1. Ġesù ġie fid-dinja biex jagħmilna bnedmin ħielsa. Hemm skjavitù ta’ bniedem fuq ieħor, u hemm skjavitù intern, ta’ ġo fina, bħalma kienet il-kilba għas-setgħa ta’ wlied Żebedew, l-ambizzjonijiet tal-bqija tad-dixxipli. San Ġwann jgħidilna li min jagħmel id-dnub isir ilsir tad-dnub. Dan kollu jorbotna u ma jħalliniex nieħdu sehem fl-avventura tal-bini tal-ħolqien ġdid u tad-dinja l-ġdida li kellhom il-bidu tagħhom f’Ġesù.

2. Fis-soċjetà l-ġdida li Ġesù ried jibni m’hemmx privileġġi. Bil-maqlub, kull min għandu xi setgħa , jew pożizzjoni, jew ħila, jew xogħol speċjali jrid jifhem li Alla għażlu biex jaqdi lill-oħrajn. Tkun kap, għal Ġesù, ifisser tissallab u taqdi lill-oħrajn (Ġw 13,13-15). Huwa nnifsu, “l-Imgħallem” u “l-Mulej” tneżża’ minn kollox, għażel id-dgħajfin u ħadha kontra min jaħqarhom, u sar qaddej tagħna sal-mewt tas-salib. In-Nisrani li jrid jimxi wara Ġesù ma jistax jaqbad triq oħra. Ħadd ma jista’ jimxi wara Ġesù bil-ħsieb li jikseb vantaġġi u privileġġi.  

3. Ġesù ma kkundannax is-setgħa, imma l-abbuż tagħha. Huwa nnifsu safa vittma tal-abbuż tas-setgħa mill-mexxejja ta’ żmienu - is-Sinedriju,  Erodi, Pilatu. Is-setgħa li ma tiġix imħaddma bħala qadi, ma ġġibx ħlief tensjonijiet, firdiet u għira.

Min-naħa l-oħra, is-setgħa li tiġi mħaddma bħala qadi, kif uriena Ġesù, taħji u tkabbar lil kulħadd u tagħmel il-ħajja iżjed hienja u sabiha. U dan jgħodd f’kull qasam tal-ħajja, fil-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà. Kull wieħed u waħda minna għandu x’jirrifletti fuq dan. Għax mhux id-dittatturi u t-tiranni biss jistgħu jabbużaw mis-setgħa, imma kull min b’xi mod juża l-pożizzjoni tiegħu biex jgħakkes lill-oħrajn - fil-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà.