|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. "LI NARA, MGĦALLEM" |
||
|
Sena B - IT-TLETIN ĦADD TAS-SENA Id-dixxiplu li beda jara. L-Ewwel Qari: Ġer 31, 7-9: Alla, Missier il-foqra u l-imwarrbin. It-Tieni Qari: Lhud 5, 1-6: Ġesù, il-Qassis il-Kbir li jagħder u jħenn. L-Evanġelju: Mk 10,46-52: L-agħma li jsir tassew dixxiplu ta’ Ġesù.
L-1 QARI - Ġer 31, 7-9
Kbir
f’għamilu l-Mulej magħna!
Qari mill-Ittra
lil-Lhud.
Hallelujah. Hallelujah.
Qari mill-Evanġelju
ta’ San Mark.
|
Il-fejqan tal-agħma Bartimew huwa l-aħħar miraklu fl-Evanġelju ta’ San Mark. Bih tingħalaq il-mixja tal-Imgħallem lejn Ġerusalem fejn jingħata l-mewt u jirxoxta. Il-ġrajja hija ta’ importanza kbira mill-aspett kateketiku, Għax fost dawk kollha li ltaqgħu ma’ Ġesù sa issa, Bartimew huwa l-ewwel wieħed li jagħtina eżempju sħiħ ta’ dak kollu li għandu jwettaq min jixtieq isir tassew dixxiplu, kif jitlob l-Evanġelju ta’ San Mark. Fil-bidu tal-mixja lejn Ġerusalemm, San Mark iqegħdilna l-ġrajja tal-agħma ta’ Betsajda (Mk 8,22-26). Fl-aħħar tal-mixja, issa għandna l-fejqan ta’ dan l-agħma l-ieħor, Bartimew. Lill-ewwel agħma Ġesù kien wissih biex ma jerġax jidħol fir-raħal - ir-raħal huwa s-simbolu tal-qagħda fejn kien jinsab qabel ma ltaqa’ ma’ Ġesù. Fil-każ ta’ Bartimew, huwa l-agħma nnifsu li jieħu l-inizjattiva, jitlaq kollox u jimxi wara Ġesù. Il-mod li bih San Mark bena r-rakkont juri li l-punt ċentrali m'huwiex tant xi azzjoni ta’ Ġesù jew xi tagħlima dwaru, imma l-impenn li kellu Bartimew biex jiġi jara minkejja li l-folla riedet timpedih. Hekk, il-katekumeni setgħu jaraw fih lilhom infushom. Bil-mod il-mod kienu bdew jagħrfu lil Ġesù, iżda issa se jaslu fil-punt li dan l-għarfien jissarraf f’impenn sħiħ biex jimxu b’ħeġġa warajh bħala dixxipli. 1. “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni.” Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko, flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies. San Mark iħobb jippreżenta lil Ġesù mdawwar bin-nies. Id-dettal tal-preżenza tad-dixxipli jħejji t-tmiem tal-istorja. Se jgħidilna min, minn dawk ta’ madwar Ġesù, se jkun il-veru dixxiplu. Ġeriko, belt ċkejkna u qadima, kienet tinsab ftit mili biss ’il bogħod minn Ġerusalemm, it-tmiem tal-vjaġġ ta’ Ġesù. It-triq li kienet tgħaddi minn ħdejn din il-belt kienet tkun miżgħuda b’tallaba. U l-pellegrini fi triqthom lejn Ġerusalemm kienu jagħtuhom il-karità. Kien hawn li Ġesù u dawk ta’ madwaru ltaqgħu ma’ “wieħed tallab agħma, jismu Bartimew bin Timew, bilqiegħda fil-ġenb tat-triq”. Il-qagħda tat-tallab “fil-ġenb tat-triq” turi li kien wieħed minn dawk li s-soċjetà warrbithom min-nofs u għamlithom jiddependu mill-ħniena tal-oħrajn (ara l-Ewwel Qari). Malli sema’ li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret, Bartimew għajjat, għal darba darbtejn, “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni.” L-istqarrijja tiegħu tixbah ħafna lil dik ta’ Pietru (Mk 8, 29) u taċ-ċenturjun Ruman (Mk 15,39). Kien għadu agħma, qatt qabel ma seta’ jara lil Ġesù, imma kien jaf min hu. Il-veru dixxiplu huwa dak li jaf min hu Ġesù għalkemm qatt ma rah. Bl-istess mod, il-katekumeni u l-Insara ta’ kull żmien, għalkemm qatt ma raw lil Ġesù, jitgħallmu jagħrfuh, iħobbuh u jsejħulu. “Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot”. Min irid jimxi wara Ġesù jiltaqa’ mat-tfixkil. Is-soċjetà li ġiegħlet lill-agħma jiskot, hija l-istess soċjetà li ppruvat “issikket” lill-Imgħallem, billi toqtlu. Dan jiġri għax jekk “l-agħma” jibda “jara”, jikxef l-għemil ta’ dawk li jirriffjutaw li “jaraw” (ara Ġw 3,19-21). Ġesù waqaf u qal, “Sejħulu”. L-għajta tal-fqir tiddisturba lil dawk ta’ madwar Ġesù. Imma Ġesù huwa dak li jieqaf quddiem il-miżerja tal-bniedem, jersaq qrib l-imwarrbin u magħhom jikkomunika. 2. “Li nara, Mgħallem.” Malli ntebaħ li Ġesu’ qiegħed isejjaħlu, Bartimew “tajjar il-mantar minn fuqu” u resaq ħdejn Ġesù. Il-Ktieb tal-Eżodu (Eż 22,25-26) jgħidilna li “l-mantar” tal-fqir huwa “dak kollu li għandu”; huwa l-unika sigurtà tiegħu. Il-mantar iservih biex jitgħatta bil-lejl u biex jifirxu fl-art bin-nhar biex jilqa’ fih l-offerti. Mas-sejħa ta’ Ġesù, it-tallab ma baqax jenħtieġ la l-mantar u lanqas l-għajnuna tas-soċjetà li kienet qegħditu “fil-ġenb tat-triq” - “Qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù”. Bdiet għalih ħajja ġdida, kif jidher mid-djalogu li fetaħ ma’ Ġesù. Ġesù staqsieh: “Xi tridni nagħmillek?” Ftit qabel Ġesù kien għamel l-istess mistoqsija lil ulied Żebedew. Huma talbuh unuri u privileġġi. Imma t-talba ta’ Bartimew kienet għal kollox differenti: “Li nara, Mgħallem.” Iż-żewġ kelmiet, għandhom tifsira kbira: Fit-test oriġinali, flok “li nara”, insibu “li nerġa’ nara”; u flok “Mgħallem”, insibu “Rabbunej”, li tfisser “Mgħallem tiegħi”, u ġa turi r-relazzjoni ta’ intimità tal-agħma ma’ Ġesù. Bartimew ma talabx lil Ġesù la flus u lanqas il-privileġġi li kienu talbuh ulied Żebedew. Huwa kien tgħallem jagħraf li mhux wara dawn kellha tkun il-mixja ta’ ħajtu, imma wara Ġesù. Fil-faqar tiegħu, xtaq biss “jerġa’ jara”. “Mur”, qallu Ġesù,”il-fidi tiegħek fejqitek”. Did-darba, b’differenza mill-miraklu ma’ l-agħma ta’ Betsajda, Ġesù ma għamel l-ebda azzjoni. Il-fidi fejqet lil Bartimew biex min “agħma” sar “jerġa’ jara” u tefgħetu f’mixja wara Ġesù. 3. U minnufih beda jara u baqa’ miexi warajh fit-triq. San Mark jippreżenta l-fejqan ta’ Bartimew bħala l-aħħar miraklu ta’ Ġesù. Fl-aħħar tal-mixja, San Mark jgħidilna min huwa tassew dixxiplu ta’ Ġesù. Huwa dak li, bħal Bartimew, jibda “jerġa’ jara”, u jimxi wara l-Imgħallem Ġesù lejn Ġerusalemm, fejn kellu jbati, imut u jqum mill-mewt. Bartimew għadda lil Xmun Pietru, li wara li stqarr lil Ġesù bħala l-Messija, ma riedx iħallih jibqa’ miexi fit-triq tas-salib (Mk 8, 32). Għadda lit-Tnax, li mat-triq bdew jitlewmu fuq min se jkun l-akbar fosthom (Mk 9, 34). U għadda lil ulied Żebedew u l-bqija tad-dixxipli, li ntilfu f’ambizzjonijiet, ifittxu l-unuri u l-privileġġi (Mk 10, 37). Bartimew huwa l-mudell ta’ kull bniedem li għandu bżonn jiftaħ għajnejh u jagħraf jimpenja ruħu fil-mixja wara Ġesù sa l-aħħar. L-Evanġelju għal ħajjitna llum. 1. Il-fidi titfgħana f’mixja ta’ konverżjoni kontinwa wara Ġesù. Fid-dawl tal-fidi nagħrfu naraw ċar lil ħajjitna u nitgħallmu nagħżlu t-tajjeb minn dak li hu ħażin fina; ma nibqgħux “fil-ġenb tat-triq” u nilqgħu dak li jerfagħna fuq saqajna u jgħinna nimxu b’mod koerenti mal-fidi tagħna; ma nħallux l-“ilħna” l-oħra ifixkluna bi proposti differenti minn dawk tal-Evanġelju; ninfirdu minn dak kollu li jagħtina sigurtà falza u jfixkel il-vera ħajja (“il-mantar”); nemmnu li Ġesù jrid ibiddlilna ħajjitna (“Xi tridni nagħmillek?);” u, fl-aħħarnett, nimxu warajh sa “Ġerusalemm” 2. Bartimew kien agħma għax ma kellux dawl f’għajnejh, iżda kellu d-dawl tal-fidi. Hawn min jara ċar bl-għajnejn tal-ġisem, imma f’qalbu għandu d-dlam tat-taħwid u ta’ l-ebusija. Hemm dawk li jħallu l-ġibda għall-flus u l-ġid tal-art “tagħmihom”, bħal dak li “qarras wiċċu” għax kellu ħafna ġid. Hemm oħrajn li “jagħmew” wara s-setgħa, bħal ulied Żebedew. U hemm dawk li huma “għomja” f’ambizzjonijiet, rivalitajiet, u firdiet, bħal tal-bqija ta’ dawk li kienu jaħsbu li huma “ta’ ġewwa” ma’ Ġesù. Matul it-triq lejn Ġesusalemm, l-Evanġelju għallimna kif nistgħu infiqu minn dan l-għama u “nibdew nimxu” tassew wara Ġesù.3. Il-veru dixxiplu huwa dak li bil-fidi “jerġa’ jara”: - Il-fidi tagħti lin-Nisrani viżjoni aktar ċara tal-ħajja, mod ġdid kif iħares lejn il-ġrajjiet u lejn it-tfixkil li jikkorrompi l-ħajja personali u soċjali u ma jħallix lill-bniedem “jara” ċar ir-rieda ta’ Alla; - tgħinu jagħraf jeħles minn dawk il-mekkaniżmi, ġo fih u madwaru, li jġibu firdiet u twarrib, u jfixklu l-proġett ta’ Alla li jsejjaħ lill-bnedmin kollha biex jgħixu ta’ aħwa; - u timpenjah bis-sħiħ fil-bini tad-dinja l-ġdida li beda Ġesù bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Huwa biss meta nħallu d-dawl tal-fidi jmexxina, li nistgħu nkomplu l-avventura tal-bini tad-dinja l-ġdida fit-triq ta’ Ġesù.Iltqajt ma’ waħda għamja, f’nofs il-boskLi qaltli: “Jekk ma tafx it-triq,Nakkumpannjak jien għax nafha.Nieħdok sat-tarf, fejn hemm ċipressa,Nieħdok sal-quċċata, fejn hemm salib.”Jiena weġibt:”Tajjeb, imma naraha strambaLi tmexxini int, mara għamja.”L-għamja qabditli idiU qaltli: ”Imxi.”Kienet il-Fidi. |
|