Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

LIEMA HU L-AKBAR KMANDAMENT?

Sena B -

IL-WIEĦED U TLETIN ĦADD TAS-SENA

Il-Kmandament il-Kbir

L-Ewwel Qari: Dewt 6, 2-6: Ngħożżu f’qalbna t-Twissijiet ta’ Alla.

It-Tieni Qari: Lhud 7, 23-28: Ġesù jsalvana billi jressaqna lejn Alla.

L-Evanġelju: Mk 12, 28-34 : “Ħobb lil Alla - Ħobb lil għajrek.”

 

L-1 QARI - Dewt 6, 2-6
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju.
 

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ibża’ mill-Mulej Alla tiegħek, billi int, ibnek, u bin ibnek, tħarsu dejjem il-liġijiet u t-twissijiet kollha tiegħu, li jien qiegħed nagħtikom, biex ikollkom għomor twil.
Isma’, o Iżrael, u ħu ħsieb agħmilhom, biex ikollok il-ġid u toktor ħafna, bħalma wiegħed il-Mulej, Alla ta’ missirijietek, li jagħtik art tnixxi ħalib u għasel.
Isma’, o Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum.”

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 17

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi.
Mulej, blata tiegħi,
fortizza tiegħi, ħellies tiegħi! R/.

Alla tiegħi, sur tiegħi, li fih nistkenn,
tarka tiegħi, saħħa tas-salvazzjoni tiegħi, kenn tiegħi!
Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

Ħaj il-Mulej! Ikun imbierek, hu l-blata tiegħi;
ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Hu jagħti r-rebħ lis-sultan tiegħu,
u juri mħabbtu lill-midluk tiegħu. R/.

IT-2 QARI - Lhud 7, 23-28

Qari mill-Ittra lil-Lhud.

Ħuti: Dawk ta’ l-imgħoddi kienu jsiru qassisin f’għadd kbir, għax, minħabba fil-mewt, ma kinux jistgħu jibqgħu. Imma Ġesù, billi jibqa’ għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt. Għalhekk ukoll huwa jista’ jsalva għal kollox lil dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom.
Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, bla ħtija, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ ’il fuq mis-smewwiet; li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum sagrifiċċji l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu. Għax il-Liġi tqiegħed, bħala qassisin il-kbar, bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
Ishru, u kunu lesti,
għax ma tobsruha qatt is-siegħa,
li fiha jiġi Bin il-Bniedem.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 12, 28b-34
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”
U Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’, Iżrael: Il-Mulej, Alla tagħna, huwa biss il-Mulej, u int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. M’hemmx kmandament ieħor aqwa minn dawn.”
Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem: għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li m’hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.” Ġesù, meta ra kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

 

MISTOQSIJIET

1. X’jiġifieri meta ngħidu li hija l-imħabba lejn għajrna l-kriterju li turina kemm inħobbu lil Alla?

2. Jista’ n-Nisrani jagħlaq għajnejh għall-inġustizzji li jiġru madwaru u ma jagħmel xejn biex jikkoreġihom? Għaliex ?

3. X’relazzjoni hemm bejn il-fidi u l-politika ?

 

Immedjatament wara l-ġrajja ta’ l-agħma ta’ Ġeriko, l-Evanġelju ta’ San Mark jagħtina r-rakkont tad-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm. Skond dan l-Evanġelju, Ġesù mar dritt fit-Tempju u “ta ħarsa madwaru, u mbagħad billi kien sar il-ħin ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax” (Mk 11,11).

L-għada reġa’ mar Ġerusalemm u keċċa l-bejjiegħa mit-Tempju. U hekk beda l-konflitt finali ta’ Ġesù mal-avversarji tiegħu qabel ma jiġi maqbud u maqtul. San Mark isemmi l-kategoriji kollha tal-avversarji ta’ Ġesù: Il-Qassisin il-Kbar, il-Kittieba u x-Xjuħ staqsewh “b’liema setgħa” keċċa l-bejjiegħa mit-Tempju (11,27-32). Warajhom, il-Fariżej u l-Erodjani staqsewh dwar il-ħlas tat-taxxi lil ~esari (12, 13-17). Imbagħad, is-Sadduċej staqsewh dwar il-qawmien mill-imwiet (13,18-27).

L-ogħla punt f’din is-sensiela ta’ diskussjonijiet jintlaħaq fis-silta tal-lum, il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ wieħed miIl-Kittieba. Jissorpendina kif San Mark jintroduċi lil din il-laqgħa: Wieħed mill-Kittieba semagħhom jitlewmubejniethom,u meta ra kemm Ġesù kien weġibhom tajjeb, resaq fuqu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”

Din hija l-unika darba fejn id-djalogu ta’ Ġesù ma’ wieħed mill-Kittieba m’għandux ton ta’ konflitt. Il-Kittieb jidher jaqbel ma’ Ġesù u jammirah. Mid-dehra ma kienx la “trux u mutu” u lanqas “agħma”, tant li “semagħhom jitlewmu bejniethom” u “ra kemm Ġesù kien weġibhom tajjeb”.

Lil Ġesù qegħedlu mistoqsija dwar “il-Kmandament il-Kbir”, tema ċentrali għall-aħħar. Fil-fatt, ir-rabbini kienu ta’ sikwit jiddiskutu dan is-suġġett. Iżda fl-isfond tat-tilwim li kellu Ġesù mal-avversarji tiegħu u wkoll mit-tweġiba li ta lil Kittieb, jidher li Ġesù kien qed jiġi  ippressat biex juri x’viżjoni kellu tas-soċjetà, fil-prattika dwar x’għandhom ikunu r-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom u ma’ Alla.

 

 1.“Isma’ Iżrael, il-Mulej, Alla tagħna, huwa biss il-Mulej, u inti għandek tħobb lil Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.” 

Kull darba li l-Kittieba jersqu  lejn  Ġesù dejjem jippreżentawlu l-Liġi. Ġesù, min-naħa tiegħu, dejjem imurilhom fuq l-iskop u l-qofol tal-Liġi, kif rajna meta għamlulu l-mistoqsija dwar id-divorzju. L-iskop u l-qofol oriġinali tal-Liġi kollha kien li tiddetermina r-relazzjoni ta’ mħabba bejn Alla u l-bniedem.

Din id-darba Ġesù kkwota lill-Kittieb l-aktar vrus importanti fir-Rabta l-Qadima, mill-ktieb tad-Dewteronomju (ara l-Ewwel Qari). Hawn insibu “l-kmandament” fundamentali tal-Iskrittura kollha, “il-Kredu” tal-Lhud. Fil-fatt, il-ġurnata ta’ Lhudi tajjeb kienet tibda dejjem b’din it-talba, ix-“Xemà Iżrael”, “Isma’ Iżrael”. Is-smigħ jiġi qabel kull stqarrija tal-fidi; għax mingħajr is-smigħ m’hemmx relazzjoni, la mal-bnedmin, u wisq anqas ma’ Alla.

Għad-Dewteronomju il-kmandamenti huma “l-Għaxar Kelmiet” (Dt 4,13) jew Twissijiet, li Alla kien ta lill-poplu tiegħu meta “kellimhom” minn ġon-nar.   MoseÏ, qabel xejn, ifakkarhom dwar l-imħabba li wera magħhom Alla. Għalhekk il-ħarsien b’għożża u b’imħabba tat-Twissijiet tal-Mulej huwa l-mod kif il-poplu jwieġeb b’imħabba għall-imħabba ta’ Alla:  “Inti għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.”  

L-aċċent qiegħed fuq il-kelma “kollha”. Alla ma jixraqlu xejn inqas. Lil Alla għandek tħobbu għal kollox, dejjem u f’kull waqt u f’kull ċirkustanza tal-ħajja. Il-Il-poplu Lhudi, kemm wieħed wieħed u kemm bħala nazzjon, kellhom jibnu fuq t-Twissijiet ta’ Alla, kull aspett tal-ħajja u tas-soċjetà tagħhom - l-imġiba personali, it-trobbija tal-ulied, il-ħajja tal-familja u r-relazzjonijiet soċjali kollha: “Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum; torbothom b’sinjal ma’ idek, u ddendilhom bejn għajnejk. U tiktibhom mal-ġnub tal-bibien u fuq il-bwieb tiegħek” (Dt 6,7-9).   

Huwa għalhekk, li fit-tweġiba li Ġesù ta lill-Kittieb, ma waqafx fil-kmandament li hu “l-ewwel wieħed” imma rabat miegħu ”it-tieni”: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”, mill-ktieb tal-Levitiku (19,18). U żied jgħidlu: “Ma hemmx kmandament ieħor aqwa minn dawn.”  Lil Alla, li trid tħobbu f’kull ċirkustunza u kullimkien, fil-prattika għandek tħobbu fil-persuna li għandek ħdejk fil-mument preżenti; u għandek tħobbu f’kull bniedem, l-aktar dawk li huma fil-bżonn.

 

2. “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”

Fil-ktieb tal-Levitiku, dan “il-kmandament” huwa l-konklużjoni ta’ lista twila ta’ twissijiet dwar is-solidarjetà mal-fqar u kontra l-isfruttar u l-moħqrija tad-dgħajfin. It-twissijiet jidħlu f’ħafna dettalji, u juru l-attenzjoni speċjali li għandu Alla nnifsu lejn min hu żvantaġġat fis-soċjetà:

“Meta taħsdu l-ħsad ta’ artkom, tibqax sejjer sa tarf l-għalqa. . .; m’għandekx taqta’ l-frott kollu tad-dwieli tiegħek. . .; la tisirqux, la tgħidux kliem b’ieħor, la tqarrqux b’xulxin. . .; “la taħilfux b’ismi fil-gideb. . .; “la taħqarx lil għajrek, u  lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu. . .; la tisħetx lit-trux, u la tqegħidx tfixkil quddiem l-agħma. . .; la tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir, lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu.. . ; la tbejjitx lil ħuk f’qalbek. . .; la titħallasx b’idejk, u la żżomx  f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Lev 19,9 - 10,17).

Alla jrid li l-bnedmin jimxu ma’ xulxin kif hu jimxi magħhom. Li tħobb lil għajrek “bħalek innifsek”, tfisser li tħobbu bl-istess mod u bl-istess qjies, kif inti nnifsek int maħbub minn Alla - jiġifieri bla qjies. Imma min jista’ jħobb lil għajru bl-istess qjies li huwa nnifsu hu maħbub minn Alla? Il-fatt li l-Mulej qegħdilna ideal tant għoli, li qatt ma nistgħu nilħquh għal kollox, jitfagħna f’mixja ta’ konverżjoni kontinwa.

Għax huwa l-għarfien dejjem akbar tal-imħabba ta’ Alla lejna, li trid toħroġ l-imħabba lejn għajrna - mixja li ssib il-milja tagħha bit-tisħib sħiħ tagħna fl-imħabba ta’ Alla nnifsu fil-Ġenna. Imma l-Ġenna trid tibda minn din l-art.

 

3. “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.”

Il-Kittieb qabel perfettament ma’ Ġesù: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem, li wieħed hemm. . .Li tħobb lilu b’qalbek kollha. .. u tħobb lil għajrek bħalek innifsek huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.

Konna nistennew li l-Kittieb, wieħed minn dawk li kienu jargumentaw ma’ Ġesù, kien se joħroġ b’xi argument biex imerih. Iżda din id-darba, il-Kittieb mhux biss jaqbel mal-kliem ta’ Ġesù, imma jsaħħu wkoll b’dak li tgħid l-Iskrittura - li l-ħarsien tat-Twissijiet ta’ Alla għandu jiġi qabel kull turija ta’ qima li tingħata lil Alla fit-tempju: “Ara l-ubbidjenza hija aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ aħjar mix-xaħam tal-muntun” (1 Sam 15,22); “Għaliex jiena tjieba rrid u mhux sagrifiċċju; li tagħrfu ’l Alla rrid mhux vittmi maħruqa” (Hos 6,6).

Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu “M’intix ’l bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. Il-Kittieb kellu l-kundizzjonijiet kollha li jkun dixxiplu ta’ Ġesù. Seta’ jissieħeb ma’ Ġesù fil-kundanna ta’ soċjetà korrotta, u jsir bennej tas-Saltna ta’ Alla. Kieku għamel hekk kien jispiċċa, bħal Ġesù, ippersegwitat minn sħabu l-Kittieba u l-Fariżej u fl-aħħar joqtluh. Iżda l-Kittieb m’għamel xejn minn dan.  

Ġesù m’għamillu l-ebda sejħa biex jimxi warajh, u ma nisimgħu xejn aktar dwaru. Ġesù faħħru għall-intelliġenza tiegħu; imma l-kliem ta’ Ġesù għarfu b’moħħu biss. L-għarfien bil-moħħ ma wasslux biex jinqata’ mis-soċjetà ipokrita li kienet tiffavorixxi l-inġustizzji, filwaqt li tippretendi li qed tagħti qima lil Alla.

Għalhekk, ftit wara, fis-silta li se naqraw il-Ħadd li ġej, Ġesù jwissi lid-dixxipli biex jiftħu għajnejhom mill-ipokrisija tal-Kittieba, li “jberbqu ġid ir-romol, u għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”  (Mk 12,38-40).

San Mark jispiċċa r-rakkont tiegħu billi jgħidilna  li din kienet l-aħħar tilwima ta’ Ġesù mal-avversarjii tiegħu: “U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed”  (Mk 12.34). Dan kien l-aħħar att fit-tilwim ta’ Ġesù ma’ dawk li qatt ma laqgħu l-proġett ta’ Alla li deher fih. Ġesù nqeda b’dan it-tilwim biex hu jitbiegħed darba għal dejjem, mir-reliġjożità falza tat-tempju, li taħt il-ħafna offerti u ħruq ta’ nċens, kienet taħbi mġiba ta’ inġustizzja, sfruttar tal-fqar u ipokrisija. U hekk jgħallem lid-dixxipli tiegħu ta’ kull żmien biex jagħmlu l-istess.

 

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. Il-Kittieb staqsa lil Ġesù “liema hu l-ewwel wieħed”. Fi żmienna nisimgħu sikwit bi kriżi ta’ valuri. Dan mhux għax m’għandniex valuri, imma ma nafux nagħżlu, ma nafux nagħmlu prijoritajiet u nqiegħdu l-ewwel dak li għandu jiġi l-ewwel. U dan iġibilna t-taħwid u tensjonijiet f’ħajjitna.

Is-saħħa, il-familja, ix-xogħol, il-ħbieb - dawn kulħadd jagħtihom importanza.  U l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu? Ġesù għallimna li dawn għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox. Aħna nibdew nsibu ruħna f’postna malli niddeċiedu li nqiegħdu l-ewwel dak li tassew ħaqqu jkun l-ewwel -  li nħobbu lil Alla fuq kollox u l-proxxmu tagħna bħalna nfusna.

2. Is-silta tax-“Xemà Iżrael” dwar l-imħabba ta’ Alla fuq kollox hija l-Kredu tal-poplu Lhudi, u hija wkoll ta’ Ġesù u ta’ dawk li jridu jimxu wara Ġesù. Iżda Ġesù rabat magħha l-imħabba tal-proxxmu. U qalina li din hija kollox fir-reliġjon. Il-Knisja ta’ żmienna tgħallimna li “l-Għażla preferenzjali favur il-Foqra hija l-għażla jew sura speċjali ta’ dak li għandu jiġi l-ewwel fit-tħaddim tal-imħabba nisranija.”

L-akbar tbatija mhix il-mard imma n-nuqqas ta’ mħabba. Hija l-imħabba li tissodisfa u timla l-qalb. U l-Kittieba u l-Fariżej - u min hu bħalhom - kienu josservaw ħafna liġijiet, kien joffri sagrifiċċji fit-tempju, imma ma kellhomx imħabba. Għalhekk ħadu kundanna aktar iebsa.  

3. Il-Kittieb wera li jaf ħafna l-Iskrittura, imma ma mexiex wara Ġesù. L-istess jiġri lil ħafna Nsara. Tlajna f’ambjent nisrani, trabbejna madwar il-Knisja, tgħallimna d-duttrina, nagħmlu d-dmirijiet reliġjużi tagħna. U jidhrilna li wasalna fi tmiem it-triq u nkunu għadna lanqas bdejna - Għax qatt ma għamilna mixja serja ta’ fidi u konverżjoni, pass wara l-ieħor, wara Ġesù. Bħall-Kittieb tal-Evanġelju nippretendu li nafu kollox, u nibqgħu nitkaxkru mal-kurrent tad-dinja u tal-idoli tagħha. Iżda lil Ġesù mhux biżżejjed li tkun tafu b’moħħok, imma bħall-agħma Bartimew, trid titlaq kollox u timxi warajh.