Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

DIN TEFGĦET KULL MA KELLHA

Sena B -

IT-TNEJN U TLETIN ĦADD TAS-SENA

Id-dixxiplu li jagħti kollox biex jagħti  lilu nnifsu.

L-Ewwel Qari: 1 Slat 17, 10-16: Dak li Alla tana naqsmuh ma min m’għandux. 

It-Tieni Qari:  Lhud 9, 9,24-28: Ġesù ta lilu nnifsu għalina sa l-aħħar.

L-Evanġelju: Mk 12, 38-44: L-offerta tal-armla fqira li tat kollox.

 

L-1 QARI - 1 Slat 17, 10-16
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten.

F’dak iż-żmien: Il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn il-bieb tal-belt kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob!”
Hi u sejra, Elija reġa’ sejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idejk!” Hija wieġbet: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kull ma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nhejji xi ħaġa għalija u għal ibni, u mbagħad nikluha u mmutu.”
Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għidtli; imma l-ewwel agħmel ftira żgħira għalija u ġibhieli. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.”
Dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi, hu u binha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmetx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 145

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,
jagħmel ħaqq lill-maħqurin,
jagħti l-ħobż lill-imġewħin.
Il-Mulej jeħles l-imjassrin. R/.

Il-Mulej jiftaħ għajnejn il-għomja.
Il-Mulej jerfa’ l-milwijin,
Il-Mulej iħobb il-ġusti.
Il-Mulej iħares il-barranin. R/.

Il-Mulej iżomm l-iltim u l-armla,
imma triqat il-ħżiena jħarbathom.
Il-Mulej isaltan għal dejjem,
Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

IT-2 QARI - Lhud 9, 24-28
Qari mill-Ittra lil-Lhud.

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin, li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal saħansitra fis-sema, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U lanqas daħal hemm biex joffri kull tant lilu nnifsu, bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ta’ ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.
Imma issa deher biss darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss – u wara dan isir il-ġudizzju – hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet ta’ kulħadd, għad jerġa’ jidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva ’l dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
Ishru, u itolbu l-ħin kollu,
biex tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-bniedem.
Hallelujah.

L-EVANĠELJU - Mk 12, 38-44
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark.

F’dak iż-żmien: Ġesù kien qiegħed jgħallem u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”
Ġesù kien qiegħed biswit it-Teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-Teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet milleżmi.
Hu sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew, ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-Teżor. Għax dawk kollha tefgħu mis-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”

Il-Kelma tal-Mulej.
 

MISTOQSIJIET

1. Nemmnu tassew li bħala Nsara għandna dejjem inkunu lesti li nagħtu minn dak li għandna biex ngħinu lil min jinsab fil-bżonn?

 

2. Qed nagħtu mill-ħin tagħna biex ngħinu l-Komunità Nisranija fil-missjoni pastorali tagħha? Fost il-ħidmiet li hemm fil-parroċċa, f’liema qasam ta’ ħidma qegħdin naħdmu?

 

3. X’għandna nagħmlu biex fis-soċjetà l-ġid jitqassam b'ġustizzja bejn kulħadd?

 

 

L-Evanġelju tal-lum ikompli fejn ħallejna l-Ħadd li għadda.. Is-silta tinqasam f’żewġ partijiet, li għall-ewwel jidhru li m’għandhomx x’jaqsmu: il-kundanna tal-Kittieba u l-eżempju ta’ waħda armla fqira. L-Evanġelju ta’ San Mark iqegħedhom flimkien biex joħloq kuntrast, u t-tagħlima ta’ Ġesù toħroġ  aktar ċara.

Il-kuntrast bejn l-armla  u l-għorrief hu xi ħaġa li twaħħxek. L-għorrief jiddandnu, iriduha ta' “teoloġi”, arroganti, għonja u jisirqu lil min m'għandux; il-mara hi armla, bla protezzjoni ta’ ħadd, tgħix il-fidi tal-fqar, għal għajnejn il-kbarat qisha ma teżistix u, fuq kollox jeħdulha l-ftit li għandha. Għal Ġesù l-għemil tal-għorrief se jieħu kundanna iebsa; filwaqt li l-armla fqira, bil-ġest tagħha, hija l-unika ħaġa tajba  u ta' min ifaħħarha li hu seta’ jara f'Ġerusalemm.

Għall-Evanġelju ta’ San Mark, din hi l-aħħar tagħlima ta’ Ġesù qabel it-tluq definittiv tiegħu mit-Tempju ta’ Ġerusalemm.

 

1. “Iftħu għajnejkom mill-Kittieba.”

Mill-bidu tal-Evanġelju,  San Mark jgħidilna li l-poplu kien skopra li t-tagħlim ta' Ġesù kien differenti minn dak tal-Kittieba (Mk 1,22). Imma issa kienet waslet is-siegħa tal-kundanna tagħhom. Ġesu’ jwissi lid-dixxipli jiftħu għajnejhom minn dan it-tip ta’ mexxejja:

- “li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal”. F’Jum is-Sibt il-Kittieba kienu jilbsu lbies speċjali biex juru  li huma differenti mill-poplu. Kienu jippretendu li huma aktar awtentiċi, u dan kien jagħtihom prestiġju biex ikunu jistgħu jimponu ruħhom fuq in-nies “komuni”.

- “jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez”. Riedu jidhru importanti, magħrufin għall-għerf tagħhom,  jistħoqqilhom rispett u, fuq kollox, ubbidjenza, sottomissjoni.

- “fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta' quddiem”. Fis-sinagoga kienu jieħdu posthom quddiem is-senduq fejn kien jitqiegħdu l-Kotba Mqaddsa. Huma kienu “l-gwardjani” tal-Kelma ta’ Alla. Kienu jkunu quddiem l-oħrajn biex jarawhom u kulħadd kien iqishom bħala l-għalliema esperti tal-Kelma.

- “u joqogħdu fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet”, fil-post tal-unur fejn kien ikun hemm il-mistiedna speċjali tal-festa. 

Fuq kollox,Ġesù jwissi lid-dixxipli dwar l-ipokrisija tal-Kittieba u tal-Fariżej, li “jberbqu ġid ir-romol, u għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu.”  Huma kienu “l-esperti”, mhux biss fil-Bibbja imma wkoll fil-liġijiet tal-pajjiż; setgħu jdawruhom kif jaqblilhom, u hekk ikollhom vantaġġ fuq dawk li l-liġi ma tipproteġġihomx.

F’isem ir-reliġjon il-Kittieba kienu jnaqqru l-ftit li l-fqar kien ikollhom. Flok jipproteġuhom, kif kienu fid-dmir li jagħmlu, kienu jippretendu ħlas minn għandhom, u jekk jonqsu li jħallsu, kienu jeħdulhom ġidhom kollu. Għalhekk Ġesù jtemm l-akkużi tiegħu, billi jgħid lid-dixxipli: “Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”

 

2. “Fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”

Il-Kittieba kienu meqjusin bħala l-interpreti uffiċċjali ta’ l-Iskrittura. Lejhom il-poplu kien iħares biex jagħraf ir-rieda ta’ Alla. Ġesù malajr idawwar l-attenzjoni tad-dixxipli tiegħu band’oħra. Lilhom, u lilna, jgħallimhom fejn għandhom ifittxu r-rieda ta’ Alla: fil-foqra u fil-qsim tal-ġid (ara wkoll l-Ewwel Qari).

Ġesù kien biswit it-Teżor iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-Teżor. San Mark josserva li “bosta għonja bdew jitfgħu ħafna”. Biswit it-Teżor kien ikun hemm wieħed mill-qassisin biex jilqa’ l-offerti għall-ispejjeż tal-kult u biex iħabbar kemm kienet tkun l-offerta li tintefa’. Aktar ma tkun kbira l-offerta aktar kien jikber il-prestiġju ta’ dak li jkun. Il-ġid kien meqjus bħala sinjal tal-barka ta’ Alla; għalhekk min kien ikollu ħafna kien iqis ruħu privileġġjat anki quddiem Alla.

Resqet waħda armla fqira. u L-armla fqira, min-naħa  l-oħra.  kienet tagħmel parti minn grupp soċjali li tfaqqar mill-Kittieba u l-Fariżej. B’kuntrast mal-Kittieba u l-Fariżej, li kienu jiddandnu b’ilbieshom,  l-armla kienet liebsa ta' fqira, fil-pjazez ħadd ma kien jagħti kasha, ma kellhiex pultruna lesta għaliha fis-sinagoga, wisq inqas kienet tkun mistiedna fil-pranzijiet. L-istess bħall-armla li tissemma fl-Ewwel Qari tal-lum, “ma kellha xejn maħbuż” - ma kellha kważi xejn.

Tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet milleżmi. Għal Kittieba u għal min jaħseb bħalhom it-tliet milleżmi tal-armla ma jiswew xejn. X’tista tagħmel bi tliet milleżmi? L-Evanġelju jissuġġerilna li anki d-dixxipli ta’ Ġesù setgħu kienu ta’ l-istess ħsieb..

Għalhekk Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet aktar minn dawk kollha li tefgħu fit-Teżor.” Ġesù jiġbed l-attenzjoni tad-dixxipli tiegħu fuq tliet aspetti tal-offerta tal-armla. Huma tliet aspetti li jagħmluha mudell għal dawk kollha li riedu jkunu dixxipli  tiegħu:    

- L-għonja taw ħafna u l-armla kważi ma tat xejn, “biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet milleżmi”: il-kwantità mhix importanti.

- L-għonja taw miż-żejjed  tagħhom u l-armla tat kull ma kellha: Dan huwa “l-ewwel kmandament” li Ġesù kien tkellem fuqu mal-Kittieb fis-silta tal-Ħadd li għadda. L-aċċenn mhux fuq il-“kemm”, imma fuq il-“kollox”.

- L-għonja taw xi ħaġa milli kellhom, bħal meta wieħed jagħti xi ħaġa karità; l-armla  tat “dak kollu li kellha biex tgħix”. L-armla tat ħajjitha. U din hija l-vera adorazzjoni li tixraq lil Alla.

Fit-tieni qari tal-lum, l-Ittra lil-Lhud tkellimna fuq l-offerta ta’ Ġesù nnifsu. Ġesù ma offriex “xi ħaġa”, imma offra lilu nnifsu “darba għal dejjem biex jitgħabba bid-dnubiet ta’ kulħadd”. Ġesù ma jistenna xejn inqas mid-dixxipli tiegħu.

 

L-Evanġelju għal ħajjitna llum.

1. “Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li m’huma xejn, biex iġib fix-xejn ’il dawk li huma xi ħaġa. Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla”  (1 Kor 1,27-29). U aħna x’inhuma l-għażliet tagħna u fuqhiex inqiegħdu t-tamiet tagħna?

2. L-esperjenza tgħallimna li l-foqra jsibuha faċli biex jaqsmu mill-ftit li għandhom, aktar mill-għonja mill-ħafna li għandhom. Għax il-ġid għandu s-setgħa li jwebbes il-qalb tal-bniedem. Aktar ma jkollok, aktar trid. Għalhekk il-foqra jsibuha aktar faċli biex jifhmu lil Ġesù u l-Evanġelju tiegħu. Il-foqra minn dejjem ingħatatlhom attenzjoni  speċjali mill-Komunità Nisranija. “Il-Knisja hi u tid tkun Knisja ta’ kulħadd, imma l-iktar il-Knisja tal-Fqar.”   Fil-Knisja tal-bidu, ir-romol kellhom post speċjali, u llum jagħtu sehem prezzjuż fl-opri u fil-ħidma soċjali tal-Knisja. 

Il-foqra għandhom il-kwalitajiet meħtieġa biex jitwettaq il-proġett ta’ Alla, li jrid li l-bnedmin jgħixu ta’ aħwa u jipprovdi  l-ġid tiegħu biex jinqasam minn kulħadd u ħadd ma jibqa’ nieqes. Is-Saltna hija rigal ta’ Alla; u huma biss dawk li jfittxuha mingħajr motivi ta’ għana, ta’ prestiġju, ta’ setgħa, ta’ kumdità, li jistgħu jiksbuha. 

3. Għall-Kittieba u l-Fariżej l-ikbar qima lil Alla kienet l-osservanza minn barra tal-liġijiet. Għal Ġesù l-importanti hija l-qalb. Għalhekk l-armla fqira, bl-offerta żgħira tagħha, tat qima lil Alla aktar mill-oħrajn. Ġesù jħares lejna, bħalma ħares lejn l-armla fqira, u jara x’għandna fit-teżor ta’ qalbna. Kemm aħna ġenerużi biex nagħtu minn tagħna?

Jekk meta nagħtu, nagħtu “miż-żejjed”, mela għalina aħna l-ewwel, Alla u l-oħrajn jieħdu li jibqa’. Jekk meta nagħtu, nagħtu bil-kalkolu u bil-qjies, mela nfittxu lilna infusna u mhux x’jenħtieġ ħaddieħor. Jekk nagħtu bilfors, mela hija l-biża’ li tmexxina. Tereża ta’ Kalkutta, kienet tgħid: “Give until it ħurts”. U Ġesù qalilna: “Inti għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”