Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

MELA INT SULTAN?

Sena B -

L-ERBGĦA U TLETIN ĦADD TAS-SENA

SOLENNITA’ TA’ SIDNA GESU’ KRISTU, SULTAN TAL-ĦOLQIEN KOLLU

“Is-saltna tiegħi mhix ta’ did-dinja."

 

L-Ewwel Qari: Dan 7,13-14: Alla jassigurana li l-proġett tiegħu iseħħ.

It-Tieni Qari: Apok 1, 5-8: L-Insara jistqarru s-sovranità ta’ Ġesù.

L-Evanġelju: Ġw 18, 33b-37: X’tip ta’ sultan hu Ġesù?



L-1 QARI - Dan 7, 13-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel.

Bil-lejl deherli li qiegħed nara
bħal Iben ta’ bniedem,
ġej fis-sħab tas-sema,
li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor
u tressaq quddiemu.
U lilu ngħatat ħakma, ġieh u saltna,
biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien.
Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,
u s-saltna tiegħu li ma tinqeredx.

Il-Kelma tal-Mulej.

SALM RESPONSORJALI - Salm 92

Il-Mulej isaltan, il-kobor libes.

Il-Mulej isaltan, il-kobor libes,
libes il-Mulej, tħażżem bis-sewwa. R/.

Id-dinja fis-sħiħ, ma titħarrekx,
it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;
minn dejjem int. R/.

Il-kmandamenti tiegħek fis-sod qegħdin;
qdusija lil darek tixraq, Mulej,
sa kemm itulu l-jiem. R/.

IT-2 QARI - Apok 1, 5-8

Qari mill-Ktieb ta’ l-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu.

Ġesù Kristu hu x-xhud ta’ min joqgħod fuqu, il-Kbir fost il-mejtin, il-Princep tas-slaten tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna Saltna, Qassisin għal Alla Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
Ara, huwa ġej fis-sħab, u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha ta’ l-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fik. Iva. Amen!
Il-Bidu u t-Tmiem huwa jien, jgħid il-Mulej Alla, li kien, u li hu, u li għad irid jiġi, dak li jista’ kollox.

Il-Kelma tal-Mulej.

VERSETT

Hallelujah. Hallelujah.
Imbierek min ġej f’Isem il-Mulej!
Imbierka s-Saltna ta’ David missierna li ġejja!
Hallelujah.
 

L-EVANĠELJU - Ġw 18, 33b-37


Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.

F’dak iż-żmien: Pilatu qal lil Ġesù: “Inti s-sultan tal-Lhud?” Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn rajk? Jew kienu l-oħrajn li qalulek dan fuqi?” Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”
Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ did-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ did-dinja, il-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhix ta’ hawn.” Pilatu qallu: “Mela int sultan?”
U Ġesù wieġeb: “Qiegħed tgħid li jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nuri l-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

Il-Kelma tal-Mulej.

 

 

L-Evanġelju ta’ San Mark kellu l-iskop li jwieġeb għal żewġ mistoqsijiet: Min hu Ġesù? Min hu d-dixxiplu u min hi d-dixxipla ta’ Ġesù? L-ewwel mistoqsija laħqet it-tweġiba sħiħa tagħha bl-istqarrija taċ-ċenturjun taħt is-salib: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla.”  Minn hemm ’il quddiem, komplejna l-mixja mal-Evanġelju  biex nifhmu xi tfisser fil-prattika li tkun dixxiplu u dixxipla ta’ Messija Msallab. Hekk, f’dan l-aħħar Ħadd tas-sena liturġika, nistgħu naslu biex inġeddu l-għażla fundamentali ta’ ħajjitna u nagħżlu lil Ġesù bħala s-Sultan tagħna u nimxu warajh. Għax huwa biss fil-kuntest tal-passjoni, is-salib, il-mewt, il-qawmien u t-tlugħ tal-Iben sa ħdejn il-Missier, li joħroġ ċar x’tip ta’ sultan huwa Ġesù. Il-mixja ta’ dan is-sultan hija għal kollox differenti minn dik tas-setgħana tad-dinja. U hekk għandha tkun il-mixja ta’ min irid jimxi warajh.

Bħala għeluq tas-sena, il-Liturġija għażlet silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann - id-djalogu bejn Ġesù u Pilatu. Quddiem Pilatu, ir-rappreżentant tas-setgħa ta’ Ruma, Ġesù jagħti xiehda għall-“verità” u jistqarr: “Jiena sultan”; u Pilatu jkollu jieħu l-aktar deċiżjoni importanti ta’ ħajtu.    

Il-Lhud u Pilatu ma fehmux lil Ġesù. Huma biss in-Nisrani u n-Nisranija adulti, dawk li matul ħajjithom jkunu għamlu l-esperjenza ta’ Kristu mejjet u rxuxtat, li  kapaċi jifhmu l-verità dwar is-saltna tiegħu, kif dehret fil-kliem u fl-għemil ta’ ħajtu.

1. “Inti s-Sultan tal-Lhud?”

Id-djalogu bejn Pilatu u Ġesù juri lil Ġesù bħala l-veru sultan, għal kollox liberu u padrun tiegħu nnifsu u u jmexxi l-proċess fid-direzzjoni li jrid hu. Pilatu jagħmillu mistoqsija, “Inti s-Sultan tal-Lhud?”  U Ġesù jwieġeb b’mistoqsija oħra, li tqiegħed mal-ewwel lil Pilatu fuq id-difiża: “Dan qiegħed tgħidu int minn rajk? Jew kienu l-oħrajn li qalulek dan fuqi?”  

Pilatu jwieġeb billi jipprova jeħles lilu nnifsu minn kull responsabbiltà: “Mela jien Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-Qassisin il-Kbar li tawk f’idejja.”  Fil-fatt, il-proċess ta’ Ġesù kien ir-riżultat tad-diversi drabi li fihom l-awtoritajiet politiċi u reliġjużi Lhud irrifjutaw li jagħrfu lil Ġesù bħala l-Messija,  dak li kellu jwettaq il-wegħdiet tal-Missier. Mill-bidunett tal-Evanġelju tiegħu, fil-Prologu, San Ġwann jgħidilna li  Ġesù “ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1,11).

Pilatu jipprova jerġa’ jiftaħ id-djalogu: “X’għamilt?” X’seta’ għamel dan il-bniedem biex l-awtoritajiet tal-Lhud iressquh quddiemu? X’għamel ħażin? Għall-awtoritajiet, dak li għamel Ġesù kien ħaqqu l-mewt. Għall-Evanġelista (u għal min irid jimxi warajh) l-għemejjel ta’ Ġesù jikkonfermaw il-missjoni tiegħu:  “Dawn l-istess għemejjel li jien qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni” (Ġw 5,36).

Din id-darba, Ġesù ma weġibx għall-mistoqsija ta’ Pilatu. Ġesù kien jaf li Pilatu ma setax jifhmu. Ġesù kien ġej mingħand Alla u l-għemejjel tiegħu juru l-proġett ta’ Alla. Min m’għandux l-Ispirtu ta’ Alla ma jistax jifhem “il-ħwejjeġ ta’ Alla”.[1] U Pilatu kien moħħu fuq il-ħwejjeġ tad-dinja - il-poter u l-armati - mhux fuq il-“ħwejjeġ ta’ Alla”.

Għalhekk Ġesù jserraħlu rasu lil Pilatu. Ifiehmu li hu ma jippretendix xi tron u lanqas ma għandu xi ambizzjoni li jieħu s-setgħa ta’ ħaddieħor. Is-saltna tiegħu m’għandhiex x’taqsam mas-saltniet tad-dinja u ma tiksibhiex bil-forza tal-armi bħas-saltniet tad-dinja 

2. “Is-saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ did-dinja, il-għases tiegħi jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhix ta’ hawn”.

Is-saltniet tad-dinja għandhom is-suldati, l-armi,  u l-mezzi kollha biex jiddefendu s-setgħa tagħhom. Huma jeħilsu minn min ifixkilhom u jxejnu lil min jiqfilhom. Is-saltna ta’ Ġesù, min-naħa l-oħra,  ma għandha x’taqsam xejn ma’ dan il-mod kif il-qawwijja jaħtfu s-setgħa u jaħkmu fuq ta’ taħthom.

Ġesù mhux biss ma jxejjinx il-ħajja, imma jagħti ħajtu biex l-oħrajn ikollhom il-ħajja fil-milja tagħha: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra”  (Ġw 10,10). Ġesù ġej mingħand Alla, u jagħti l-ħajja u l-Ispirtu ta’ Alla lil kulħadd. Fir-rakkont tal-passjoni, San Ġwann irid juri eżattament dan: Li Ġesù jsaltan billi jagħti ħajtu, fil-passjoni u l-mewt tiegħu. Huwa jsaltan għaliex jagħti ħajtu għall-poplu. 

Dan it-tip ta’ saltna jidher stramb għal Pilatu. Ġesù kellmu fuq dinja oħra, id-dinja ta’ Alla, iżda Pilatu  kien jimpurtah biss mid-dinja ta’ hawn. Għalhekk reġa’ staqsa lil Ġesù: “Mela int sultan?” U Ġesù jwieġbu billi jagħmel stqarrija sollenni, li turi x’inhi tassew il-funzjoni u x’inhu l-iskop tas-saltna tiegħu.

3. “Jiena għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nuri l-verità, u kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

L-iskop tas-sovranità ta’ Ġesù hu li jagħti xiehda għall-verità. Il-kelma “verità ” hija importanti ħafna fl-Evanġelju ta’ San Ġwann. Għal San Ġwann il-verità mhix xi ħaġa astratta. F’dan l-Evanġelju, wara l-kelma Griega li tfisser “verità”, hemm is-sens tal-kelma bl-Ebrajk li tfisser “fedeltà”, Alla fidil f’imħabbtu għall-bniedem.  Ġesù huwa l-preżenza storika u definittiva fid-dinja tal-imħabba li Alla wera minn dejjem u jkompli juriha matul iż-żminijiet.

Ġesù ġie fid-dinja bi proġett ċar mingħand il-Missier: Il-ħajja tiegħu hija rigal ta’ ħajja u libertà għall-bnedmin kollha li jilqgħuh.  Permezz tiegħu, Alla jidħol fl-istorja tal-bnedmin, mhux billi jgħakkishom u jrażżanhom, imma biex jagħtihom il-vera ħajja u l-vera libertà. Il-missjoni tiegħu u tas-saltna tiegħu hija sewwa sew li jixhed għal din l-imħabba ta’ Alla sa l-aħħar, permezz tas-salib u tal-mewt.

“U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.” Din l-aħħar stqarrija ta’ Ġesù hija sejħa u sfida lill-Komunità Nisranija: biex hija wkoll tingħata għall-“verità” u “tisma’ leħnu”:

- “Tħobb il-verità” jfisser li tingħaqad ma’ Ġesù u tistqarru bħala sultan tiegħek billi taqdi lill-oħrajn bħalma qeda hu: “Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘l-Mulej’.u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien li jiena l-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ara Ġw 13).

- “Tisma’ leħnu” jfisser tkun parti mill-Komunità li hija l-merħla tiegħu, u timxi warajh minn rajk: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja”  (Ġw 10,27).

 

MISTOQSIJIET

1. L-Evanġelju tal-lum huwa l-konklużjoni tal-mixja tal-fidi li għamilna matul din is-sena. Jista’ jkun li konna lesti li naċċettaw lil Ġesù bħala ħabib, u forsi wkoll bħala għalliem u profeta. Iżda biex naċċettaw lil Ġesù bħala sultan u salvatur, rridu nagħmlu għażla preċiża u qabża ta’ kwalità f’ħajjitna u f’kull ma hemm fiha. Hawn kellha twassalna l-mixja tal-fidi. Lesti li nagħmluha din l-għażla?

 

2. Is-saltna ta’ Ġesù tagħmel lil dawk li jilqgħuh bnedmin tassew ħielsa. Lil Pilatu Ġesù qegħedlu quddiemu għażla: bejn il-verità ta’ Alla, li tagħmilna bnedmin ħielsa, u l-“gidba” tad-dinja, li tagħmilna lsiera. Imma Pilatu ma kienx jinteressah mill-verità, iżda mill-poter. U kienet ir-rabta tiegħu mal-poter, li għamilitu bniedem dgħajjef u skjav tal-folla. Nistgħu naraw f’Pilatu l-istorja tagħna wkoll?   Minn liema jasar ta’ rbit għad irid jeħilsek Ġesù?

 

3. Is-saltna ta’ Ġesù tagħmel lil dawk li jilqgħuh bnedmin tassew sħaħ billi tagħtihom il-vera ħajja u l-vera libertà. Min jagħżel lil Ġesù bħala s-Sultan tiegħu, ikun jista’ jgħid dak li Ġesù qal fuqu nnifsu: “Jiena sultan.”  Bil-mewt u l-qawmien tiegħu Ġesù kisbilna dinjità, li ħadd ma jista’ jeħodhielna, għax m’hijiex ta’ din id-dinja. Mhux biss, imma d-dinjità u l-libertà li tana Ġesù jidhru fl-aqwa tagħhom sewwa sew kif dehru f’Ġesù - meta, bħalu u bħal martri tiegħu, aħna  wkoll niġu ppersegwitati, imkasbrin, mgħajrin, ikkundannati, u msallbin. Lesti li nkomplu din il-mixja tagħna warajh sas-salib?