|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia HENJIN DAWK LI MA RAWX U EMMNU |
|
|
Sena B - IT-TIENI ĦADD TA’ L-GĦID Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. (19-31)
Dak il-Ħadd
filgħaxija, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien
magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Il-paci magħkom!” Kif
qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw il-Mulej.
Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Il-paci magħkom! Kif Missieri bagħat
lili, hekk jiena nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom:
“Ħudu l-Ispirtu s-Santu: id-dnubiet ta’ dawk li taħfru jkunu maħfura, u
d-dnubiet ta’ dawk li żżommu jkunu miżmuma.” |
Forsi ma kienx jaf li Tumas ma kienx hemm? Meta fl-imgħoddi kont naqra din il-ġrajja, ġieli tħassibt bejni u bejn ruħi, “Imma possibli li Ġesù ma kienx jaf li f’dak il-ħin li kien se jidher lill-Appostli, Tumas kienx magħhom?” U allura nistaqsi, “Jekk kien jaf, għaliex dehrilhom f’dak il-ħin meta wieħed minnhom ma kienx hemm?” Imma fil-figura ta’ Tumas it-Tewmi, illum ma nilmaħx biss lill-Appostlu li ried jara b’għajnejh u jmiss b’idejh il-pjagi ta’ l-Imgħallem tiegħu, imma nara lil dawk l-imgħammdin ġodda kollha li wara Għid il-Ħamsin emmnu fil-Bxara t-Tajba mxandra minn Pietru u sħabu. U dan għamluh minkejja li ma rawx lil Ġesù Irxoxt. Il-komunità li għaliha Ġwanni kiteb ir-raba’ evanġelju kienet tgħix qrib tmiem l-ewwel seklu jew forsi anki lejn il-bidu tat-tieni. Kienu diġà għaddew bosta snin mill-ġrajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. U lil dawn l-insara, l-evanġelista qed jgħidilhom fi kliem Ġesù, “Imberkin intom li minkejja li ma rajtux b’għajnejkom, imma xorta ħaddantu l-fidi. Iżda l-evanġelju ma nkitibx għalihom biss. Inkiteb ukoll għal dawk kollha li fis-snin u s-sekli ta’ wara ħaddnu t-twemmin nisrani. Lilhom ukoll Ġesù qed jgħidilhom, “Imberkin intom li ma rajtux, imma emmintu.” Fost dawn hemm aħna wkoll. U lilna wkoll Ġesù qed itenni l-istess diskors. Il-fidi ma tista’ qatt tfittex li tinbena fuq is-sensi. Inkella mhix fidi. Lanqas ma nista’ l-fidi nipprova nasal għaliha b’xi proċess tal-loġika. Ma nista’ qatt nipprova l-ewwel nifhem biex imbagħad nemmen, imma l-proċess huwa bil-maqlub. L-ewwel irrid nemmen. Imbagħad forsi nibda nifhem xi ħaġa. Għal min ma jemminx, ebda prova mhi biżżejjed. Għal min jemmen ebda prova mhi meħtieġa. F’mumenti li fihom il-fidi tiegħi tidher imċajpra u imdallma. Mill-banda l–oħra, l-bniedem jibqa’ dejjem bniedem. Waħdu biss ma jista qatt jasal li jkollu lanqas l-iċken żerriegħa ta’ fidi, għax din hija rigal ta’ Alla, li però l-bniedem jista’ jaċċetta jew jirrifjuta; rigal, li l-bniedem irid jindokra u jrawwem. Inkella l-fidi tmut u tintilef. Il-bniedem jibqa’ bniedem u d-dubji jibqgħu iħabblu l-imħuħ ta’ kull min jemmen sa l-aħħar nifs. Iżda dan m’għandu qatt jaqtali qalbi. L-appostli infushom wara l-esperjenza tagħhom ma Ġesù, baqgħu jiddubitaw sa l-aħħar laqgħa tagħhom miegħu qabel ma tela’ s-sema. (Mt 28:1) F’mumenti li fihom il-fidi tiegħi tidher imċajpra u imdallma, l-agħar ħaġa li nista’ nagħmel huwa li noqod nirraġuna mad-dubji li jkolli. F’dak il-ħin, insibha tgħini ħafna xi talba qasira, imma ħierġa mill-qalb. Bħal per eżempju l-istqarrija ta’ missier dak it-tifel li kellu x-xitan, “Mulej, jiena nemmen. Għini fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi.” (Mk 9:24) Inkella l-esklamazzjoni ta’ Tumas innifsu, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.” U jiena ċert li f’dak il-mument, dik in-nitfa żerriegħa ta’ fidi tiegħi, minkejja li ma ċċaqlaqx muntanji, għall-Mulej li jaf u jagħraf kollox tkun biżżejjed. |