Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia

IR-RAGĦAJ U L-ĦARUF

Sena B -

IR-RABA' ĦADD TA’ L-GĦID

Ir-Ragħaj it-Tajjeb – Tpinġija tat-3 seklu mill-Katakombi ta’ Ruma

 

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. (10:11-18)

F’dak iż-żmien: Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu. Ix-xrik, li mhuwiex ir-ragħaj, li n-ngħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-ngħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Xrik hu, ma jħabbilx rasu min-ngħaġ.
Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u n-ngħaġ tiegħi jagħarfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-ngħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll ngħaġ oħra li mhumiex minn dan il-maqjel: lilhom ukoll jeħtieġ li nġib, u huma jkunu jisimgħu leħni; u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.
Għalhekk iħobbni Missieri, għax jiena nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ma jeħodhieli ħadd, imma jiena stess nagħtiha minn rajja. Għandi s-setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha. Dan hu l-kmand li ħadt mingħand Missieri.”


Il-Kelma tal-Mulej.

 

Il-komunità tad-Dixxiplu l-Maħbub, li fiha nibet u li għaliha nkiteb ir-raba’ evanġelju kienet waħda li sebgħin sena wara Kristu diġà bdiet tiffaċċja,  kemm minn ġewwa fiha kif ukoll minn barra minnha, dubji u idejat żbaljati dwar il-fidi, l-aktar f’dak li kellu x’jaqsam mad-divinità ta’ Ġesù.  U kien propju għalhekk li l-Evanġelista kiteb l-evanġelju tiegħu bl-iskop, kif jgħid huwa stess, “biex intom temmnu li Ġesù huwa l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.” (20:31)

Mill-ewwel kapitlu, huwa jinseġ innu lill-Verb ta’ Alla, li sa mill-bidu kien ma’ Alla u kien Alla. Li kollox sar bih u mingħajru ma sar xejn. Il-Kelma stess ta’ Alla li saret laħam biex tgħammar fostna l-bnedmin. Għal dan l-Evanġelista, il-mirakli huma sinjali li Ġesù jwettaq biex juri l-glorja tiegħu u biex id-dixxipli jemmnu fih.

Huwa evanġelju li aktar milli nkiteb għall-folla, aktar kellu skop li jilħaq lid-dixxipli, lil dawk li jħaddnu l-fidi, lil dawk li jimxu wara Ġesù.  Il-folla kienet tfittex lil Ġesù mhux għax emmnet fih, imma biex kielet mill-ħobż u xebgħet.

F’dan evanġelju huma l-istess espressjonijiet li juża Ġesù għalih nnifsu li bihom irid juri l-identità tiegħu. Il-“Jiena Hu”, l-isem ta’ Alla nnifsu, il-Jaħweh, li fi Ġwanni biss insibuh użat għal Ġesù mhux inqas minn tmintax ‘il darba; fosthom ukoll darba li mat-tlissien tal-kliem minn Ġesù, is-suldati jaqgħu mal-art.

L-evidenza tad-divinitá ta’ Ġesú, fir-raba’ evanġelju biss, tant hija kbira, li wieħed diffiċli jifhem kif membri ta’ ċerti setet ta' żmienna jistgħu jduru bieb, bieb bil-Bibbja f’idejhom u fl-istess waqt jgħidu li ma jemmnux li Ġesú huwa Alla.  Forsi għaliex jafu li wara bosta mill-bibien li jħabbtu se jsibu insara li l-Iskrittura ma jafuhiex.

Jien hu r-Ragħaj it-Tajjeb.

Anke l-istess tixbiha tar-Ragħaj it-Tajjeb, li naqraw f’dan l-Evanġelju għandha warajha l-istess skop.  Fit-Testment il-Qadim, ir-Ragħaj tal-poplu huwa Alla stess. Sa minn żmien il-patrijarki Alla huwa msejjaħ “ir-Ragħaj u l-Blata ta’ Iżrael”.

Is-Salmista jgħanni, “Il-Mulej huwa r-ragħaj tiegħi” u jgħidlu, “Salva l-poplu tiegħek, bierek 'il wirtek, kun ir-ragħaj tagħhom."

U għalhekk, il-parabbola tar-Ragħaj it-Tajjeb, aktar milli turina il-kwalitajiet ta’ ħniena u mħabba li għandu Ġesú lejn il-merħla tiegħu, hija aktar deskrizzjoni ta’ Alla nnifsu.  Hija fuq kollox asserzjoni li Ġesú huwa Alla.

Ir-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.

Fl-Inkarnazzjoni, l-Iben ta’ Alla nnifsu sar bniedem mhux biss biex jgħix fosta u jkun bħalna, imma wkoll biex ir-Ragħaj ikun jista’ jsir ukoll il-Ħaruf. Biex ir-Ragħaj joffri lilu nnifsu minn rajh b’fidwa għal kotra. 

U għalhekk fuq is-Salib, propju fil-persuna ta’ Ġesú Kristu biss seta' jitwettaq kliem il-Profeta Isaija, “Hawn hu Alla tagħkom!  Hawn hu Sidi l-Mulej... Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom." (40:9-11)

Merħla waħda, ragħaj wieħed.

U kompla jgħid, Ġesù, “Għandi ngħaġ oħra... lilhom ukoll jeħtieġ li nġib.”  U jiena, li niftaħar li l-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħi, x’qed nagħmel f’ħajti u b’ħajti biex Ġesù jkun ir-Ragħaj tagħhom ukoll?  X’qed nagħmel biex inqarreb lejn ir-Ragħaj it-Tajjeb lil dawk li huma ‘il bogħod mill-maqjel tiegħu?   L-għemil tiegħi huwa tali li jħajjar oħrajn jissieħbu taħt dan ir-Ragħaj, jew forsi aktar igerrixhom?  Fl-ambjent ta’ madwari inġib għaqda jew firda? Nitlob xejn biex dawk kollha li jemmnu fi Kristu, jkunu Merħla Waħda taħt Ragħaj Wieħed?