|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia Ħudu. Dan huwa Ġismi. Dan huwa Demmi. |
|
|
Sena B - IT-TIFKRA SOLENNI TAL-ĠISEM U D-DEMM TA’ KRISTU
|
Meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid – Żgur li ma kienx b’kumbinazzjoni li Ġesù għażel dan il-jum biex fih iwaqqaf is-Sagrament tal-Ġisem u d-Demm tiegħu. L-insara sa minn dejjem żammew il-ħaruf tal-Għid bħala figura ta’ Ġesù nnifsu, għax hekk kif il-ġisem u d-demm tal-ħaruf ta’ żmien l-Eżodu servew ta’ ikel u ta’ salvazzjoni għall-poplu Lhudi f’lejl il-ħelsien tagħhom mill-Farawni, hekk ukoll il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu kienu mogħtija lilna għas-salvazzjoni tagħna. Dan il-qari jfakkarna fil-mument li fih Ġesù ta Ġismu u Demmu bħala ikel u xorb għall-ruħna. Imma aktar minn hekk ifakkarna fis-sagificċju li huwa offra fuq is-salib biex jifdi l-umaità kollha u jagħmilna fih Ġisem wieħed bħala offerta lill-Missier. Minn dan nilmħu tliet veritajiet importanti li s-solennitá tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tpoġġi quddiemna... 1. Il-Ġisem u Demm ta’ Kristu bħala ikel u xorb – “Jekk ma tieklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu ma jkollkomx il-ħajja fikom.” (Ġw. 6:53) Kien fuq dal-kliem li bosta dixxipli telquh. Imma Ġesù kien insistenti tant li lit-Tnax qalilhom, “Tridux tmorru intom ukoll?” U aħna llum? Forsi ma nitilqux kif għamlu dawk id-dixxipli. Aħna nibqgħu mmorru l-knisja. Nattendu għall-quddies u nitqarbnu. Imma kemm nemmnu tassew li dak li qed nirċievu fis-Sagrament tal-Ewkaristija huwa verament il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu? Forsi il-parteċipazzjoni tagħna fl-Ewkaristija hija sepliċement drawwa soċjali li nwettqu għax hekk titlob minna l-kultura li trabbejna fiha! Aħna nemmnu tassew f’dak li qed nirċievu jew l-aspett tal-fidi sempliċiment ninjurawh? Nibirdu u lanqas biss nagħtu każ għax lilna ftit li xejn jagħmlilna differenza jekk hux veru jew le. Jekk hu hekk, allura dan in-nuqqas ta’ fidi tagħna huwa bil-ferm agħar minn ta’ dawk li ma emmnux. Mill-banda l-oħra, jekk ngħidu li nemmnu, allura l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu li nircievu regolarment, suppost li qed jibdilna. Dik il-mara li b’fidi qawwija messet tarf il-mantar ta’ Ġesù, fieqet dak il-ħin stess. (Mk 5:25-34). U jiena nirċievi fija lil Kristu ħaj u nibqa’ l-istess? 2. Mogħti f’Sagrifiċċju għall-fidwa – Fit-twaqqif tal-Ewkaristija, il-Knisja tilmaħ tifkira tal-misteru tal-Għid, li fih Kristu kien mhux biss l-offerta sagrifikata lill-Missier imma kien ukoll il-Qassis li offra darba għal dejjem lilu nnifsu bħala vittma safja. (Lhud 7:27, 9:14) Għalhekk iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li nagħmlu fil-quddiesa, mhix xi sagrifiċċju ġdid jew differenti minn dak li wettaq Ġesù kważi elfejn sena ilu. Lanqas mhi s-sagrifiċċju tal-Kalvarju li qed isir mill-ġdid. Imma hija ċelebrazzjoni li biha u fiha aħna nipparteċipaw f’dak is-sagrifiċċju uniku li Kristu offra darba għal dejjem. Lilna li qed ngħixu illum, il-quddiesa sseħibna fl-opra tal-fidwa li Ġesù wettaq b’Ġismu u b’Demmu fuq is-salib. Tagħmilna parteċipi f’dak l-istess sagrifiċċju. Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, aħna li aħna Knisja nkunu qed noffru lilna nfusna lill-Missier. Huwa dak li l-Appostlu Pawlu kiteb lill-Kolossin, “... nkompli f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.” (Kol. 1:24) Mhux għax Kristu ħalla xi ħaġa nieqsa mill-fidwa, imma għaliex fl-imħabba kbira tiegħu għalina ried jagħtina sehem mill-opra li huwa diġá wettaq.
3. Parti mill-Ġisem Mistiku ta’ Kristu - Dan kollu jista’ biss iseħħ għaliex il-Knisja hija l-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. Kristu huwa r-Ras. (Kol 1:18) Aħna l-membri. Fis-sagrifiċċju tal-Kalvarju, Kristu kien il-qassis, il-vittma u l-artal u għax aħna parti mill-Ġisem Mistiku tiegħu, allura aħna wkoll sirna miegħu il-qassis, il-vittma u l-artal. Ma’ Kristu nsiru l-qassis li joffri s-sagrifiċċju, meta aħna noffru l-ħajja kollha tagħna lill-Missier. Meta dak li nagħmlu, nwettquh għall-glorja ta’ Alla u mhux għall-glorja tagħna nfusna. Huwa għalhekk li fil-Magħmudija tagħna ksibna sehem mis-saċerdozju uniku ta’ Kristu. Ma’ Kristu nsiru l-vittma tas-sagrifiċcju meta l-ħajja tagħna kollha ssir offerta sħiħa lil Alla. Meta għal-glorja tiegħu u l-ġid ta’ l-oħrajn, aħna nkunu lesti li mmutu għalina nfusna. Meta nsiru bħall-qamħa li biex nagħtu l-frott inkunu lesti u naqgħu fl-art u mmutu. Ma’ Kristu nsiru l-artal meta nkunu lesti li ħajjitna ssir il-mezz li fuqu ssir din l-offerta divina. B’hekk s-sagrifiċċju tagħna ma jibqax tagħna imma jsir parti mis-sagrifiċċju ta Kristu.
B’hekk biss l-Ewkaristija, li tiġi ċelebrata waqt il-quddesa, tista’ ssir waħda ħajja għax titkompla u ssib il-milja tagħha fil-kumplament ta’ ħajjitna ‘il barra mill-bini tal-knisja. B’hekk biss is-Sagrament tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Kristu ma jkunux sempliċiment prattika devozjonali, imma jiksbu tifsira ferm aktar profonda. Isiru bżonn li mingħajru ma nistgħux ngħixu. B’hekk biss l-Ewkaristija ma tkunx sempliċi rit imma ssir iċ-ċelebrazjoni ta’ l-istess għajxien tagħna. Biha Kristu jgħix fina u aħna fih. Ma nkunux aħna li ngħixu iżda hu li jgħix fina. Ma nkunux aħna li naħdmu iżda hu li jaħdem bina. U hekk, dak li ħa fuqu n-natura umana tagħna permezz tal-Inkarnazzjoni jagħmilna parteċipi fin-natura divina tiegħu permezz tal-Ġisem u d-Demm li tana. |