|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia ĦUDU L-ISPIRTU S-SANTU |
|
|
Sena B - JUM GĦID IL-ĦAMSIN
Qari
mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.
(Ġw 20, 19-23) |
Dak il-Ħadd filgħaxija – Il-ġrajja ta’ l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli ta’ Kristu nistgħu nħarsu lejha u nifhmuha biss fid-dawl tal-ġrajja tal-misteru tal-Għid il-Kbir. Ma kienx żejjed il-kliem li bih ir-raba’ Evanġelista jiftaħ dan ir-rakkont tiegħu. “Dak il-Ħadd fil-għaxija”, kliem li bla dubju ta’ xejn qed jirreferi għal Ħadd il-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet, kliem li jfakkarna f’dak li Ġesù kien għadu kif qal lid-dixxipli ftit jiem qabel, “Jaqblilkom li jiena mmur, għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom.” (Ġw. 16:7) Kieku Kristu ma qamx, anke l-istess twelid tal-Knisja, li taf il-bidu tagħha dak in-nhar ta’ Għid il-Ħamsin, ma kienx ikun possibli, anzi kien ikun kompletament bla sens. Pawlu nnifsu kiteb li, “kieku Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom.” (1 Kor 15:14) Bosta drabi qabel il-mewt tiegħu, Ġesù kien wiegħed li se jibgħat Difensur, l-Ispirtu s-Santu li jiġi minn għand il-Missier f’ismu stess. Hu kellu jgħallem u jfakkar lid-dixxipli f’dak kollu li kien qalilhom Ġesù. Dan huwa l-Ispirtu tal-verità li jixhed għall-Kristu. (ara Ġwanni kapitli 14 sa 16). U għalhekk, issa li l-fidwa kienet kompluta, Ġesù nnifsu jidher lill-Ħdax u jagħti bidu għat-twettiq ta’ dik il-wegħda li kien għamlilhom. Ried bħal donnu jurihom li ma kienx nesa x’kien wegħdhom. Bil-bibien magħluqa – Forsi l-aktar karatteristika li kienet tiddistingwi lid-dixxipli f’dawk il-jiem kienet il-biża’. Beżgħu fil-ħin tal-passjoni u ħarbu. Beżgħu meta Ġesù ma kienx magħhom u nqaflu. Beżgħu saħansitra meta dehrilhom Ġesù, għax ma għarfuħx. Mill-evanġelju nintebħu li għad-dixxiplu ta’ Ġesù, il-biża’ huwa sinjal ta’ fidi dgħajfa jew ta’ dubji. Kristu stess rabat il-biża’ man-nuqqas ta’ fidi. Meta Pietru, li ra r-riħ qawwi, baża’ u ħabat jegħreq Ġesù ċanfru, “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt. 14:30-31) L-istess għamel fil-grajja tal-maltempata li laqtet ‘l appostli meta kienu fuq id-dgħajsa. Qalilhom, “Dal-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?” Il-biża tad-dixxipli spiss ifakkarni fil-beżgħat tiegħi, il-fidi ċkejkna tagħhom fil-fidi dgħajfa tiegħi u l-bibien li warajhom ingħalqu huma f’dak li warajhom ħafna drabi ninqafel jien. Imma żgħira kemm hi żgħira, jekk bin-nitfa ta’ fidi tiegħi nasal li naċċetta lil Ġesù f’ħajti, allura hu kapaċi jinfed il-ħitan tad-dubji u jisfronda l-bibien tal-biża’ u jidħol f’qalbi, biex kif qal lilhom dakinhar, jgħid lili wkoll illum, “Il-Paċi Miegħek”. Il-Paċi Magħkom – Fl-ebda wieħed mill-erba’ evanġelji ma nsibu din it-tislima minn għand Kristu, ħlief wara li l-ġrajja tal-fidwa kenet intemmet. Forsi għaliex huwa issa, li l-bnedmin inħelsu mid-dnub u għalhekk setgħu jerġgħu isiru paċi ma’ Alla u bejniethom. Imma l-paċi li jagħti Ġesù hija ferm differenti minn dak li spiss jifhem il-bniedem. Għalina kultant il-paċi tfisser biss in-nuqqas ta’ ġlied u n-nuqqas ta’ gwerra. Imma l-paċi vera kif jifhimha Ġesù hija waħda li trid tkun mibnija fuq l-imħabba u l-ġustizzja. Qabel ma miet, Ġesù kien wiegħed lil dawk ta’ madwaru, “Nħallilkom il-paċi. Nagħtikom il-paċi tiegħi. Ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.” (Ġw. 14:27) Għaliex Ġesù kien jaf tajjeb li fejn hemm it-taħwid u l-biża’ ma jista’ qatt ikun hemm il-paċi. Uriehom idejh u ġenbu - Meta uriehom il-pjagi ta’ idejh u ġenbu, Ġesù donnu ried igħidilhom, “Araw jiena x’kont lest li nagħmel għall-paċi.” Il-ġlied dejjem iġib iżjed ġlied. Il-mibegħda dejjem iġġib iżjed mibegħda. L-għira, l-inġustizzja, il-gwerra, dawn dejjem jipperpetwaw lilhom infushom. U l-unika għodda li biha nistgħu naqtgħu din il-katina ta’ ħażen li qegħda dejjem titwal, hija l-maħfra. Aħna biex min għalina nġibu l-paċi – niġġieldu! Nibdew il-gwerrer u ngħidu li dawn qed nagħmluhom biex ikollna l-paċi. U l-gwerrer li nibdew, iġibu warajhom gwerrer oħra. Tbatija, moħqrija, niket u mewt. U Ġesù, wara li kien imsallab minħabba dnubietna, lill-istess dixxipli li kienu ħarbu u ħallewh, ġie u qalilhom, “Il-Paċi Magħkom.” B’dan il-mod, is-sinjali tas-salib li għadu jġorru f’ġismu anke wara l-qawmien, saru s-sinjal tal-glorja tiegħu. Nefah fuqhom... Ħudu l-Ispirtu s-Santu – Bla dubju li b’dan il-kliem, l-Evanġelista ried ifakkarna f’dak li hemm miktub fil-Ġenesi, “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja.” (2:7) Huwa l-Ispirtu ta’ Alla li jagħti l-ħajja. “Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu, u inti ġġedded il-wiċċ ta’ l-art. (Salmi 104:30) F’Eżekjel huwa r-Ruħ li tonfoħ mill-erbat irjieħ tad-dinja fuq il-mejtin biex dawn jerġgħu jieħdu l-ħajja. (Eż. 37:9). Din hija verità li kollha kemm aħna nistqarru kull nhar ta’ Ħadd fil-Kredu li ngħidu waqt il-quddiesa, “Nemmen fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja.” L-Ispirtu s-Santu, li Ġesù jagħti minn għand il-Missier, huwa Spirtu Ħallieq u li jġedded (li jagħmel kollox ġdid. Permezz tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, il-ħolqien kollu, li qabel kien imjassar mid-dnub, issa ħa ħajja ġdida. Sar ħolqien ġdid. U dan kollu permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għall-ewwel insara, il-Magħmudija kienet tfisser, “twelid mill-ġdid”. “Kif jista’ wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ?” Din kienet id-domanda ta’ Nikodemu lil Ġesù. U Ġesù wieġeb li dan ried isseħħ permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu. (Ġw. 3:4-5) U jiena, lill-Ispirtu s-Santu ħallejtu jibdilni? Ħallejtu jwellidni mill-ġdid? Id-dnubiet ta’ dawk li taħfru... - Is-setgħa li Kristu ta lil Knisja tiegħu li taħfer id-dnubiet hija waħda li spiss tiffaċċja ħafna kontroversja. “Għaliex għandi mmur għand bniedem bħali biex inqerr? Għaliex ma mmurx mill-ewwel f’riġlejn il-Kurċifiss jew inkella quddiem Ġesù’ fl-Ewkaristija?” Fl-imħabba kbira tiegħu għalina l-bnedmin, Alla ried li jwettaq l-opri tiegħu magħna l-bnedmin, proprju permezz tagħna stess. Forsi mhux hekk jiġri fil-ħolqien? Dak li beda l-Missier meta ħalaq id-dinja ried li nkompluh aħna. Naqraw li lill-ewwel koppja, waqt li berikhom qalilhom. “Nisslu u oktru u imlew l-art u aħkmuha.” (Ġen. 1:28) Forsi mhux hekk ukoll mexa magħna l-Iben ta’ Alla? Hu, il-Kelma Inkarnata, ħalla f’idejna ix-xandir tal-kelma biex is-Salvazjoni li ġabilna huwa stess, inkomplu nwassluha aħna. “Morru mad-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed isalva.” (Mk 16:15-16) L-istess jagħmel l-Isprtu s-Santu. Tiegħu biss il-fakulta li jqaddes – Ruħ il-Qodos. Minkejja dan ried li lilna wkoll jagħtina sehem mill-missjoni tiegħu. Ried li l-qdusija li jagħti hu, nkomplu nwassluha aħna. B’hekk il-missjoni tal-Knisja u l-missjoni ta’ kull nisrani, tikseb dimensjoni Trinitarja għaliex ilkoll għandna sehem mill-ħidma li t-tliet persuni tat-Trinita Qaddisa jwettqu fid-dinja. U l-mezzi ewlenin li bihom il-Knisja taqdi l-missjoni tagħha tat-tqaddis tal-membri huma s-Sagrament, fosthom dak tal-maħfra tad-dnubiet. |