|
Ftit ħsibijiet miġbura minn Joe Farrugia Fl-Isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu |
|
|
Sena B - IT-TRINITÀ QADDISA
|
Il-Misteru – Quddiem il-kelma misteru, spiss nagħlqu moħħna għax ngħidu, “Ma jgħoddx għalija. Mhux suġgett għal snini.” Lili jfakkarni f’xena ta’ Santu Wistin f’xatt il-baħar u bit-tfajjel maġenbu jgħidlu; “Hekk kif din il-ħofra żgħira fir-ramel ma tista’ qatt tesa’ l-ilmijiet kollha tal-baħar, bl-istess mod il-moħħ żghir tieghek ma jista’ qatt jifhem il-kobor infinit ta’ Alla.” U allura nikkonkludi, li jekk ma wasalx id-duttur tal-Knisja Santu Wistin, kif qatt nista’ nasal jien? Inwarrab u ndawwar moħħi fuq ħwejjeġ oħra, l-istess kif darba kienu għamlu d-dixxipli: “Iebes dal-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” (Ġw 6:60) U minn dak in-nhar bosta minnhom telquh. Xi minn daqqiet jiġri li l-misteru nistħajluh bħal ħajt taż-żonqor li bl-ebda mod ma nistgħu ninfdu u għalhekk inwarrbu minnu. Ninsewh jew nippruvaw ma naħsbux dwaru. Forsi wkoll ftit li xejn nagħtu każ tiegħu. Għax aħna nsara, ngħidu li nemmnu, imma daqshekk; dan spiss ikun paroli biss. Iżda l-misteri tal-fidi tagħna; dak tat-Trinità Qaddisa, dak ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla, dak tal-Fidwa tagħna, mhumiex bibien li jagħlquna barra. Mhumiex ħajt li ma nistgħux ninfdu, iżda huma bħal oċean immens li dejjem jistedinna li nidħlu fih biex nesplorawh. Nafu li fiċ-ċokon tagħna qatt mhu se naslu li nitkixxfu biżżejjed dwar l-immensità tiegħu, imma nafu wkoll li iktar ma ninżlu fih fil-fond, aktar insibu x’niskopru. Aktar inħossuna parti minnu. It-Trinità Qaddisa - Alla wieħed fi tliet persuni – il-Missier huwa Alla, l-Iben huwa Alla, u l-Ispirtu s-Santu huwa Alla. Imma dawn mhumiex tliet allat, lanqas sempliċiment tliet aspetti differenti ta’ l-istess persuna imma, Alla wieħed fi tliet persuni tabilħaqq distinti minn xulxin u indaqs fil-kobor. Din hija l-bażi tal-misteru li jiena u int ma nistgħux nifhmu, mhux għax imur kontra r-raġuni, imma għaliex huwa ‘l fuq minnha. Moħħna, bħal ħofra fir-ramel fl-istorja ta’ Santu Wistin, huwa żgħir wisq. Madankollu l-misteru tat-Trinità Qaddisa, l-istess bħal misteri l-oħra tal-fidi tagħna mhux biss jitlob minna li nemmnuh, imma qiegħed kontinwament jistedinna biex nidħlu fih u nesplorawh. Rivelat minn Ġesù Kristu – Matul l-istorja tas-Salvazzjoni, Alla kien bil-mod il-mod juri lilu nnifsu lill-poplu tiegħu. Din ir-Rivelazzjoni Divina laħqet il-milja tagħha fil-persuna ta’ Ġesù Kristu li matul il-ħajja tiegħu fuq l-art uriena wkoll li Alla huwa Trinità; Missier, Iben u Spirtu s-Santu. Din kienet verità li matul it-Testment il-Qadim, kienet għadha mhix rivelata. Tul il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù kien kontinwament jitkellem dwar il-Missier. Bosta drabi tkellem dwaru nnifsu bħala l-Iben waħdieni, li ġej mill-MIssier, li huwa daqs il-Missier u li huwa l-istess bħalu. Lid-dixxipli tiegħu kien ukoll ikellimhom dwar l-Ispirtu s-Santu li huwa wiegħed li jibagħatilhom minn għand il-Missier. Ambaxxaturi tat-Trinità – Fuq kollox qabel telaqhom Ġesù tahom sehem mill-missjoni tiegħu. “Morru, mela, għallmu l-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu.” Iva, kull nisrani huma mgħammed f’isem it-Trinità Qaddisa u għalhekk il-missjoni tagħna fid-dinja hija li nkunu ambaxxaturi tat-Trinità Qaddisa. Kull azzjoni li nagħmlu tul ħajjitna nwettquha fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Din hija t-tifsira vera tal-kliem li ngħidu kull darba li nroddu s-salib; li dak li qed nagħmlu mhux qed nagħmluh f’isimna, imma biss fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Anke l-kliem li ntennu fit-talba tal-Glorja. Bih rridu nfissru li dak li nwettqu ma nagħmlux għall-glorja tagħna imma biex tkun mogħtija Glorja lill-Missier, u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. B’dan l-mod ix-xogħol tagħna jieħu dimensjoni Trinitarja. Il-missjoni li nwettqu tieħu dimensjoni Trinitarja. Il-fidi tagħna, it-talb tagħna, ħajjitna kollha – dan kollu jieħu dimensjoni Trinitarja. Għaliex Alla tagħna huwa Trinità. Aħna ġejjin minnu, qed ngħixu fih u għalih. U għalhekk lilu tifħir u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen. |