NIBDEW FIL-PAĊI MA' L-IBEN U L-OMM TA’ ALLA

Sena C -


L-EWWEL QARI - Num 6, 22-27

Qari mill-Ktieb tan-Numri

Il-Mulej kellem 'il Mosè u qallu "Kellem lil Aron u 'l uliedu u għidilhom: Meta tbierku 'l ulied Israel, hekk għandkom tgħidulhom:
'Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta' wiċċu fuqek u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem!'
Hekk huma jsejħu ismi fuq ulied Israel, u jiena nberikom."

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 62

Iħenn għalina Alla, u jberikna.

Iħenn għalina Alla, u jberikna,
idawwal wiċċu fuqna!
Ħa tingħaraf triqtek fuq l-art,
u fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.

R/. Iħenn għalina Alla, u jberikna.

Jithennew il-ġnus u jgħajtu bil-ferħ,
għax int tagħmel ħaqq mill-popli bis-sewwa,
u tmexxi l-ġnus fuq l-art.

R/. Iħenn għalina Alla, u jberikna.

Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Ħa jberikna Alla,
u ħa jibżgħu minnu t-trufijiet kollha ta' l-art.

R/. Iħenn għalina Alla, u jberikna.

 

IT-TIENI QARI - Gal 4, 4-7

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin.

Ħuti: Meta waslet il-milja taż-żminijet, Alla bagħat 'l Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta' Ibnu f'qalbna jgħajjat: Abba, Missier! U hekk m'intix iżjed ilsir, iżda iben: u jekk iben, werriet ukoll permezz ta' Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

HALLELUJAH

Hallelujah! Hallelujah!
Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b'ħafna modi permezz tal-profeti. Issa, f'dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta' Ibnu.
Hallelujah!

 

L-EVANĠELU - Lq 2, 16-21

Qari mill-Evaneġlju ta’ San Luqa.

F’dak iż-żmien: Ir-ragħajja marru jgħaġġlu lejn Betlehem, u sabu 'l Marija u 'l Ġużeppi u t-tarbija mimduda f'maxtura. Kif raw dan, għarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar din it-tarbija.
U kull min semagħhom baqa’ mistgħaġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet iżżomm sewwa f’qalbha dan kollu u kienet toqgħod taħseb fuqu bejnha u bejn ruħha. Imbagħad ir-ragħajja reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru ’l Alla għal dak kollu li kienu raw u semgħu bħalma kien intqalilhom.
Meta wasal it-tmien jum, li fih kellhom jaħtnu t-tifel, tawh l-isem ta’ Ġesù, kif kien issemma mill-Anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-Kelma tal-Mulej.
It-Tifħir Lilek Kristu.

 


Ftit noti qosra dwar l-okkażżjoni trippla tal-lum.  Nistgħu nużaw l-espressjoni Ingliża – three in one;  l-Ewwel tas-Sena, Jum il-Paċi; Solennità ta' Marija Omm Alla.

 

L-Ewwel tas-Sena...  Jum bħall-oħrajn b’differenza biss li llum nibdew paġna ġdida f’kalendarju ġdid.  Ngħiduha kif inhi.  Illum ftit li xejn għadna nisemgħu bi proponiment tal-ewwel tas-sena.  Min jaf għaliex.  Forsi għaliex ħafna minna huma diżillużi bihom infushom u bil-mod kif żammew jew ma żammewx il-proponimet li kienu jagħmlu fis-snin li għaddew.  F’dan il-każ, jekk il-bidu ta’ sena ġdida ma nippruvawx nagħmluh għalina wkoll bidu ġdid, allura bir-raġun kollu ngħidu.. Jum bħall-oħrajn.  Imma jekk minkejja id-dgħufija tagħna, illum nipproponu li s-sena li qed tibda nippruvaw nagħmluha aħjar minn ta’ qabilha, mhux biss għalina, imma wkoll għal ta’ madwarna, allura llum ikun jum differenti.

 

Jum il-Paċi...  Għalfejn?  Biex ta’ l-inqas darba fis-sena nieqfu niġġieldu u l-ġlied tagħna nħalluh għal għada? Forsi wkoll biex illum niġbru l-forzi ħalli għada nitqabdu b’aktar qawwa.  Jaqaw il-paċi hija biss in-nuqqas ta’ gwerra?  Jekk huwa hekk, allura anke llum, Jum il-Paċi huwa jum bħall-oħrajn. Imma jekk illum, ikunu kapaċi li ta’ l-inqas nieqfu mill-ġlied ta’ bejnietna ħalli napprezzaw  u nitolbu għas-sliem, allura llum tassew ikun jum differenti.  Illum ikun l-ewwel jum ta’ dinja ġdida, fejn l-iljun jgħix mal-ħaruf.  Fejn il-bnedmin mhux biss jinsew id-dfferenzi ta’ bejniethom, imma jibdew japprezawhom, kif ilkoll napprezzaw il-kuluri u fwejjaħ differenti li jżewwqu ġnien.

 

Marija Omm Alla...  Ġrajja li seħħet elfejn sena ilu u issa ntemmet? Fatt sinifankanti biss għall-persuni nvoluti?  Verità importanti u li nemmen fiha, imma li lili ftit li xejn tagħmilli differenza?  Jew avvenimet li biddel l-istorja tad-dinja, u llum nixtiequ jibdel dik tiegħi wkoll?  

Iva, Marija ma saretx Omm Ġesù, u allura Omm Alla għaliha biss, imma għalina lkoll. Għal bnedmin kollha, dawk li jemmnu f’Binha u dawk li ma jemmnux.  Marija saret Omm Alla, biex Binha jagħmilna ħutu u b’hekk aħna wkoll insiru ulied Alla u uliedha. 

Marija saret Omm Alla biex issir ommna.  Biex tgħina jkollna bidu ġdid. Biex tgħallimna ngħixu fil-paċi, ma’ Alla, magħna nfusna u mal-oħrajn.  U biex turina kif għandna nagħmlu dan qalitilna, “Agħmlu dak li jgħidilkom hu.”  Ġesù, l-Iben ta’ Alla, u l-Iben tagħha wkoll.