|
L-EŻODU TAGĦNA |
|
|
Sena C -
L-EWWEL ĦADD
TAR-RANDAN
Il-ħelsien, don ta’ Alla u sforz tal-bniedem. L-Ewwel Qari: Dt 26,4-10: Il-fidi tagħraf l-id ta’ Alla fl-istorja tal-bnedmin u tieħu sehem fiha. It-Tieni Qari: Rm 10,8-13: Tistqarr bil-fomm, temmen bil-qalb. L-Evanġelju: Lq 4,1-13: Kif Ġesù jġib il-ħelsien tal-maħqurin.
L-EWWEL QARI -
Dewt 26, 4-10
SALM RESPONSORJALI - Salm 90
Min igħix għall-kenn ta’ l-Għoli,
Ebda deni ma jiġrilek,
Fuq idejhom jerfgħuk,
La tħabbeb miegħi, jiena neħilsu;
IT-TIENI QARI -
Rum
10, 8-12
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU - Lq 4, 1-13
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.
|
F’dan l-Ewwel Ħadd tar-Randan il-liturġija tagħtina r-rakkont tat-tentazzjonijiet ta’ Ġesù mill-Evanġelju ta’ San Luqa. L-importanza ta’ din is-silta tidher aħjar meta nqegħduha fil-kuntest ta’ dak li l-Evanġelista jirrakkonta qabilha u dak li jiġi wara. Qabel ir-rakkont tat-tentazzjonijiet, San Luqa jagħtina l-lista tal-antenati ta’ Ġesù (Lq 3, 1-38). B’hekk ried juri li Ġesù huwa bniedem bħal kull bniedem ieħor - “bin Adam”; u huwa bniedem li ġej minn Alla - “bin Alla” (Lq 3,38). Għalhekk Ġesù kien imġarrab bl-istess tentazzjonijiet li jgħaddi minnhom kull bniedem li jrid iwettaq il-missjoni li jagħtih Alla. Mela s-silta tal-lum tagħtina ġabra tat-tentazzjonijiet kollha - mhux biss dawk li għadda minnhom Ġesù - imma wkoll dawk ta’ kull grupp u ta’ kull bniedem li jidħol għall-istess missjoni li kellu Ġesù, il-ħelsien tal-bnedmin. Fil-fatt wara r-rakkont tar-rebħa ta’ Ġesù fuq it-tentazzjonijiet, l-Evanġelju jgħidilna mal-ewwel li Ġesù mar fis-sinagoga ta’ Nazaret iħabbar il-missjoni tiegħu: li jwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin, il-ħelsien lill-imjasssrin, id-dawl mill-ġdid lill-għomja u s-sena tal-grazzja tal-Mulej. Biex Ġesù seta’ jaqdi din il-missjoni ta’ ħelsien, kellu jirbaħ it-tentazzjonijiet u jwarrab kull suġġeriment li seta’ jfixklu fl-għarfien jew fit-twettiq tagħha. Ġesù tqanqal mill-Ispirtu biex imur fid-deżert, fejn għall-erbgħin jum kien imġarrab mix-xitan. Id-deżert ifakkar il-mixja twila tal-poplu tar-Rabta l-Qadima fit-twettiq tal-proġett ta’ Alla. Kien fid-deżert li l-Lhud, minkejja ħafna tbatija u tiġrib, issawru f’poplu, soċjetà differenti minn dik tal-ġnus ta’ madwarhom, soċjetà ġdida fejn kulħadd kellu jgawdi ħajja ħielsa, mingħajr ix-xkiel li bih kienu mjassrin fl-Eġittu (ara l-Ewwel Qari). In-numru erbgħin huwa numru simboliku. Ifakkarna fiż-żmien li fih MoseÏ baqa’ fuq il-muntanja (Eż 34,28), “la jiekol u lanqas jixrob”, jikteb f’intimità ma’ Alla l-kuntratt tal-Patt li kellu jnissel soċjetà ġdida. Id-deżert ifakkar ukoll iż-żmien li l-profeta Elija qatta’ fuq il-muntanja Ħoreb, biex wara jinżel jibdel mill-qiegħ is-soċjetà ta’ żmienu, kemm fix-xaħta politika kif ukoll f’dik reliġjuża (ara 1Slat 19,8). Ifakkar ukoll l-erbgħin sena li Iżrael għadda fid-deżert, “ittentat” biex jerġa’, lura fil-jasar tal-Eġittu, l-aqwa li jkollu x’jiekol.
1. L-ewwel tentazzjoni: Li Ġesù jkun messija tal-ħobż u tal-ġid tal-art. Filwaqt li l-Ispirtu qanqal lil Ġesù biex imur fid-deżert jipprepara għall-missjoni tiegħu, ix-xitan kellu suġġerimenti oħra li jfixklu u jġibu fix-xejn il-proġett ta’ Alla. L-ewwel suġġeriment kien li Ġesù jinqeda b’Alla u jeħles lill-maħqurin b’ġest ta’ xeħta maġika: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Il-tentatur irid li Bin Alla jagħti garanzija ta’ prosperità, qisu propagandist politiku qabel l-elezzjoni. Iżda Ġesù jirrifjuta li jkun “alla” tal-propaganda, messija li jġib abbundanza ta’ ġid, li jagħlaq lill-bnedmin fl-egoiżmi tagħhom. Il-proġett tiegħu kien li jġib dik il-ġustizzja li twassal lill-bnedmin biex jaqsmu bejniethom il-ġid li Alla jipprovdi għall-għejxien ta’ kulħadd. Għalhekk Ġesù jwieġeb bil-kliem tal-Iskrittura: “Hemm miktub li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”. Fl-Iskrittura l-kliem li kkwota Ġesù jinsab fil-ktieb tad-Dewteronomju (8,3). Jirreferi għaż-żmien meta l-poplu, fi triqtu fid-deżert, infexx igerger kontra MoseÏ u jixxennaq għaż-żmien tal-jasar fl-Eġittu, basta jkollhom x’jieklu. Iżda l-Kelma ta’ Alla kellha perspettivi oħra għall-poplu, aktar wiesgħa u aktar impenjattivi mill-“borom tal-laħam u “l-ħobż bix-xaba’” li kellhom fil-jasar tal-Eġittu (Eż 16,3): Alla bagħtilhom il-ħobż mis-sema, imma widdibhom biex ħadd ma jieħu aktar mill-għandu bżonn għal jum wieħed, hekk li fl-aħħar tal-jum, “min kellu ħafna ma kellux iż-żejjed, u minn kellu ftit, ma kellux in-nieqes” (Eż 16,18). Alla ried juri lill-poplu t-triq tal-veru ħelsien, dik tas-solidarjetà, tal-ġustizzja u tar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem. Dan kien sewwa sew il-proġett ta’ Ġesù.
2. It-tieni tentazzjoni: Li jkun messija ta’ setgħa. Din id-darba x-xitan jipprova jħassar il-pjan ta’ Alla bil-proposta tas-setgħa. Jipproponi lil Ġesù li, biex jeħles lill-imjassrin, għandu bżonn jieħu f’idejh fuq kollox u fuq kulħadd, poter assolut: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha bil-glorja tagħhom ukoll, għax hija ngħatat lili u jien nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.” Ġesù jiġi ittentat iħoll il-problemi tas-soċjetà billi jsir kap tirann, dittatur, li jimmanipula u jikkontrolla lil kulħadd. Imma kif qatt jista’ jagħti l-ħelsien min jgħaffeġ fuq id-drittijiet u jikkontrolla l-libertà tal-bnedmin? Ġesù jirrifjuta li jkun messija ta’ setgħa: Hemm miktub: “Lil Mulej, Alla tiegħek tadura u lilu biss taqdi.” Din hija sentenza oħra mill-ktieb tad-Dewteronomju (Dt 6,13). Il-vrus ta’ wara fl-istess ktieb ifakkru lil-Lhud fiż-żmien meta kienu lsiera fl-Eġittu taħt il-Fargħun (Dt 6,14-25): Min jaqdi lil Alla veru jsib il-ħelsien, filwaqt li min iħaddem setgħa mingħajr limiti jsir Fargħun u ijassar lil ħutu l-bnedmin. Ġesù jrid iġib il-ħelsien lill-imjassrin mhux billi jaħkem fuqhom imma billi jaqdihom. Fl-Evanġelju ta’ San Luqa l-ikbar kwalità ta’ Ġesù hi s-servizz: “Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuqhom u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi... Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej” (Lq 22,25-27).
3. It-tielet tentazzjoni: Li jkun messija ta’ prestiġju San Luqa bidel l-ordni tat-tieni u t-tielet tentazzjoni, biex fl-aħħar iqiegħed it-tiġrib ta’ Ġesù fil-belt ta’ Ġerusalemm. Għax kellu jkun f’Ġerusalemm, fit-tmiem tal-ħidma tiegħu għall-ħelsien sħiħ tal-bnedmin, li Ġesù jiffaċċja u jegħleb l-aħħar għadu, il-mewt: Imbagħad ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-Tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel.” Ix-xitan iġarrab lil Ġesù biex jabbuża mis-setgħa li tah Alla u jeħles mill-mewt. Din id-darba x-xitan stess jikkwota mill-Iskrittura, mill-kiteb tas-Salmi (91,11-12): “Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.” Ix-xitan qiegħed lil Ġesù fuq il-quċċata tat-Tempju ta’ Ġerusalemm u jħajru jinxteħet minn hemm fuq għal isfel, biex jixhed li Alla qiegħed miegħu u se jkun kapaċi jeħilsu mill-mewt. B’hekk jiżgura lil min jarah li hu l-Messija, għax fost il-Lhud kien hemm tradizzjoni li tgħid li l-messija, meta jiġi, kellu jidher fuq il-quċċata tat-Tempju. Ġesù jirrifjuta li jkun messija ta’ prestiġju. Fuq kollox jirrifjuta jaħrab mill-mewt, għax kien sewwa sew b’mewtu li Ġesù kellu juri l-impenn sħiħ tiegħu għall-missjoni li l-Missier afdalu f’idejh. Ġesù jerġa’ jikkwota mill-ktieb tad-Dewteronomju: “La ġġarrbux lill-Mulej, Alla tagħkom, bħalma ġarrabtuh f’Massa” (Dt 6,16). F’Massa l-poplu kien “ġarrab” lill-Mulej, billi nxteħet jadura l-għoġol tad-deheb (Eż 32,1-10). Min ifittex li jkun messija ta’ prestiġju, jagħmel lilu nnifsu alla u jispiċċa biex ijassar taħtu lil dawk li suppost jaqdihom. “Imbagħad ix-xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.” “Il-waqt” kellu jkun it-tmiem tal-missjoni ta’ Ġesù, meta jħabbat wiċċu mal-Qassisin, il-Kittieba u x-Xjuħ (ara Kap. 20). Fl-aħħar mill-aħħar, kienu huma li ppersonifikaw it-tentazzjonijiet ta’ Ġesù. Huma kienu waħħluha f’rashom li Alla jiggarantilhom il-prosperità u jħallihom jabbużaw mill-ġenerożità tal-offerti tal-fqar. Għalihom Alla kien garanti tal-istruttura politika u reliġjuża inġusta li huma kienu jiddefendu u jżommu, ħsiebhom biss li ma jħallu xejn inaqqslihom il-prestiġju u l-ħakma li kellhom fuq l-oħrajn. Għalhekk għamlu minn kollox biex isikktu lil Ġesù. Ġesù se jiqfilhom. Din se tkun l-aħħar tentazzjoni ta’ Ġesù. Huma se joqtluh; imma l-qawmien mill-mewt se jkun is-sinjal li l-proġett ta’ Alla huwa aktar qawwi mis-setgħat tal-mewt.
L-Evanġelju għal ħajjitna llum 1. San Luqa jqiegħed it-tentazzjonijiet immedjatament wara l-lista tal-antenati ta’ Ġesù, u jtemm il-lista bil-kliem bin Adam, bin Alla. Kif għamel ma’ Adam u Eva, ix-xitan (“l-avversarju”) ipprova jpinġi lil Alla bħala antagonist tal-bniedem u ta’ ħtiġijietu; jiġifieri ma tistax tkun bin Adam, “bin il-bniedem”, u tkun ukoll “bin Alla”. Ġesù b’ħajtu, imma l-iktar bil-mewt u l-qawmien tiegħu, jurina li l-bniedem sħiħ u fl-aqwa tiegħu huwa l-bniedem li jqiegħed lilu nnifsu b’fiduċja taħt Alla u l-Kelma tiegħu. 2. Aħna lkoll ngħidu li nemmnu f’Alla. Iżda f’liema Alla nemmnu? U xi tfisser “temmen” f’Alla? Xi xbieha għandna ta’ Alla? It-‘tentazzjonijiet” jikxfulna kemm il-fidi tagħna hi tassew fidi f’Alla veru. It-tweġibiet ta’ Kristu juruna kif neħilsu l-fidi mill-idoli li jispiċċaw biex ijassruna. Matul ir-Randan, is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, imsieħeb mas-sawm u maċ-ċaħdiet mill-ħwejjeġ li jfixkluna, jgħinuna biex nagħrfu aħjar it-tentazzjonijiet tagħna u nirbħulhom: It-tentazzjoni tal-ħobż: Il-konsumiżmu bil-konsegwenzi kollha li jġib miegħu. Dan huwa l-idolu tal-ġid materjali li qed jifnina. Lil Alla npinġuh bħala alla tal-ġid, alla tal-mirakli, alla li “jagħtini x’niekol” u jħallini komdu. Jew tant niġru wara l-flus li x-xogħol ma jħallilniex ħin għal Alla, għalina nfusna u għall-proxxmu tagħna. It-tweġiba ta’ Kristu - “Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem” - tgħinna nqiegħdu f’posthom il-prijoritajiet tagħna. It-tentazzjoni tas-setgħa: Ix-xitan ittanta lil Kristu billi jipproponilu li jsir idolu li jgħaġġeb lill-oħrajn bis-setgħa, l-idolu tal-avvanz tiegħu nnifsu, tal-kompetizzjoni mas-setgħat l-oħra. Lilna jipproponilna salvazzjoni ta’ malajr, li ma tafx tistenna. It-tweġibà ta’ Ġesù turina li min ifittex li jkun messija ta’ prestiġju, jagħmel lilu nnifsu alla u jispiċċa biex ijassar taħtu lil dawk li suppost jaqdihom: is-salvazzjoni ma tiġix mis-setgħa imma bil-qadi lil Alla u bis-solidarjetà tagħna ma’ ħutna l-bnedmin. It-tentazzjoni tal-popolarità: tqiegħed lill-bniedem “fuq il-quċċata tat-tempju” u “jġarrab” lil Alla: Il-bniedem jippretendi li jagħmel lil Alla qaddej tiegħu, garanti tal-kappriċċi u l-ideat ta’ moħħu, u li jibgħatlu l-anġli jeħilsuh mill-mewt, minflok ma jagħti lilu nnifsu sal-aħħar, kif għamel Ġesù fl-impenn tiegħu sa l-aħħar fil-missjoni li tah il-Missier. Ġesù ħareġ rebbieħ fuq ix-xitan; iżda x-xitan telaq minn ħdejh sa ma jasal il-waqt. Il-“waqt” huwa l-ħin tal-passjoni, meta Ġesù kellu jiffaċċja s-setgħat ta’ din l-art li riedu jeliminawh. Ħasbu li kellhom lil Alla fil-but, li s-saħħa kienet fuq in-naħa tagħhom, in-nies mogħmija warajhom. Ġesù ma jaħrabx il-konfront. Il-qawmien juri li l-pjan ta’ Alla huwa aqwa mis-setgħat tal-mewt.
MISTOQSIJIET 1. B’liema mod it-tentazzjonijiet ta’ Ġesù jikxfulna t-tentazzjonijiet jistgħu jwassluna biex niċħdu l-proġett li Alla għandu għalina? U kif jista’ s-sehem tagħna fil-Liturġija jeħlisna mix-xkiel li jtellifna fil-mixja tagħna?
2. Ħafna drabi b’”tentazzjoni” nifhmu biss l-aspett sesswali ta’ dan it-tiġrib. Imma għaliex ma naħsbux ukoll fit-tentazzjonijiet kontra l-virtujiet tal-ġustizzja, tas-solidarjetà u tar-rispett lejn min hu differenti (kulur, reliġjon, opinjoni politika eċċ.)?
3. Minn liema idoli tal-lum Ġesù jixtieq jeħlisna? |