|
Sena C -
L-EWWEL ĦADD TAL-AVVENT

L-Ewwel Qari -
Ġer 33, 14-16
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Ġeremija
Ara, għad jiġu jiem - kelma tal-Mulej - meta nġib fuq dar Israel u dar
Ġuda il-ġid li wegħedthom. F’dawk il jiem u f’dak iż-żmien intella’ min-nisel
ta’ David rimja tas-sewwa, bniedem li jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa
fil-pajjiż. F’dawk il-jiem Ġuda jkun salv u Ġerusalem tgħammar fis-sod;
u għalhekk isejħulha, ‘Il-Mulej is-sewwa tagħna.’
Kelma
tal-Mulej
Inroddu ħajr
lil Alla
SALM
RESPONSORJALI -
Salm 24
Lejk, Mulej,
jiena nerfa’ ruħi.
Triqatek, Mulej, urini,
il-mogħdijiet tiegħek għarrafni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni
ġħax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
R/.
Twajjeb u sewwa l-Mulej
għalhekk juri t-triq lill-ħatjin,
imexxi l-imsejknin fis-sewwa,
igħallem triqtu lill-fqajrin.
R/.
Il-mogħdijiet tal-Mulej kollha tjieba u fedelta’
għal dawk li jħarsu l-patt u l-liġijiet tiegħu.
Il-Mulej hu ta’ ġewwa ma’ min jibża’ minnu,
lilhom igħarraf il-patt tiegħu.
R/.
It-Tieni Qari -
1 Tess 3,
12-4, 2
Qari mill-Ewwel
Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lit-Tessalonkin
Ħuti: Jalla l-Mulej ikattar u jfawwar fikom l-imħabba tagħkom għal
xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma nħobbu aħna lilkom, ħalli
jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla u Missierna
għal meta jiġi Sidna Ġesu’ mdawwar bil-qaddisin tiegħu! Fl-aħħarnett,
ħuti, intom diġa’ tgħallimtu minn għandna kif għandkom timxu biex
togħġbu lil Alla, u tabilħaqq, hekk qegħdin iġġibu ruħkom; imma aħna
nitolbukom u nħeġġukom fil-Mulej Ġesu’ biex tagħmlu xi ħaġa iżjed. Tafu
x’tagħlim tajniekom permezz tal-Mulej Ġesu.
Il-Kelma
tal-Mulej
Inroddu ħajr
lil Alla
Hallelujah.
Hallelujah.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek
u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.
Hallelujah
L-EVANĠELJU -
Lq 21, 25-28,
34-36
Qari mill-Evanġelju
ta’ San Luqa
F’dak iż-żmien: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: ‘Ikun hemm sinjali fix-xemx
u l-qamar u l-kwiekeb. Fuq l-art, il-ġnus jinħakmu mid-dwejjaq, moħħhom
imħawwad bil-ħsejjes kbar tal-baħar u l-imwieġ; in-nies jibdew imutu
bil-biża’ u bl-istennija ta’ kull ma jkun ġej fuq id-dinja, għax is-setgħat
tas-smewwiet jitqanqlu. U mbagħad jaraw lil Bin il-Bniedem ġej fuq sħaba
b’setgħa u glorja kbira.
Meta
jibda jseħħ dan kollu, qumu u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi
fil-qrib.
Oqogħdu għassa tagħkom innifiskom, li ma tmorrux tħallu qlubkom
jitqalulkom b’ikel u xorb żejjed, jew b’sokor, jew b’ħafna tħassib
għall-ħtiġiet tal-ħajja, u li dak il-Jum ma ssibuhx fuqkom għal
għarrieda bħal nassa; għax għad jasal lil kull min igħammar fuq wiċċ
l-art kollha.
Mela ibqgħu ishru u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu taħarbu dan
kollu li għandu jiġri, u tieqfu bla biża’ quddiem Bin il-Bniedem.’
Il-Kelma
tal-Mulej
It-Tifħir
lilek Kristu |
1. Il-Preżenza ta’ Alla:
“Ejja Spirtu s-Santu”.
2.
L-Esperjenza - Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja:
“Avvent” ifisser il-miġja ta’ Alla. Liema huma s-sinjali li juruna
l-miġja ta’ Alla fil-ħajja tagħna? U fid-dinja ta’ żmienna? Ġieli
ltaqjna ma sinjali li ħawduna? Kif weġibna għalihom?
3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju:
Aqra bil-mod is-silta mill-Evanġelju:
Lq 21, 25-28.34-36:
“Qumu u erfgħu raskom. Il-fidwa tagħkom fil-qrib.”
Wara ħin ta’ skiet, aħseb u staqsi: X’qed tgħidili, Mulej, fuq
l-esperjenzi tiegħi?
·
Fil-bidu ta’ din is-sena liturġika l-Knisja tatna din is-silta
tal-Evanġelju li tagħlaq b’sejħa urġenti għat-talb fuq l-istil ta’
Ġesù. Mhux talb ta’ tlablib, li jagħlaqna fina nfusna, mimli
“tħassib fuq il-ħtiġiet tal-ħajja”; imma talb ta’ smigħ u ta’
dixxerniment tar-rieda ta’ Alla, li jibgħatna naħdmu b’ħeġġa ħalli
s-Saltna ta’ Alla sseħħ fostna.
Ġesù kien jitlob kontinwament (Lq 3,21; 5,16; 6,12; 9,18.29; 22, 41;
23, 24-46). It-talb fil-ħajja ta’ Ġesù kien ir-ruħ ta’ kull ma
jagħmel. Kien tfittxija bla waqfien għar-rieda tal-Missier u
għat-twettiq tas-Saltna tiegħu. Hekk għallimna u riedna nitolbu aħna
wkoll: “Tiġi Saltnatek, ikun li trid int.”
·
F’ħajjitna, fil-ġrajjiet ta’ pajjiżna u tad-dinja, jekk noqogħdu
għassa u ma nħallu xejn itaqqalna - jekk ikollna post u ħin
tad-“deżert” f’ħajjitna - nintebħu li l-Mulej il-ħin kollu jagħtina
sinjali tal-preżenza u l-imħabba tiegħu, anki fiż-żminijiet koroh.
Is-Saltna ta’ Alla tinsab fostna wkoll, imma “moħbija”. Ħafna ma
jintebħux biha u jagħtuha għal attivitajiet u proġetti li ma jħallu
l-ebda frott.
L-Evanġelju ma jippretendix li jagħtina informazzjoni dwar l-aħħar
tad-dinja. Imma jrid ifakkarna li “ż-żminijiet ta’ l-aħħar” ġa bdew
- bit-twelid, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Kristu rebaħ il-qawwa
tal-mewt, jinsab ġa fostna, u għandu jerġa’ jiġi “b’setgħa u glorja
kbira” biex isalvana. Hekk l-Evanġelju jagħmel kuraġġ lill-ewwel
Insara u lilna, fiż-żminijiet diffiċli tal-ħajja. It-taqlib fin-natura
jfisser il-ġudizzju ta’ Alla, li jaġixxi fl-istorja favur il-ħbieb
tiegħu. Kollox se jiġġedded. It-taqlib fix-xemx, fil-qamar u
fil-kwiekeb, m’humiex “sinjali” ta’ falliment imma ta’ salvazzjoni,
simboli li juru li l-miġja ta’ Bin il-Bniedem hi fil-qrib. Dinja
qadima se tispiċċa, u dinja ġdida se tibda tissawwar. Fid-dinja ta’
żmienna x’inhuma “x-xemx, il-qamar u l-kwiekeb” li narawhom jitħawdu
u jaqgħu? U x’inhuma “s-sinjali” li l-Mulej hu fil-qrib tagħna,
ħafna fil-qrib? Is-sħabahija xbieha tal-preżenza ta’ Alla. Bin il-Bniedem
huwa mogħni bis-setgħa u l-qawwa ta’ Alla nnifsu, u hekk ġej biex
jifdi lil dawk li huma tiegħu. Filwaqt li d-dixxipli ta’ Ġesù jibnu
d-dinja l-ġdida, l-għedewwa tal-proġett ta’ Alla jaħdmu wkoll, imma
mexjin lejn it-telfien.
·
Fil-ħidma tagħna, se jkollna niffaċċjaw il-konflitti - l-oppożizzjoni
u l-persekuzzjoni minn dawk li ma jridux li l-affarijiet jinbidlu.
Iżda f’din il-ġlieda, Bin il-Bniedem se jkun il-qawwa tagħna. U, fl-istess
ħin, se jkun l-imħallef, li jiddikjara bla ħtija u rebbieħa lil dawk
li jibqgħu fidili lejh. Il-miġja ta’ Bin il-Bniedem, għalhekk, mhix
ġrajja li għandna nistennewha b’idejna marbuta. Seħħet diġà, imma
kemm se tkun tidher jiddependi mix-xiehda qalbiena tal-Insara u
mill-ħidma u l-istinkar tagħna lkoll bħala dixxipli tiegħu.
·
Għalhekk l-Evanġelju jħeġġiġna biex nżommu għajnejna miftuħa f’sahra
attiva, imnebbħa mit-talb u mid-dixxerniment. Il-miġja ta’ Bin
il-Bniedem m’għandhiex tissarraf fi stennijja passiva ta’ ġrajjiet
fil-futur. Imma, permezz tat-talb, għandna nfittxu r-rieda ta’ Alla;
u permezz tal-prattika tal-ħajja nisranija, inwettquha f’kull waqt u
kull ambjent. Inħarsu dejjem b’sens kritiku lejn is-soċjetà u l-ġrajjiet
tal-istorja, u hekk niskopru l-preżenza ta’ Alla, miexi magħna u
jwiżinna bil-qawwa tiegħu. Huwa issa, fl-istorja tagħna mimlija
diffikultajiet u konflitti, li aħna għandna nagħmlu l-kuraġġ u ma
nitħeddlux, għaliex il-ħelsien hu fil-qrib, anzi diġà beda jseħħ.
Min jgħix aljenat u ma jimpurtahx minn dak li jkun qiegħed jiġri
madwaru, jixbah lil wieħed fis-sakra, ma jintebaħx bil-preżenza u l-ħidma
ta’ Alla fil-ħajja tiegħu u fil-ġrajjiet tal-istorja. U ma jkunx
kapaċi jagħraf l-urġenza tal-prattika u tax-xiehda nisranija fid-dinja.
Il-ġudizzju ta’ Alla jaqa’ fuqu, “f’dak il-Jum”, bħal xibka.
·
Il-Mulej ikellimna u jgħidilna li hu ma jridx ikun ’il bogħod minna.
Imma biex nintebħħu bih u bis-Saltna li qed tinżera’ fostna, jridna
ngħaddu minn reliġjon magħluqa fil-knisja, ritwalista, interessata
biss b’dehra ta’ Alla fil-bogħod u magħluq fil-glorja tiegħu
fis-sema, għal Alla fil-qrib - Għimmanu-El, imma wkoll “Alla moħbi”
fl-għaġna tal-istorja.
Ilkoll kemm aħna għandna nagħtu sehemna fil-bini ta’ dinja ġdida ta’
nies ħielsa, li jgħixu f’armonija bejniethom u mal-proġett ta’ Alla
fl-istorja ta’ żmienna.
4. Konverżazzjoni/Azzjoni:
Xi
tridni nagħmel, Mulej? Xi tridni nbiddel?
1. Kif nistgħu nisimgħu lil Alla
jkellimna fil-ġrajjiet tal-ħajja tagħna u ta’ madwarna? Kif nistgħu
nifhmu s-sinjali li jagħtina? 2. Il-miġja ta’ Ġesù fostna ġa wrietna
li l-imħabba ta’ Alla toħroġ rebbieħa fuq dak kollu li jfixkel
ir-rieda tiegħu li jsalva lill-bnedmin. Kif nistgħu nkomplu nagħtu
xiehda llum ta’ din ir-rebħa ta’ Alla?
5. Għeluq:
Agħmel talba spontanja u itlob “Il-Missierna”.
|