Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

KULL BNIEDEM JISTA’ JARA IS-SALVAZZJONI

Sena C -

IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT

L-EWWEL QARI - Bar 5,1-9
Qari mill-ktieb tal-Profeta Baruk

Neħħi minn fuqek, Ġerusalem, l-ilbies tal-hemm u n-niket, u ilbes id-dija tas-sebħ ta’ Alla għal dejjem. Ilbes il-mantar tal-ġustizzja ta’ Alla, qiegħed fuq rasek il-kuruna tal-glorja ta’ dejjem. Għax Alla għad juri ġmielek lill-ħlejjaq kollha taħt is-sema; Alla għad isejjaħlek bl-isem ta’ “Sliem tal-ġustizzja u sebħ tal-qima ta’ Alla”. Qum, Ġerusalemm, itla’ fil-għoli, ħares lejn il-lvant, ara ‘l uliedek miġbura għall-kelma tal-Qaddis, minn fejn tinżel ix-xemx sa minn fejn titla’, ferħana għax Alla ftakar fihom.
Telqu minn għandek bil-mixi, imkaxkra mill-għedewwa; issa Alla se jgibhom lura għandek merfugħin fil-ġieh bħal kieku fuq tron ta’ sultan.
Alla ordna li jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet ta’ dejjem, li jimtlew il-widien u titwitta l-art, ħalli Israel jimxi bla xkiel taħt is-sebħ ta’ Alla. Fuq l-ordni ta’ Alla, l-imsaġar u s-siġar imfewħa jdellu fuq Israel. U Alla jmexxi lill-Israel bil-ferħ fid-dawl tas-sebħ tiegħu, minħabba fil-ħniena u l-ġustizzja li ħierġa minn għandu.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 128


Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imtarrfin ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
imbagħad bid-daħk imtela fommna,
u lsienna nħall b’għajjat ta’ ferħ. R/.

Imbagħad bdew igħidu fost il-ġnus;
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!”
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna mtlejna bil-ferħ. R/.
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

Biddel, Mulej, xortina,
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jaħsdu fil-ferħ. R/.

Hu u sejjer, imur jibki,
iġorr iż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Imma hu u ġej lura, jiġi jgħajjat bil-ferħ,
bil-qatet f’idejh. R/.

IT-TIENI QARI - Fil 1, 4-6,8-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin.
Ħuti: Dejjem fit-talb tiegħi għalikom nitlob ferħan, minħabba fil-għajnuna li tajtuni fix-xandir ta’ l-Evanġelju, mill-ewwel jiem sa llum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-Jum ta’ Kristu Ġesù. Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù! U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u tikber dejjem iżjed bil-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħarfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-Jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja minn Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

 

Hallelujah, hallelujah.
Hejju t-triq tal-Mulej,
wittu l-mogħdijiet tiegħu:
u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU - Lq 3, 1-6

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.

Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, u Erodi tetrarka tal-Galilija, u ħuh Filippu tetrarka ta’ l-Iturija u ta’ l-art ta’ Trakonis, u Lisanja tetrarka ta’ Abila, fi żmien il-qassis il-kbir Anna u Kajfa, il-kelma ta’ Alla waslet lil Ġwanni, bin Żakkarija, fid-deżert. Hu ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm miktub fil-ktieb ta’ kliem Isaija l-profeta:
“Leħen ta’ wieħed igħajjat fid-deżert:
Hejju t-triq tal-Mulej,
wittu l-mogħdijiet tiegħu:
kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa;
il-mogħdijiet imgħawġa jsiru dritti,
u t-triqat imħarbta jitwettew,
u kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla.”

Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek, Kristu.

 

1. Il-Preżenza ta’ Alla: “Ejja Spirtu s-Santu”.

 

2. L-Esperjenza -  Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja:

Min jagħżel li jgħix l-ispiritwalità ta’ Ġesù jista’ jgħid li ma jimpurtahx minn dak li qiegħed jiġri fid-dinja fi żmienna?

 

3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju: Aqra bil-mod is-silta mill-Evanġelju: Lq 3, 1-6: Is-salvazzjoni miftuħa għall-bnedmin kollha.

Wara ħin ta’ skiet, aħseb u staqsi: X’qed tgħidili, Mulej, fuq l-esperjenzi tiegħi?

San Luqa jrid jippreżenta l-istorja l-ġdida li kellha tibda ma’ Ġesù u mad-dixxipli tiegħu. Jippreżenta lil Ġwanni bħala l-profeta li jipprepara t-triq għal Ġesù. L-istess bħall-profeti fil-kotba tat-Testment il-Qadim, San Luqa qiegħed lil Ġwanni fil-kuntest ta’ żmienu u pajjiżu.[1] Il-profeta ma jistax jinqata’ mill-kuntest li jgħix fih.

Fil-fatt, fl-istorja l-ġdida ta’ Ġesù, San Luqa jieħu mhux inqas minn ħames ismijiet mill-isfond ta’ dik li nistgħu nsejħulha “l-istorja uffiċjali”, is-sitwazzjoni tad-dinja u tal-Palestina fi żmien Ġwanni l-Battista: Tiberju Ċesari, Ponzju Pilatu, Erodi, Filippu, Lisanja. San Luqa jippreżentalna wkoll l-istorja politika-reliġjuża taħt il-Qassisin il-Kbar Anna u Kajfa.

B’dawn l-ismijiet San Luqa jagħtina ġabra tal-istorja uffiċjali, minsuġa b’inganni, abbuż tas-setgħa, oppressjoni u qtil. Dawn il-personaġġi nerġgħu niltaqgħu magħhom fil-ġrajja tal-passjoni, meta Ġesù jiġi wiċċ’imbwiċċ mal-Qassis il-Kbir (Lq 22, 54), mas-Sinedriju (Lq 22, 66-71), ma’ Pilatu (Lq 23, 1-5.13-25) u ma’ Erodi Antipa (23, 6-12).

San Luqa jrid jurina li l-istorja ta’ Ġesù hija għal kollox differenti mill-istorja uffiċjali. L-attività ħelliesa ta’ Ġesù, flimkien u bis-sehem ta’ dawk li jilqgħuh, mhux biss ma ġġibx il-mewt, imma se tagħti l-ħajja, u l-ħajja bil-kotra, lill-bnedmin kollha.

L-Evanġelju jgħidilna li kien fid-deżert, li l-Kelma ġiet għand Ġwanni l-Battista, ’il bogħod minn  Ġerusalemm u  mit-Tempju, iċ-ċentri tas-setgħa, Id-deżert fl-Iskrittura huwa simbolu mimli tifkiriet sbieħ tal-għeġubijiet ta’ Alla fl-istorja. Huwa l-post tal-ħelsien fejn il-poplu tar-Rabta l-Qadima terraq f’eżodu lejn l-Art Imwiegħda. Id-dezert hu importanti wkoll biex nifhmu t-triq ta’ Ġesù. Hemm ukoll mar Ġesù biex jibda l-ministeru tiegħu biex jitgħammed minn Ġwanni u jqatta’ erbgħin jum fis-sawm u fit-talb.

Filwaqt li l-storja  “uffiċjali” kienet qed tirrepeti l-oppressjoni tal-Farawn fl-Eġittu,  Ġesù kellu jkun il-kap li jwettaq, flimkien u bis-sehem ta’ dawk li kienu mkasbrin u mwarrbin fid-dinja l-qadima, eżodu ġdid, storja f’direzzjoni ġdida, li tieħu lejn il-ksib tal-ħelsien definittiv u tal-ħajja fil-milja tagħha. 

Fid-deżert Ġwanni beda jħabbar il-ħtieġa tal-konverżjoni, magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, bidla sħiħa fil-ħajja u fl-imġiba, Il-”magħmudija” fil-Ġordan kienet is-sinjal li jfisser ir-rieda li wieħed ”jikkonverti”, jiġifieri li jdur mill-valuri l-qodma tad-dinja, biex iħaddan il-valuri l-ġodda li bdew jidhru fil-ħajja u fil-ħidma ta’ Ġesù. Dan kien l-eżodu l-ġdid li Ġwanni beda jħabbar.

B’differenza mill-Evanġelisti l-oħra, San Luqa jtawwal is-silta minn Isaija, billi jżid il-vers ta’ warajha: “U kull bniedem jara s-salvazzjoni ta’ Alla”. B’hekk San ried juri li s-salvazzjoni hi miftuħa għal bnedmin kollha tad-dinja. Ukoll għal dawk li kienu jagħmlu  parti mill-“istorja uffiċjali”, kif se naraw fis-silta tal-Ħadd li ġej.

L-Evanġelju qed isejħilna biex nagħrfu fil-ħajja personali tagħna, fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà ta’ żmienna, x’qiegħed ibegħedna mill-valuri ta’ Kristu;  x’inhuma l-atteġġjamenti u l-istili ta’ ħajja li ġejjin mill-egoiżmu, mill-intolleranza, mid-diżinteress, mir-rivalitajiet, mill-konsumiżmu - “id-dnubiet, it-tagħwiġ u l-ħotob” fit-triq ta’ ħajjitna.

Kif nistgħu naqbdu t-triq tal-ħelsien, it-triq tal-valuri tas-Saltna fil-ġustizzja u s-sliem għall-bnedmin kollha: komunjoni, djalogu, servizz, kuxjenza soċjali, għarfien tad-dinjità ta’ kull bniedem u bniedma xbieha ta’ Alla. X’qed jgħidilna dan dwar l-istil tal-ħajja li qegħdin ngħixu?

Biex inwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet u naraw ċar is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla u s-sejħat li qed jagħmlilna, jenħtieġ li aħna wkoll f’dan iż-żmien tal-Avvent li nqattgħu ħin fid-deżert. Fis-skiet tat-talb, Ïil bogħod mill-istorbju u mill-ilħna li jdawruna minn kullimkien, “niddixxernu” fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, is-sinjali u s-sejħat li qed jagħmlilna Alla fi żminijietna, u nwieġbu għalihom.

4. Konverżazzjoni/Azzjoni:  Xi tridni nagħmel, Mulej? Xi tridni nbiddel?     

1. Xi ħtieġa seta’ kellu San Luqa biex, fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum, jagħtina tant dettalji storiċi ta’ żmien Ġwanni l-Battista?

2. Għad għandha relevanza, għalina u għas-soċjetajiet tal-lum, il-missjoni ta’ Ġwanni l-Battista fid-deżert? Aħna kif nistgħu nwettquha?

5. Għeluq: Agħmel talba spontanja u itlob “Il-Missierna”.