|
KONVERŻJONI PERMEZZ TA’ KRISTU |
|
|
Sena C - IT-TIENI ĦADD TAR-RANDAN Alla jissieħeb mal-Umanità L-Ewwel Qari: Ġen 15, 5-12.17-18: Alla jerfa’ lill-bniedem fallut. It-Tieni Qari: Fil 3, 17-4,1: L-Insara sħab ta’ Ġesù fil-mewt u l-qawmien. L-Evanġelju: Lq 9, 28-36: Ġesù, il-ħabib u s-salvatur tal-umanità.
L-EWWEL QARI -
Ġen
15, 5-12, 17-18
SALM RESPONSORJALI - Salm 26
Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
Isma’, Mulej, il-leħen tiegħi,
Jien nfittex ‘il wiċċek, Mulej.
Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art
il-ħajjin.
IT-TIENI QARI - Fil 3, 17-4,1
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU - Lq 9,
28b-36 |
Fir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni, San Luqa għandu l-ħsieb li juri lil Ġesù bħala s-sieħeb tal-umanità, għal kollox bniedem mal-bnedmin, sal-mewt. Iċ-ċentru tas-silta jinsab fil-kliem: “U dehru żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, li kienu MoseÏ u Elija; dawn dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm.” L-Evanġelju juża l-kelma “eżodu”, flok “it-tmiem ta’ ħajtu”, biex ifisser il-mewt ta’ Ġesù bħala tluq, ħruġ. L-“eżodu” jfakkarna fil-mixja tal-ħelsien tal-poplu ta’ Alla mill-jasar tal-Eġittu lejn l-Art Imwiegħda. F’din il-mixja l-poplu seta’ jħoss lil Alla preżenti, qrib tiegħu fit-triq, bħala sieħeb fidil li jeħles u jsalva. Il-programm ta’ Ġesù kien li jġib il-ħelsien lill-imjassrin f’eżodu ġdid. Dan l-eżodu jseħħ billi Ġesù jirbaħ it-tentazzjonijiet, jeħodha mal-mewt u jerġa’ lura lejn il-MissierÏ. B’differenza mill-Evanġelisti l-oħra, San Luqa ma jużax il-kelma “transfigurazzjoni”. Jgħid biss,”Id-dehra ta’ wiċċu tbidlet”. L-Evanġelju ta’ San Luqa nkiteb f’kultura pagana. In-nies setgħu jħalltu t-“trasfigurazzjoni” ta’ Ġesù mal-“bidliet” li s-soltu kienu jirrakkuntaw dwar l-allat pagani. Iżjed milli fuq il-bidla, San Luqa jitfa’ l-aċċent fuq l-“eżodu” l-ġdid tal-poplu ta’ Alla. San Luqa jippreżenta lil Ġesù f’sitwazzjoni tipika ta’ dan l-Evanġelju: Ġesù f’waqt ta’ talb. Il-waqtiet kbar u l-għażliet strateġiċi tal-missjoni ta’ Ġesù nibtu minn din l-għaqda ta’ Ġesù mal-Missier fit-talb. Biex jitlob Ġesù “tela’ fuq il-muntanja”. Dan id-dettal ukoll huwa għal qalb San Luqa. Kien “fil-għoli” li Ġesù warrab it-tentazzjoni li jsir sultan fuq ħafna saltniet (l-Evanġelju tal-Ħadd li għadd) - Ġesù għażel li jkun Qaddej, mhux sultan tas-setgħa, biex iġib il-ħelsien lill-imjassrin; u issa “fuq il-muntanja” Ġesù jilqa’ l-missjoni li jwettaq il-proġett tal-Missier sa l-aħħar, ukoll jekk dan jitlob minnu li jiffaċċja l-mewt. Huwa dan il-fatt li “jbiddel” id-dehra ta’ wiċċ Ġesù, għax minn issa ’l quddiem se jidher ċar f’Ġesù l-proġett ta’ Alla għall-ħelsien u l-ħajja tal-bnedmin kollha.
1. Il-mexxejja ħelliesa tal-imgħoddi jixhdu għal Ġesù. “U dehru żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, li kienu MoseÏ u Elija”. MoseÏ u Elija jirrapreżentaw “il-Liġi u l-Profeti”, jiġifieri t-Testment il-Qadim. Jidhru jitħaddtu ma’ Ġesù dwar “l-eżodu” tiegħu f’Ġesuralemm. MoseÏ kien il-Mexxej tal-poplu tl-eżodu tiegħu mill-jasar ta’ l-Eġittu; Elija ħeles il-poplu mill-oppressjoni u mill-idolatrija u saffa l-fidi f’Alla veru fil-poplu tas-Saltna ta’ Fuq, fi żmien is-sultan Akab. MoseÏ u Elija, it-Testment il-Qadim kollu jagħti xiehda li Ġesù huwa l-Ħellies imwiegħed u mħabbar fil-mexxejja l-kbar tal-imgħoddi. U jixhed ukoll li l-ħelsien se jsir permezz tal-għotja sħiħa ta’ ħajtu. Ir-rabta sħiħa mal-proġett tal-Missier se twassal lil Ġesù għall-mewt, imma lilna u lill-bnedmin kollha se tagħtina l-ħelsien sħiħ u l-ħajja fil-milja kollha tagħha (Ara t-Tieni Qari).
2. Il-Missier jixhed għal Ġesù. Ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. Fl-Iskrittura “is-sħaba” hija sinjal tal-preżenza ta’ Alla. San Luqa jtenni li l-Missier jinsab preżenti f’Ġesù Ibnu: “Dan hu Ibni l-maħtur.” L-Evanġelju jtenni din l-istqarrija tliet darbiet: fil-bidu, waqt il-magħmudija ta’ Ġesù fil-Ġordan (Lq 3,22); fin-nofs, waqt it-trasfigurazzjoni; u fit-tmiem, waqt il-passjoni. Fil-magħmudija u fit-trasfigurazzjoni hu l-Missier li jiddikjara lill-Iben bħala l-Maħtur tiegħu. Fil-passjoni s-Sinedriju jistaqsi u Ġesù jwieġeb “Iva, jien” (Lq 22,70). Għal din l-istqarrija, is-Sinedriju jikkundanna lil Ġesù għall-mewt - jagħti l-mewt lil dak li jġib il-ħajja u l-ħelsien lill-bnedmin kollha. L-istqarrija “Ibni l-Maħtur” tfakkarna fil-“Qaddej”, il-bniedem misterjuż imħabbar minn Isaija, li Alla għażlu biex permezz tat-tbatijiet iġib il-ħelsien tal-bnedmin kollha:
“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen, il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet. Qegħedt l-Ispirtu tiegħi fuqu biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus” (Is 42,1).
“Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard... Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna... bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Is 53,3-5).
Bil-mewt tiegħu Ġesù ġab fi tmiemha l-missjoni li tah il-Missier u sar il-Ħabib il-kbir u s-Salvatur tal-umanità kollha, solidali magħna lkoll. Fuq is-salib il-kapijiet tal-Lhud iddieħku bih u żebilħuh: “Ħeles lil oħrajn, ħa jeħles lilu nnifsu, jekk dan hu l-Messijja, il-maħtur ta’ Alla” (Lq 23,35). Iżda ż-żebliħ tagħhom ma għamilx ħaġa oħra ħlief ikkonferma l-profezija tal-profeta.
3. Aħna l-Insara quddiem Ġesù, il-ħabib fidil tagħna. Il-Missier fada kollox b’Ibnu l-Għażiż u Ġesù wettaq ir-rieda tal-Missier sa l-aħħar. Iżda din ir-rabta intima u sħiħa ta’ Ġesù mal-proġett tal-Missier tikkuntrasta sew mal-imġiba ta’ Pietru u tad-dixxipli l-oħra, kif ukoll ma’ tagħna. Minn hawn ġejja l-istedina li jagħmlilna Alla: “Dan hu Ibni l-maħtur; lilu isimgħu”. Fil-bidu tal-ġrajja, San Luqa jgħidilna li “Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu imqajmin sewwa”. Fin-nofs, jgħidilna li MoseÏ u Elija, “kienu se jinfirdu minnu” - kien wasal iż-żmien li l-ħelliesa tar-Rabta l-Qadima jagħmlu l-wisgħa biex Ġesù u d-dixxipli tiegħu iwasslu fit-tmiemu x-xogħol tal-ħelsien; iżda Pietru u sħabu ma ridux jiċċaqalqu minn fuq il-għolja: “Kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu hawn tliet tined”. Lejn l-aħħar tal-ġrajja, San Luqa jgħidilna: “X’ħin instema’ l-leħen Ġesù kien jinsab waħdu”. L-istess ġralu meta sab ruħu fuq is-salib. Il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni tinsab fit-tmiem tal-ewwel taqsima tal-Evanġelju ta’ San Luqa, immedjatament wara l-ewwel tħabbira tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Minn hawn tibda it-tieni parti tal-Evanġelju: Ġesù jħalli l-Galilija u jibda jħares lejn Ġerusalemm fejn kellu jġib fi tmiemha l-missjoni li tah il-Missier: “Meta qorob għalih iż-żmien li kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm”. Minn issa ’l quddiem l-Evanġelju se jurina li l-mixja lejn il-ħelsien u s-salvazzjoni hija mixja twila, u trid dejjem tgħaddi minn “Ġerusalemm”, fejn Ġesù ġie miċħud u maqtul. Iwissina wkoll biex noqogħdu attenti min-“ngħas” li jipparalizzana u ma jħalliniex niċċaqalqu u nimxu ’l quddiem. Agħar minn hekk, jista’ jiġrilna li “nitgħattew bl-isħaba”, jiġifieri nagħmlu l-esperjenza ta’ Alla miexi mal-poplu tiegħu fi tbatijietu, u frattant nibqgħu mbeżżgħin u siktin. L-imġiba kollha fidi ta’ Abram, minkejja li huwa wkoll “tah ngħas tqil u biża’ u dalma kbira waqgħu fuqu” (ara L-Ewwel Qari), hija differenti ħafna mill-biża’ u s-skiet tad-dixxipli u ta’ ħafna Nsara tal-lum. Abram kien bniedem fallut; imma meta Alla sejjaħlu, obda u telaq jimxi fit-triq li ordnalu l-Mulej. Ġesù għandu bżonn nies kuraġġużi li jinżlu mill-muntanja u bħalu “b’rieda sħiħa” jaqbdu l-mixja lejn Ġerusalemm (ara wkoll it-Tieni Qari).
L-Evanġelju għal ħajjitna llum 1. Il-qtigħ il-qalb huwa l-akbar għadu għall-bidla u l-konverżjoni. L-aktar ħaġa li tfixkilna milli nwettqu sa l-aħħar, ukoll quddiem id-diffiiultajiet, il-missjoni li Alla fdalna f’idjena hija l-isfiduċja. L-aktar li jgħin hu l-inkuraġġiment għat-tajjeb, li wieħed ikun lest li jxammar il-kmiem u jaħdem ma’ ħaddieħor. L-inkwiet, it-tensjonijiet tal-ħajja, l-għeja jagħlquna fina nfusna. Nibdew naraw kollox ikrah, ninħakmu minn telqa, biża’ li naffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja u noħorġu mill-ħedla li nkunu waqajna fiha. Id-depressjoni teffettwa wkoll il-qasam tal-fidi, ma jkollna aptit ta’ xejn, nagħmlu kollox bilfors u b’rutina. Ningħalqu fina nfusna jew nintilfu fl-aljenazzjonijiet.
2. Il-qari tallum jagħmlilna kuraġġ. iqajjimna mit-telqa u l-għeja u jiftħilna l-orizzonti tal-fidi tagħna. Għal darb’oħra jkellimna dwar “l-eżodu”, imma mhux bħala ħelsien mill-jasar il-qadim, iżda bħala ftuħ ta’ triq ġdida, orizzonti ġodda, ħajja ġdida, bidla (“trasfigurazzjoni”) tal-mod kif inħarsu lejn il-ħajja u fir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla u mal-proġett li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna. Fl-Ewwel Qari naqraw il-ġrajja ta’ Abraham, bniedem fallut minkejja l-ġid li kellu, u Alla jwiegħdu nisel kotran u art wiesgħa. Fit-Tieni Qari, San Pawl iħeġġiġna biex noħorġu minn mentalità li tagħmilna għedewwa tas-salib ta’ Kristu u nsiru pajżani tas-sema pajjiżna. Fl-Evanġelju, it-trasfigurazzjoni hija waħda mill-aħħar ġrajjiet qabel ma Ġesù qabad b’rieda sħIħa itt-triq lejn Ġerusalemm, preparazzjoni għall-“eżodu” tiegħu nnifsu. Ġesù jirrealizza li jrid imut biex “jinbidel” u hekk iġib fi tmiemha l-missjoni li tah il-Missier. 3. L-esperjenza qawwija ta’ Alla lil Abraham (l-Ewwel Qari) ħarġitu minn ħajja bla sens u bla futur u fetħitlu orizzonti kbar. Esperjenza oħra qawwija ta’ Alla fil-Horeb, f’żiffa ħelwa, lil Elija ħarġitu mill-biża’ u l-qtigħ ta’ qalb (ara1 Slat 19). L-istess ġralu MoseÏ wara d-dehra tal-ħuġġieġa tan-nar qalb l-għollieq, ukoll ħdejn il-Horeb (Eż 3). Fit-trasfigurazzjoni, id-dehra ta’ wiċċ Ġesù tbiddlet waqt li kien jitlob f’intimità mal-Missier. Wiċċu wera l-ġmiel li ġej mill-fond ta’ ruħu u ta’ qalbu.Aħna wkoll “ninbidlu” meta nitolbu fis-skiet u fl-initimità ma’ Alla. F’dawn il-waqtiet Alla nnifsu “idawwalna” fuq ħajjitna, fuq il-ġrajjiet tad-dinja, fuqu nnifsu fuq il-Kelma tiegħu, fuq ħutna u fuq il-bżonnijiet tagħhom.Bħal Ġesù aħna nħossu l-ħtieġa li nitilgħu fuq il-muntanja, ninqatgħu mill-agħa tal-ħajja ta’ kuljum; mhux biex naħarbu mir-realtà, imma biex naraw ir-realtà f’dawl iżjed profond, u nerġgħu lura lejn ir-realtà imsaħħin u mdawlin.MISTOQSIJIET 1. Il-maġġoranza tal-bnedmin fid-dinja (l-aktar fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina) huma fqar u abbandunati. Iżda Alla ma jabbandunahomx (ara l-Ewwel Qari). X’sinjali ta’ ħajja u ħelsien naraw fost dawn in-nies? X’jistgħu jagħmlu l-bqija tal-bnedmin biex dawn jiksbu ġieħ u dinjita?
2. X’tifsira għandu l-“eżodu” fil-ħajja tagħna? X’xebh hemm bejn l-eżodu tal-poplu Lhudi u ta’ Ġesu’ ma’ l-“eżodu” tagħna? Minn xiex iridna “neħilsu” l-Mulej, u lejn fejn iridna nimxu?
3. B’liema mod Ġesù jagħtina l-mudell kif għandhom ikunu l-mexxejja fil-Komunità Nisranija? |