M’GĦANDHOMX INBID

HOME

EMAIL

 

IT-TIENI ĦADD MATUL IS-SENA - Sena Ċ

L-EWWEL QARI - Is 62, 1-5
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija.

Minħabba f’Sijon ma nehdiex,
minħabba f’Ġerusalemm ma niskotx.
Bħal dija għad tfeġġ il-ġustizzja tagħha.
bħal torċa għad taqbad is-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad isejħulek,
isem li għad jagħżlu fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’ ġmiel f’id il-Mulej
u dijadema ta’ sultan f’id Alla tiegħek.
Ma jgħidulekx aktar “Il-Mitluqa’’,
anqas lil artek ma jsejħulha aktar ‘l-Imħarbta’’.
Lilek għad isejħulek “Għaxqti fiha’’,
u lil artek għad igħidulha “Għarusa’’,
għax il-għaxqa tal-Mulej fik,
u artek għad titgħarras.
Bħalma l-għarus jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek;
U bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 95


R/... Xandru fost il-popli kollha l-egħġubijiet tal-Mulej.

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
Għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/...

Ħabbru minn jum għal jum is-salvazzjoni tiegħu,
xandru fost il-ġnus il-ġlorja tiegħu,
fost il-popli kollha l-egħġubijiet tiegħu!  R/...
 

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u setgħa,
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu! R/...

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’żina qaddis,
triegħdu quddiemu fl-art kollha!
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!’’
Huwa jiġġudika l-popli bis-sewwa.  R/...

 

IT-TIENI QARI - 1 Kor 12, 4-11


Qari mill-1 Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti: Hemm diversi doni, imma wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata d-dehra ta’ l-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd; lil wieħed jingħatalu kliem is-sapjenza, permezz ta’ l-Ispirtu: lil ieħor kliem il-għerf, skond l-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi, fl-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan, fl-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don li jagħżel l-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir ta’ l-ilsna. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

 

HALLELUJAH


Hallelujah. Hallelujah

Jiena d-dawl tad-dinja, igħid il-Mulej;
Min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
Hallelujah

 

L-EVANĠELJU - Ġw 2, 1-12


Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann

F’dak iż-żmien; Sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesu’ kienet hemm. U kien mistieden għat-tieġ Ġesu’ wkoll u d-dixxipli tiegħu. U billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesu’ qaltlu: “Ma għandhomx inbid’’ Ġesu’ qalilha: “Aħna x’għandna x’naqsmu, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma ġietx.’’ Ommu qalet lill-qaddejja: “Kull ma jgħidilkom, agħmluh.’’
Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għall-ħasil ritwali tal-Lhud, kull waħda minnhom tesa’ xi għoxrin jew tletin gallun. Ġesu’ qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma.’’ U dawk imlewhom sax-xfar. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh ‘il dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.’’ U huma marru jnewluhulu. Dak li kien qiegħed jieħu ħsieb il-mejda daq l-ilma midbul fi nbid; u billi ma kienx jaf minn fejn ġie, għad li l-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, dak li kien qiegħed jieħu ħsieb il-mejda sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel: meta mbagħad ikun ħadhom, iġibu dak li hu tajjeb inqas. Imma int erfajt sa issa l-inbid it-tajjeb.’’
Dan, l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu, Ġesu’ għamlu f’Kana tal-Ġalilija, u wera s-sebħ tiegħu; u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Wara dan, niżel Kafarnahum, hu, ommu, ħutu u d-dixxipli tiegħu, u qagħdu hemm, iżda mhux għal ħafna ġranet.

Il-Kelma tal-Mulej
It-Tifħir Lilek Kristu.

 


 

Tema: Nidħlu fil-Patt taż-Żwieġ bejn Kristu u l-Umanità.

KKK: 1335,1612-1617,2618..

Objettiv:  Ara pp.1-2 hawn fuq.

 

1. Talba tal-Bidu: Wara l-eżerċizzju tal-Preżenza ta’ Alla u Kant tal-Bidu, it-Talba lill-Ispirtu s-Santu, jew talba oħra spontanja mill-Animatur.

 

2. L-Esperjenza -  Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja (fil-gruppi ż-żgħar)

Wara ħin ta’ skiet ngħaddu biex nirrifletu x’qiegħed jgħidilna Alla fl-esperjenza ta’ ħajjitna:  Xi jfisser Ġesù għalina? B’liema titlu nħobbu nitkellmu fuqu?

 

3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju (fi-grupp il-kbir)

Wara li nisimgħu l-esperjenzi, naqraw bil-mod is-silta tal-Evanġelju:

 Ġw 2,1-11: Id-dixxipli raw il-glorja tiegħu u emmnu fih.

Fis- skiet, nistaqsu: X’qed jgħidilna l-Mulej, dwar l-esperjenzi tagħna?

 

Nieħdu r-reazzjonijiet, imbagħad niċċarawhom b’riflessjonijiet mill-librett tal-Mixja tal-Fidi ma’ l-Assemblea tal-Ewwel Ħadd.

 

1. “Fis-sitt jum”, Alla ħalaq il-bniedem “fuq xbihietu, raġel u mara” (Ġen 1,26-31). Hekk intemm ix-xogħol tal-Ħolqien.  Fir-rakkont tat-Tieġ ta’ Kana fis-sitt jum, l-umanità l-ġdida tal-“ħolqien il-ġdid” issir dixxipla ta’ Ġesù u temmen fih. Il-qalba ta’ din l-umanità l-ġdida se jkun il-Patt taż-żwieġ li Ġesù nnifsu, il-Ħaruf-Għarus, jissiġilla b’demmu (Apok 19,5-9).

 

Ġesù hu l-veru Għarus tal-umanità. It-tieġ fil-Bibbja sikwit kien ifisser il-Patt ta’ Alla mal-poplu (ara l-Ewwel Qari). Fit-tieġ ta’ Kana jissemma l-għarus, imma ma tissemmiex Fejn hi l-Għarusa? “Omm Ġesù”, f’dan l-episodju, għandha valur simboliku; Marija tirrappreżenta lil dawk li baqgħu fidili jistennew li jseħħu l-wegħdiet tal-Patt il-Qadim, u hekk saru l-Poplu l-Ġdid ta’ Alla, “l-Għarusa mart il-Ħaruf” (ara l-Ewwel Qari u Apok 21,9).

 

2. Id-djalogu bejn Ġesù u Marija. Marija hija l-Mara l-Ġdida, li tħares lejn ir-rabta ta’ Alla ma’ l-umanità b’għajnejn ġodda u tintebaħ b’dak li l-oħrajn ma jintebħux bih. Il-Patt il-Qadim spiċċa, kien żvojta. Issa l-ġarar kienu vojta, jistennew li jimtlew bl-inbid tal-Patt il-Ġdid. Is-siegħa ta’ Ġesù kienet is-siegħa tas-salib. F’Kana Ġesù biddel l-ilma fl-inbid, fis-siegħa tiegħu biddel l-inbid f’demmu. 

 

3. “Kull ma jgħidilkom agħmluh.”  Marija kienet temmen f’Binha qabel ma għamel il-miraklu; kienet temmen li Ġesù se jġib l-imħabba li għandha l-qawwa li tibdel u ġġedded kollox[1]. Id-dixxipli, min-naħa tagħhom, emmnu fih wara li raw is-sinjal. Marija hija l-bidu tal-Komunità-Għarusa, dixxipla ta’ Ġesù, mudell tal-Poplu l-Ġdid ta’ Alla, li jemmnu f’Ġesù u jagħmlu kull ma jgħidilhom (ara l-Ewwel Qari).

 

L-inbid fl-Iskrittura huwa simbolu tal-imħabba[2]. Fis-siegħa tiegħu Ġesù se juri s-simbolu tal-imħabba definittiva, “sa l-aħħar”, li għad tidher fis-“siegħa” tiegħu (ara Ġw 13,1), li għad tkun il-karatteristika ewlenija tal-Poplu l-Ġdid ta’ Alla (ara Ġw 14,35). Mela min huma ”l-ġarar tal-ħaġar”, iebsa u vojta, jistennew l-inbid abbundanti tal-imħabba?  

 

4. Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja  tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. Aħna qegħdin ngħixu fi żmien tal-inbid il-ġdid. Din hi s-siegħa ta’ Ġesù. Dawk li “jagħmlu dak li jgħidilhom  hu” jsiru damiġġani ġodda lesti li  jilqgħu b’abbundanza l-Ispirtu tiegħu (ara t-Tieni Qari). Aħna lkoll, minn mistiedna ġejna msejħin biex insiru l-Għarusa - li bħal Marija, Omm Ġesù, “timbotta” l-Għarus fuq quddiem biex jimla “l-ġarar vojta” ta’ żmienna.

 

5. Fit-Tieġ ta’ Kana, Ġesù “wera l-glorja tiegħu” mhux fit-Tempju jew b’riti, imma f’ċirkustanza “profana” ta’ festa tat-tieġ, f’ċirkustanza ta’ ferħ. Meta “waslet is-siegħa” tiegħu[3], wera l-glorja tiegħu fuq is-salib. Min jemmen f’Ġesù jrid ikun kapaċi jara l-glorja tiegħu mhux biss f’okkażjonijiet  straordinarji, lanqas biss fir-riti tal-liturġija, imma wkoll fil-ħajja ta’ kull jum. U jrid ikun kapaċi wkoll jintebaħ bil-bżonnijiet urġenti ta’ ħutu u jagħti glorja lil Alla billi jieqaf magħhom.

 

L-Ispirtu ta’ Alla jaħdem f’kulħadd, għalkemm mhux f’kulħadd bl-istess mod (ara t-Tieni Qari tal-lum). Tkun Nisrani jfisser li tara l-glorja u r-rigal ta’ Alla f’kull bniedem. Mela għaliex naraw tant rivalità u tilwim fil-Komunità Nisranija? Kif nistgħu nissuperaw dan?

 

Aħna għandna rabta intima ma’ Ġesù l-maħbub, tant li nsiru “ġisem wieħed” miegħu, bħar-rabta intima bejn raġel u mara fiż-żwieġ? Nistgħu nikkuntentaw billi sempliċiment “nitgħallmu” fuq Ġesù, flok nitgħallmu lil Ġesu?

 

Marija, omm Ġesù tgħidilna: “Kull ma jgħidilkom agħmluh.” Jista’ jkun li għandna bżonn nisimgħu “Leħen il-Maħbub”[4], naqrawh, nixtarruh, niggustawh u nqiegħdu fil-prattika dak li jgħidilna? Jista’ jkun li anki r-riti tal-Liturġija tagħna, saħansitra s-sagramenti, isiru “riti vojta”? Kif  nistgħu nevitaw li jsir dan?

 

4. Azzjoni: Wara din ir-riflessjoni, irridu nirranġaw jew inżidu xi ħaġa ma’ dak li ħsibna qabel? X’qed jgħidilna nagħmlu issa? Ara l-mistoqsijiet fil-Librett pp.14-15.

 

Għeluq: Nagħlqu b’talb spontanju, il-Missierna u l-Għotja tal-Paċi. 


[1] Ara Apok 21,8.

[2] Ara l-Għanja tal-Għanjiet 1,2; 7,10; 8,2

[3] Ara Ġw 12,27; 13,1; 17,1

[4] Dun Ġorġ Preca kien isejjaħ il-Kelma ta’ Alla fl-Iskrittura “Leħen il-Maħbub”.