|
Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija. FERĦ LI JAĦSEB F’ĦADDIEĦOR |
|
|
Sena C - IT-TIELET ĦADD TAL-AVVENT
L-EWWEL QARI -
Sof 3,14-18a
SALM RESPONSORJALI - Is 12,2-6
Alla hu s-salvazzjoni tiegħi;
Għannu lill-Mulej, sejħu lil ismu,
Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
IT-TIENI QARI -
Fil 4,4-7
HALLELUJAH
L-EVANĠELJU - Lq 3,10-18
|
BIEX TGĦIX L-EVANĠELJU MATUL IL-ĠIMGĦA
1. Il-Preżenza ta’ Alla: “Ejja Spirtu s-Santu”. 2. L-Esperjenza - Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja: In-nies ta’ żmienna, l-aktar f’dawn il-ġranet, ifittxu li jifirħu. Il-mexxejja jawguraw il-paċi u l-prosperità. Jista’ jkun hemm paċi fost in-nazzjonijiet u fl-istess ħin tant inġustizzja, differenzi fil-livelli tal-ħajja, qsim ħażin tal-ġid ta’ din l-art? U f’pajjiżna, x’qed jiġri u x’nistgħu nagħmlu? 3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju: Aqra bil-mod is-silta mill-Evanġelju: Lq 3, 10-18: Il-ferħ fil-bini tal-istorja l-ġdida tal-bniedem. Wara ħin ta’ skiet, aħseb u staqsi: X’qed tgħidili, Mulej, fuq l-esperjenzi tiegħi? Fl-Evanġelju ta’ San Luqa jispikka b’mod speċjali l-ferħ ta’ Alla, salvatur tal-bnedmin kollha - ferħ li jittieħed u jnissel f’min isibu l-urġenza li jagħmel kollox biex iwieġeb: “In-nies kienu jmorru bi ħġarhom għand Ġwanni biex jgħammidhom” (Lq 1,7). Il-poplu kien jistenna li fl-aħħar tiġi s-Saltna ta’ Alla. Billi ma kienx isib għajnuna mill-kapijiet “uffiċjali”, beda jfittex il-mod tiegħu kif jiskopri mill-ġdid il-missjoni tiegħu bħala poplu ta’ Alla. Ġwanni l-Battista, u warajh Ġesù ta’ Nazaret, bdew iħabbru li s-Saltna ta’ Alla waslet - mhux fis-sens li waslet f’dak il-mument, imma fis-sens li kienet ġa preżenti. Dak li kulħadd kien qed jistenna kien ġa wasal u kien qiegħed fost il-poplu, l-aktar fost il-poplu tal-fqar. Imma ħadd ma kien qed jintebaħ (Lq 17,21). Għal tliet darbiet fis-silta tal-lum nisimgħu l-mistoqsija tal-poplu, “Mela x’għandna nagħmlu?” Din kienet ukoll il-mistoqsija ewlenija li kienu jagħmlu dawk li kienu jippreżentaw ruħhom għall-magħmudija fl-ewwel komunitajiet Insara (ara Atti 2, 37). Hija mistoqsija importanti għalina wkoll, jekk tassew irridu nidħlu f’mixja ta’ konverżjoni u ta’ maturità fil-fidi li rċevejna fil-Magħmudija. Ġwanni kien iwiegeb bis-silta li naqraw fl-Evanġelju tal-lum: Alla kien qed jesiġi konverżjoni minn kulħadd. Is-salvazzjoni tad-dinja trid tibda bil-konverżjoni personali ta’ kull wieħed u waħda minna. Ġwanni jipproponi tliet kondizzjoniet bażiċi, speċi ta’ programm u stil ġdid ta’ ħajja, mod ġdid kif il-bnedmin jibdew jgħixu u jġibu ruħhom flimkien. Hekk jieħdu sehem fil-bini ta’ storja ġdida, is-Saltna ta’ Alla: jaqsmu bejniethom il-ġid li Alla tahom; jaħdmu b’sens ta’ ġustizzja bejn bniedem u ieħor; u jinqatgħu l-abbużi minn dawk li għandhom is-setgħa. Il-qsim bejnietna l-bnedmin tal-ġid tal-ħolqien huwa l-ewwel ħtieġa fil-binja ta’ storja ġdida u ta’ soċjetà ġdida, differenti mis-“soċjetà l-qadima”, mibnija fuq il-qligħ bl-ingann u l-akkumulu tal-ġid żejjed li jfaqqar lil min m’għandux.Dan ma jfissirx sempliċiment li “nagħtu xi karita’”. Il-messaġġ ta’ Ġwanni ma jagħlaqx in-nies fihom infushom jew fi gruppi mifrudin mill-bqija tal-bnedmin. Iż-żewġ tweġibiet l-oħra Ġwanni jindirizzahom lil dawk li kellhom kuntatt mas-setgħana: Il-pubblikani u s-suldati li kienu jakkumpanjawhom kienu fost l-aktar nies li jkasbru d-drittijiet tal-bniedem. Lill-pubblikani Ġwanni jgħidilhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iktar milli jkollkom tieħdu”. Lis-suldati Ġwanni wriehom li bl-abbuż tas-setgħa ma tinbeniex soċjetà ġdida: “Tisirqu ’l ħadd bit-theddid u bir-rapporti foloz.” Il-programm ta’ ħajja li Ġwanni l-Battista kien jippreżenta qajjem it-tamiet messjaniċi tal-poplu. Tant li bdew jistaqsu jekk kienx hu l-Messija. Iżda Ġwanni jistqarr li l-missjoni tiegħu kienet biss ta’ “prekursur”, wieħed li jiftaħ it-triq u jħabbar iż-mien il-ġdid tal-miġja tas-Sultan: “Ġej min hu aqwa minni - Jien ma jistħoqqlix inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.” “Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.” Huwa Ġesù li flimkien mal-poplu li jimxi warajh se jġib bidu ġdid u soċjetà ġdida. Huwa għandu l- Ispirtu l-Ġdid, dak li jikkomunika l-istess qdusija ta’ Alla. Ilkoll nafu li ħadd m’għandu l-ħila jġib din il-konverżjoni bil-ħila tiegħu stess. Għalhekk jenħtiġilna l-qawwa tal-Ispirtu u n-nar tal-Kelma ta’ Alla. L-Ispirtu s-Santu ta qawwa u mexa ma’ Ġesù fil-missjoni tiegħu. Hekk ukoll iqawwi lil kull bniedem li jagħżel lil Ġesù b’mudell ta’ ħajtu biex jimxi warajh. Il-miġja ta’ Ġesù ġġib ġudizzju fuq id-dinja, jixbah lil bidwi li ‘jderri l-qiegħa tiegħu” biex jifred il-qamħ mit-tiben. Wasal iż-żmien li l-bnedmin jagħżlu. Id-dinja tinbidel meta ninbidlu aħna. U aħna nibdew ninbidlu u nimpenjaw ruħna biex inbiddlu, fil-mument li nintebħu li mhux kollox sew, ġo fina u madwarna. Jista’ jkun li aħna nħossuna komdi fi stil ta’ ħajja li ma jaqbilx mal-Evanġelju. Jew moħħna mistrieħ bit-tagħlim ta’ tfulitna u r-reliġjożità li tlajna biha. Jew. bħall-Fariżej ta’ żmien Ġesù, bnejna ħajjitna fuq il-ħila tagħna jew fuq sigurtà falza ta’ faċċati u osservanza ta’ liġijiet. Jista’ jkun li nibqgħu passivi quddiem l-uġigħ tal-foqra ta’ madwarna. Biex nilqgħu l-Messija f’ħajjitna, ilkoll nenħtieġu li nitilqu s-sigurtajiet tagħna u dak kollu li kien qed jagħlqilna qalbna u moħħna u niftħu qalbna beraħ lejn is-Saltna li l-Mulej irid li sseħħ fostna. 4. Konverżazzjoni/Azzjoni: Xi tridni nagħmel, Mulej? Xi tridni nbiddel? 1. Min huma llum, fil-Knisja u barra mill-Knisja, il-"Ġwannijiet" li jħejju l-miġja tal-Mulej? X’qed jgħidulna? 2. Nistgħu nilqghu tassew lil Ġesù jekk ma nħejjux ruħna għall-miġja tiegħu? Kif nagħmlu dan? 5. Għeluq: Agħmel talba spontanja u itlob “Il-Missierna”.
|