|
KONVERŻJONI: DEĊIŻJONI SERJA U URĠENTI |
|
|
Sena C - IT-TIELET ĦADD TAR-RANDAN Is-solidarjetà ta’ Alla u l-impenn tagħna. L-Ewwel Qari: Eż 3,1-8.13-15: Alla jimpurtah, Alla qrib il-poplu waqt it-tbatija. It-Tieni Qari: 1Kor 10,1-6.10-12: Alla qrib, imma l-poplu għandu jikkopera. L-Evanġelju: Lq 13, 1-9: Alla ħanin, imma l-ħniena tiegħu ma tagħmilx frott, jekk ma nikkonvertux.
L-EWWEL QARI -
Eż
36, 23-26
SALM RESPONSORJALI - Salm 102
Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej.
Il-Mulej jagħmel is-sewwa
Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,
IT-TIENI QARI -
1Kor 10, 1-6, 10-12
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
L-EVANĠELJU - Lq 13, 1-9
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.
|
Is-silta tal-Evanġelju tal-lum tirrakkonta mument fil-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm: “Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (Lq 9,51). San Luqa jagħmel minn dan il-vjaġġ mixja teoloġika ta’ ħelsien. Filwaqt li Ġesù miexi “b’rieda sħiħa” lejn it-tmiem tal-proġett ta’ ħajtu, sejrin nintebħu min se jissieħeb miegħu u min se jkun ta’ tfixkil. F’Ġerusalemm, Ġesù jiġi miċħud saħansitra minn ta’ madwaru u jiġi milqugħ minn dawk li bħalu huma mwarrbin. Iżda minn Ġerusalemm, il-belt fejn l-Iben ta’ Alla ġie assassinat, il-Bxara t-Tajba tal-imħabba ta’ Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla, se tinfirex mad-dinja kollha. B’hekk se tidher il-ħniena infinita ta’ Alla lejn il-bnedmin kollha u mhux biss lejn Iżrael. F’dan is-sens, il-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm jagħtina stampa tal-ġudizzju ta’ Alla: kull bniedem se jkollu jieħu pożizzjoni quddiem l-offerta tal-imħabba bla tarf ta’ Alla, u skond il-pożizzjoni li jieħu titkejjel ħajtu: “Jekk ma tikkonvertux, ilkoll tintilfu.” Il-mixja ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm se ttemm il-mixja ta’ Alla mal-poplu tiegħu fi tbatijietu, Alla ħanin, solidali mal-bniedem, Alla li jinżel biex isalva (ara l-Ewwel Qari). F’din il-perspettiva San Luqa jagħtina is-silta tal-Evanġelju tal-lum, billi joħloq kuntrast bejn dak li kienu jaħsbu n-nies ta’ żmienu dwar l-imġiba ta’ Alla mal-midneb, u x-xbieha ta’ Alla li tana Ġesù f’ħajtu u f’mewtu fuq is-salib - Alla ta’ sabar u ħniena bla tarf, solidali għal kollox mat-tbatija tal-bniedem. Ġesù ħa l-okkażjoni tat-traġedji li seħħu f’Ġerusalemm, li kellha tkun il-post ukoll tal-martirju tiegħu, biex juri li l-veru traġedja tal-poplu ġrat meta ma għarafx il-preżenza u s-sejħat li għamillu Alla permezz tiegħu. Dan huwa fil-fatt id-dnub, it-traġedja vera ta’ kull bniedem; u dan kollu “inkiteb bi twissija għalina”. Għalhekk għandna nikkonvertu. Is-silta tinqasam fi tliet partijiet: - Il-ġrajja ta’ żewġ traġedji fi żmien Ġesù; - il-kliem ta’ Ġesù jistieden lil ta’ madwaru jirriflettu fuq dawn il-ġrajjiet; - sejħa għall-impenn permezz tal-parabbola tas-siġra tat-tin.
1. Alla quddiem it-traġedji tal-bniedem. Fi żmien Ġesù kienet tiddomina t-teoloġija tar-retribuzzjoni: min jagħmel id-dnub irid iħallas għalih; it-traġedji tal-bniedem kienu meqjusa bħala kastigi ta’ Alla. Din il-mentalità kienet toffri kenn komdu għall-imġiba tal-Kittieba u l-Fariżej. Dawn kienu jqisu lilhom infushom tajbin, u għalhekk bir-raġun igawdu l-ġid kollu ta’ Alla; imma kienu jqisu lill-kotra tal-poplu komuni, lill-foqra u l-imwarrbin, “injuranti u midinbin” (ara Ġw 7,49), u għalhekk ħaqqhom il-kastigi kollha ta’ Alla, mard, faqar u tbatija. Ġesù jurina li l-ġudizzju ta’ Alla mhux hekk. Mhux hekk iħares Alla lejn il-bnedmin. Alla ma jivvendikax ruħu mill-midneb. Alla hu grazzja, mogħtija lil kulħadd b’xejn. L-Evanġelju jsemmi żewġ traġedji li kienu ħasdu lil-Lhud fi żmien Ġesù. L-ewwel waħda x’aktarx kienet ġrat fi żmien Pilatu, meta ried jibni akwedott u pprova jieħu mit-teżor tat-Tempju għall-ispiża tal-bini. Dan qajjem ir-rabja ta’ grupp li marru Ġerusalemm mill-Galilija, reġjun fejn in-nies sikwit kienu jirvellaw kontra l-ħakma tar-Rumani; u Pilatu ordna lis-suldati jattakkawhom waqt li kienu fil-bitħa tat-Tempju, proprju fil-ħin tas-sagrifiċċju. It-traġedja l-oħra ma nafu kważi xejn dwarha, imma ssemmi tmintax-il ruħ li waqa’ fuqhom it-Torri ta’ Silwam u qatilhom. Ġesù jistieden lil ta’ madwaru biex jirriflettu: “Mela dawn kienu qed jagħmlu xi ħaġa ħażina? It-traġedji li jiġru huma kastigi ta’ Alla?”
2. Ix-xbieha ta’ Alla ta’ Ġesù Kristu Il-Qari tal-lum jagħtina xbieha differenti ta’ Alla. Alla mhuwiex vendikattiv, imma joffri u jerġa’ joffri l-grazzja tal-konverżjoni u l-maħfra. Mela xi jridu jgħidulna it-traġedji li nisimgħu bihom? Huma stedina biex il-bnedmin jagħrfu r-reponsabbiltajiet tagħhom u jmiddu idejhom biex jieħdu sehem fil-proġett ta’ Ġesù għall-ħajja u l-ħelsien tal-bnedmin. Fid-deżert fejn kien jirgħa l-merħla, il-Mulej kellem lil MoseÏ fil-ħuġġieġa tal-għollieq u wrieh li hu Alla fil-qrib, Alla li jimpurtah, Alla li jħares u jara t-tbatijiet tal-Poplu, jisma’ l-krib tagħhom, jagħraf l-uġigħ tahom, u jinżel biex isalvahom (ara l-Ewwel Qari). Alla jrid ikun preżenti (Jahweh), jidħol fl-istorja tal-bniedem biex jibdilha u jagħmilha mill-ġdid xi ħaġa sabiħa. Iżda Alla jrid isejjaħ bnedmin biex isalvaw il-bnedmin. Għalhekk sejjaħ u bagħat lil MoseÏ. Għalhekk bagħat lil Ibnu: Alla hekk ħabb lid-dinja. . . (Ġw 3,16). U għalhekk ukoll jibgħat lilna. Fil-Kredu, aħna nistqarru: Niżel mis-smewwiet, għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna, u sar bniedem, bata, miet u difnuh. F’Ġesù Alla wriena li hu solidali mal-bniedem, l-aktar mal-fqir u l-batut, u lest li jmut biex jeħilsu. F’Ġesù Alla niżel “sal-qiegħ tal-art” u sar bħalna f’kollox barra mid-dnub. F’Ġesù Alla ried jaqsam magħna t-tbatijiet tagħna kollha u sa l-aħħar. Għalhekk f’Ġesù nsibu l-ikbar wegħda u fl-istess ħin l-ikbar turija ta’ mħabba ta’ Alla, ħanin u solidali mal-bnedmin. Iżda biex ngħixu din il-wegħda jenħtiġilna nagħmlu bidla fil-mentalità tagħna, konverżjoni, lejn Ġesù u lejn il-proġett ta’ ħajtu. Dawk li jemmnu fil-wegħda ta’ Ġesù u jikkonvertu tassew jagħmlu l-esperjenza tal-vera ħajja; dawk li jirrifjutaw jitwarrbu huma stess mill-ħajja vera - u jsiru kompliċi ta’ tant imwiet, kompliċi wkoll tal-mewt ta’ Ġesù - u hekk iġibu fuqhom infushom il-ġudizzju ta’ Alla. L-akbar traġedja tal-bniedem hi meta ma jintebaħx b’Alla f’ħajtu u ma jweġibx għas-sejħat tiegħu, kif naraw mill-parabbola tal-lum.
3. Alla għani fil-ħniena u t-tjieba, ġeneruż u ta’ sabar bla tarf Il-parabbola tas-siġra tat-tin tirrakkonta l-istorja twila tas-solidarjetà u s-sabar ta’ Alla mal-bnedmin. Iżda s-sabar ta’ Alla ma jagħmilx frott mingħajr il-koperazzjoni tal-bnedmin infushom. Is-siġra tat-tin hija waħda mis-siġar l-aktar komuni u “ġenerużi” fil-Palestina (u f’Malta). M’għandhiex bżonn ħafna kura, tagħti frott abbundanti u bnin, u għandha ħajja twila, kull sena tagħti frott ġdid. Ħafna drabi ssibha fejn hemm id-dwieli, is-simbolu l-aktar espressiv ta’ Iżrael, hekk li t-tina wkoll hi xbieha tal-poplu magħżul. Is-Sid li ħawwel u mar ifittex il-frott huwa Alla: Alla nnifsu kien ħawwel il-poplu magħżul fl-għalqa tad-dinja, bil-ħsieb li bix-xiehda ta’ ħajjithom jagħtu l-frott ta’ ħajja vera u ta’ ħelsien veru lill-ġnus kollha. Il-bidwi huwa Ġesù; it-tliet snin ta’ stennija għall-frott jistgħu jkunu it-tliet snin li matulhom Ġesù, b’ħajtu u bil-kelma tiegħu wassal il-Bxara t-Tajba f’pajjiżu. Wieħed kien jistenna li, wara tliet snin ta’ ħajja u predikazzjoni qawwija ta’ Ġesù, il-poplu jagħti l-frott. La darba s-Sid, fi tmiem it-tliet snin, fittex il-frott u ma sabux, is-siġra l-qadima ma setgħetx tibqa’ “tkidd l-art” aktar. Madankollu “l-bidwi”, jgħid lis-Sid: “Inti ħalliha, Sinjur, għal din is-sena sa ma ngħażqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħti l-frott. Jekk le, aqlagħha.” “Is-siġra” kienet tassew oġġett ta’ kura speċjali, għax il-bdiewa kollha jafu li ma hemmx għalfejn iddemmel it-tina! Jista’ jkun li San Luqa qed jirreferi għaċ-ċaħda sistematika tal-Evanġelju mill-mexxejja politiko-reliġjużi Lhud, anki wara l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, kif insibu fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli. Din hija l-vera traġedja tal-poplu ta’ Alla, li tista’ tiġri lilna wkoll, kemm bħala individwi u kemm bħala Komunità. Wara mijiet ta’ snin ta’ tħejjija, il-poplu magħżul ċaħad u baqa’ jiċħad lill-Iben ta’ Alla. Alla jinvesti fil-bniedem aktar milli naħsbu. Il-ħniena u s-sabar tiegħu jmorru bil-wisq ’il hinn milli wieħed jistenna. Imma l-kura u l-imħabba kollha ta’ Alla ma jistgħux jagħtu frott mingħajr l-impenn tal-bniedem innifsu. Dan kollu jħallilna l-mistoqsija miftuħa: Is-solidarjetà li juri Alla mal-bnedmin se ssib tweġiba xierqa fil-ħajja tagħna?
L-Evanġelju għal ħajjitna llum 1. Skond ix-xbieha li jkollhom ta’ Alla, il-bnedmin iġibu ruħhom bl-istess mod ma’ xulxin. Dawk li jimxu fuq ix-xbieha ta’ Alla vendikattiv, jibqgħu indifferenti quddiem it-tbatijiet u t-traġedji ta’ ħuthom; jikkundannaw kollox u lil kulħadd; flok aħwa jsiru għedewwa ta’ xulxin; u fl-aħħar mill-aħħar iġibu b’idejhom traġedji ta’ firdiet u mewt. Dawk li jimxu fuq ix-xbieha ta’ Alla solidali mat-tbatija tal-bniedem jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għall-ħelsien veru u għall-ħajja bil-kotra tal-bnedmin kollha; u jingħaqdu ma’ Ġesù fil-bini ta’ dinja ta’ aħwa.
2. F’soċjetà u kultura mibnija fuq l-individwaliżmu bħal ta’ żmienna, traġedji u tbatijiet ta’ ħutna fil-bżonn nisimgħu bihom kuljum u ftit jaffettwaw lil ħajjitna; għalhekk ftit li xejn jimpurtana. U nqattgħu ħajjitna nixxennqu, inparlaw u ngergru, bħalma għamel il-poplu ta’ Alla fid-deżert; ħajja sterili, bla frott, bħas-siġra tat-tin tal-Evanġelju. Iżda, jekk “inneħħu l-qorq” issikkat li lbisna, malajr nintebħu li l-ġrajjiet ta’ kuljum huma l-post qaddis, fejn Alla jkellimna, juri lilu nnifsu u jsejħilna. Il-konverżjoni tagħna u l-mixja tagħna wara Kristu ma tistax tibqa’ fl-arja jew magħluqa fit-tempju. Il-qdusija tagħna trid tagħti l-frott billi naraw fil-ġrajjiet ta’ kuljum is-sejħat ta’ Alla u nwieġbu bis-solidarjetà tagħna ma’ ħutna l-bnedmin. San Pawl illum ifakkarna li l-liberazzjoni tagħna tikkonsisti f’li naqlibu moħħna billi ninżgħu l-ideat pagani tal-kultura li hawn fid-dinja llum u nilbsu l-ideat ta’ l-Evanġelju. Hekk biss tieħu tifsira siewja l-Magħmudija li ħadna meta konna żgħar.
3. L-Evanġelju jwissina fuq il-bżonn urġenti tal-konverżjoni Dan hu l-isem il-ġdid ta’ l-Eżodu, mhux iżjed minn art għal oħra, imma minn stil ta’ ħajja għal ieħor. Mhux biss kulħadd huwa msejjaħ jibdel l-istil ta’ ħajtu, imma kulħadd jista’ jinbidel jekk irid! Meħtieġa l-koperazzjoni tagħna mal-opra ta’ konverżjoni li lest jagħmel Alla fina.
MISTOQSIJIET 1. Matul ir-Randan niċċelebraw is-solidarjetà li Alla wera u jkompli juri magħna f’Ġesù Kristu. Imma aħna qegħdin ngħixu fil-prattika din is-solidarjetà ma’ ħutna fil-bżonn?
2. Illum x’jista’ jkun il-“frott” li Alla jistenna minna, kemm bħala individwi u kemm bħala Komunità? X’hemm “x’tiżbor” f’ħajtna biex nimpenjaw ruħna bis-serjetà lejn min hu fil-bżonn? X’hemm “x’tiżbor” fil-Komunità Nisranija tagħna? U x’hemm “x’tiżbor” fis-socjetà li qed ngħixu fiha?
3. Kull bniedem jistenna li jkun rispettat u stmat bħala persuna, ikun xi jkun il-kulur, razza jew reliġjon; u dan jaqbel mal-proġett ta’ Alla. Kif nistgħu nkunu fidili lejn dan il-proġett, u kif nistgħu ma nkunux?
|