|
L-ISPIRTU TAL-MULEJ, FUQI
|
||||
|
IT-TIELET ĦADD MATUL IS-SENA - Sena Ċ
L-EWWEL QARI - Neħ 8, 2-4a, 5-6, 8-10 Qari mill-Ktieb ta’ Neħemija.
F’dak iż-żmien: Esdra l-qassis ġieb il-ktieb tal-Liġi
quddiem il-ġemgħa, irġiel u nisa, u quddiem kull min seta’ jisma’ u
jifhem.
SALM RESPONSORJALI - Salm 18
Qari mill-1 Ittra ta’
San Pawl Appostlu lill-Korintin.
HALLELUJAH
L-EVANĠELJU - Lq 1, 1-4; 4, 14-21
Bidu ta’ l-Evanġelju
ta’ San Luqa.
|
Tema: Insiru profeti ma’ Kristu l-Profeta. KKK: 436,713-716,783-785,1286-12887.Objettiv: Ara pp.1-2 hawn fuq.1. Talba tal-Bidu: Wara l-eżerċizzju tal-Preżenza ta’ Alla u Kant tal-Bidu, it-Talba lill-Ispirtu s-Santu, jew talba oħra spontanja mill-Animatur.
2. L-Esperjenza - Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja (fil-gruppi ż-żgħar) Wara ħin ta’ skiet ngħaddu biex nirrifletu x’qiegħed jgħidilna Alla fl-esperjenza ta’ ħajjitna: X’tifhem bil-kelma “missjoni”? Taħseb li int għandek “missjoni”? Taf x’inhi? Il-grupp tagħna għandu “missjoni”?
3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju (fi-grupp il-kbir) Wara li nisimgħu l-esperjenzi, naqraw bil-mod is-silta tal-Evanġelju: Lq 4,14-21: Il-missjoni u l-programm ta’ Ġesù.Fis- skiet, nistaqsu: X’qed jgħidilna l-Mulej, dwar l-esperjenzi tagħna?
Nieħdu r-reazzjonijiet, imbagħad niċċarawhom b’riflessjonijiet mill-librett tal-Mixja tal-Fidi ma’ l-Assemblea tal-Ewwel Ħadd. Fil-Handouts insibu ġabra f’punti fil-qosor.
1. Ġesu,Ï bil-qawwa ta’ l-Ispirtu, ġie fil-Galilija. Ġesù nxteħet fost il-poplu, jaqsam ħajtu mal-bqija tan-nies imwarrba, iqajjem fihom it-tama ta’ ħajja ġdida: “Kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd”. Minn hawn ’il quddiem l-Ispirtu kompla jidher fil-ħajja u l-ħidma ta’ Ġesù nnifsu. Jerġa’ jissema fl-Atti tal-Appostli: Ġesù rebbieħ fuq il-mewt ikompli l-ħajja u l-missjoni tiegħu fid-dinja kollha permezz tal-preżenza tiegħu fil-Komunità tad-dixxipli.
2. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin”. Din il-proklama tiġbor il-proġett kollu tal-ħajja ta’ Ġesù, x’kien l-iskop ta’ ħajtu u min kienu l-bnedmin li se jibbenefikaw minnha. Il-programm ta’ Ġesù jibbenefika direttament lill-fqajrin. Min huma l-fqajrin? Ġesù mhux biss jagħmilha mal-foqra, imma wkoll jikxef l-għeruq tal-problema tal-faqar u tat-twarrib: l-isfruttar ta’ min hu dgħajjef u d-diskriminazzjoni (ara Lq 16, 20). Mill-għonja Ġesù jesiġi konverżjoni. Għal Alla l-għana mhix importanti, jekk mhux biex tingħata u tinqasam (ara l-Ewwel Qari u Lq 21,3). Għal Alla l-importanti hu li l-bnedmin isiru dixxipli ta’ Ġesù u jħaddnu stil ta’ ħajja jixbah lil tiegħu (ara Lq 18,22;19,8).
Ġesù ġie jħabbar “sena ta’ grazzja”. Ġesù kien jesiġi mhux biss li l-imwarrbin jinħelsu u jitfejqu, iżda wkoll tingħatalhom mill-ġdid id-dinjità tagħhom u jieħdu sehem f’soċjetà li llum insejħulha “inklussiva”. Din kienet aspett ieħor tal-proġett u l-programm ta’ Ġesù; u kienet parti essenzjali mill-evanġelizzazzjoni, ix-xandir ta’ l-Aħbar it-Tajba tiegħu. L-evanġelizzazzjoni m’hijiex kliem, duttrina, kunċetti astratti, imma sejħa biex fil-prattika nimxu wara Ġesù u miegħu naħdmu biex il-bnedmin l-aktar imwarrbin u mfaqqrin jerġgħu jgawdu l-ħajja u d-dinjità sħiħa li tixirqilhom
3. Fil-Magħmudija u l-Griżma Ġesù sejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex inkunu profeti miegħu. Ilkoll irċevejna l-Ispirtu s-Santu biex, imseħbin ma’ Ġesù, inxandru “l-Bxara t-Tajba lill-fqajrin. Illum nitkellmu dwar l-għażla “favur il-fqar”. Ġesù għamilha qabilna; u għandha tagħmilha l-Knisja u kull grupp fiha u kull Nisrani[1]. Huwa minn dan “mhux anqas mill-verità tat-tagħlim tagħha, li l-Knisja tkejjel il-fedeltà tagħha bħala Għarusa ta’ Kristu”[2].
Fil-konkret, xi tfisser tagħmel din il-għażla f’Malta u fid-dinja tal-lum? Kif tista’ tinħeles mill-għażla favur il-konsumiżmu, biex il-familji tagħna jkunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ stil sempliċi u aktar hieni?
4. Ġesù jurina li, biex inkunu nistgħu nagħmlu l-missjoni li jibgħatna nagħmlu, irridu l-ewwel inkunu dixxipli tiegħu u nħallu l-Ispirtu u l-Kelma tiegħu jibdluna, jikkonvertuna. Ġesù seta’ jxandar il-Bxara t-Tajba lill-fqar, għax hu nnifsu sar fqir. Seta’ jagħti l-ħelsien lill-imjassrin u lill-maħqurin, għax hu nnifsu kien bniedem għal kollox liberu minn kull irbit u xejn ma seta’ jżommu. Seta’ jagħti d-dawl lill-għomja, għax hu nnifsu kien jara fil-bogħod, il-viżjoni tiegħu kienet tmur ħafna ’l hinn mill-għeluq ta’ pajjiżu, u kellu għajnejn biex jintebaħ bil-bżonnijiet veri tal-bnedmin. Seta’ jniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej, għax hu nnifsu kien il-grazzja tal-Mulej lill-umanità.
Il-missjoni ta’ profeta għandha żewġ direzzjonijiet, waħda vertikali u l-oħra orizzontali. It-tnejn jitolbu mill-profeta nnifsu l-konverżjoni lejn Alla u l-ġustizzja mal-bnedmin. Nifhmu biżżejjed li dawn iż-żewġ dirgħajn tal-qdusija jimxu flimkien u waħda ma tistax tgħaddi mingħajr l-oħra? U kif se naslu biex inwettquhom?
5. Ġesù jġedded anki għal żminijietna s-sens tal-qari tal-Kotba Mqaddsa: “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu”. Kif inħarsu lejn il-Bibbja? Għal liema raġuni nużaw il-Kelma ta’ Alla? Ġesù jweġibna bil-programm ta’ ħajtu. Permezz tal-ħidma ħelliesa tiegħu hu sar ir-referenza għal kull min irid jifhem u jħaddan tassew il-Kelma ta’ Alla. Il-program-proġett ta’ Ġesù huwa wkoll tagħna. Biex inwettquh, jeħtieġ li nfasslu ħajjitna fuq il-messaġġ u l-prattika ta’ Ġesù. Jekk ma nagħmlux hekk, anki l-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja tista’ ssir ittra mejta.
4. Azzjoni: Wara din ir-riflessjoni, irridu nirranġaw jew inżidu xi ħaġa ma’ dak li ħsibna qabel? X’qed jgħidilna nagħmlu issa? Ara l-mistoqsijiet u s-suġġerimenti li nsibu fil-Librett p.20.
Għeluq: Nagħlqu b’talb spontanju, il-Missierna u l-Għotja tal-Paċi, Kant tal-għeluq.
|
|||