Mixja ta’ Fidi għall-Assemblea tal-Ħadd – Mis-Segretarjat għall-Katekeżi u s-Segretarjat għal-Liturġija.

ĠESU’ JWETTAQ IR-RIEDA TA’ MISSIERU

Sena C -

IR-RABA' ĦADD TAL-AVVENT

L-EWWEL QARI - Mik 5, 1-4a
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea.
 

Dan igħid il-Mulej: Int, Betlehem Efrata, l-iżgħar fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li għad isaltan fuq Israel; in-nisel tiegħu ġej minn żmien fil-bogħod, minn jiem imbiegħda ħafna. Għalhekk il-Mulej jitlaqhom weħidhom ’il niesu sa ma ’l dik li se teħles titwelldilha t-tarbija. Imbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura fost ulied Israel. U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, fis-sebħ ta’ isem il-Mulej Alla tiegħu. U huma jgħixu bi kwiethom, għax imbagħad is-setgħa tiegħu tkun xterrdet sat-trufijiet ta’ l-art. U dan ikun is-sliem.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu hajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 79


R/. Reġġagħna għal li konna, Mulej.

O Ragħaj ta’ Israel, agħti widen;
int li qiegħed fuq il-kerubini, iddi,
qajjem il-qawwa tiegħek,
u ejja ħa ssalvana.  R/.

Alla ta’ l-eżerċti, erġa’ ejja:
ħares mis-sema u ara,
u żur ’il din id-dielja.
Ħu ħsieb dak li ħawlet il-leminija tiegħek,
ir-rimja li kabbart għalik. R/.

Ħa tkun idek fuq il-bniedem tal-lemin tiegħek,
fuq il-bniedem li int qawwejt għalik.
Aħna ma nitbegħdux minnek;
aħjina, u aħna nsejħu ismek. R/.

 

IT-TIENI QARI - Lhud 10, 5-10
Qari mill-Ittra lil-Lhud


Ħuti: Kristu, meta daħal fid-dinja, qal: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int hejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx. Jien imbagħad għidt: Hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla, - kif fil-ktieb hemm miktub minni.”

L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, u vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u anqas għoġbuk,” għalkemm dawn titlobhom il-liġi; imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji ta’ l-ewwel, biex iqiegħed flokhom it-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna ġejna mqaddsin, permezz ta’ l-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

HALLELUJAH


Hallejujah. Hallelujah.
Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej;
ħa jsir minni skond kelmtek!
Hallelujah.

 

L-EVANĠELJU - Lq 1. 39-45
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef fuq il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.

 

BIEX TGĦIX L-EVANĠELJU MATUL IL-ĠIMGĦA  

 

1. Il-Preżenza ta’ Alla: “Ejja Spirtu s-Santu”.

2. L-Esperjenza:  Il-Kelma ta’ Alla fil-Ktieb tal-Ħajja:

X’nifmu meta ngħidu li nemmnu? Sikwit bil-kelma “fidi” nifhmu li taċċetta xi ħaġa li ma tistax tifhimha? Dan biżżejjed?

3. Il-Kelma ta’ Alla fl-Evanġelju: Aqra bil-mod is-silta mill-Evanġelju: Lq 1, 39-45: Is-salvazzjoni tibda fost il-fqar.

Wara ħin ta’ skiet, aħseb u staqsi: X’qed tgħidili, Mulej, fuq l-esperjenzi tiegħi?

San Luqa jinseġ iż-żewġ rakkonti - dak tat-tħabbira tal-Anġlu lil Marija u taż-żjara lil Eliżabetta - mal-esperjenza ta’ l-ewwel Insara, li laqgħu l-Kelma li tħabbritilhom mill-“messaġġiera” ta’ Alla  u   ħarġu jagħtu lil Ġesù lid-dinja ta’ żmienhom.

F’dan ir-rakkont għandna l-laqgħa ta’ żewġ ommijiet “foqra”. It-tnejn irċevew minn Alla l-grazzja tat-tnissil ta’ ħajja ġdida, meta ma setgħux ikollhom tfal. Għandna l-laqgħa wkoll ta’ żewġt itfal: Il-Prekursur u l-Messija, it-tnejn imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.

F’din il-ġrajja, it-Trinità Qaddisa daħlet fid-dar tal-fqar: il-Missier ħabbar lill-Marija bit-tnissil ta’ Ibnu u nebbaħha bir-rigal li ta lil Eliżabetta; u l-Ispirtu ta’ Alla nebbaħ lil Eliżabetta li “l-qaddejja tal-Missier” kienet saret “omm Sidi”. Il-fqar u l-imwarrbin tad-dinja huma l-ispazju li fih it-Trinità Qaddsa turi l-preżenza tagħha u tiġi tgħammar fostna.

“Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”.Fil-Bibbja, il-persunaġġi jbierku lil Alla u lil xulxin meta jilmħu f’xi ġrajja jew f’xi ħadd  il-preżenza ta’ Alla li jsalva. Fil-persuna ta’ Eliżabetta, bi Ġwanni fi ħdanha, it-Testment il-Qadim “bierek” lit-Testment il-Ġdid, l-umanità l-ġdida li bdiet tissawwar fil-ġuf ta’ Marija.

“Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”. Eliżabetta ferħet lil Marija u sejħitilha “Hienja” mhux biss għall-maternità fiżika tagħha, imma wkoll għax Marija “emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”. Matul l-Evanġelju ta’ San Luqa, Marija tidher bħala l-mudell tal-fidi għal min irid ikun dixxiplu tal-Mulej. San Luqa joħloq  kuntrast bejn Marija u Żakkarija. Fit-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni, Żakkarija “ma emminx” u l-anġlu qallu li se jibqa’ “mbikkem sa dak in-nhar li jiġri kull ma ħabbartlek” (Lq 1, 20) Marija  “emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”. L-għorrief tal-Knisja, f’|akkarija, jaraw l-atteġġament tal-poplu tar-Rabta l-Qadima, li spiss iddubita minn Alla u mill-wegħdiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, f’Marija, jaraw il-poplu l-ġdid ta’ Alla, li jemmen u jilqa’ bil-ferħ il-Kelma tal-Mulej.

Fl-Istorja tas-Salvazzjoni Marija tirrappreżenta lill-foqra u lill-imkasbra tad-dinja fl-aspirazzjoni tagħhom għall-ħelsien u l-ħajja, kif jixhed il-tifħir tagħha lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.” (ara s-Salm Responsorjali). Għadna fiż-żmien tal-Avvent; iżda San Luqa diġà beda jurina li l-foqra u l-imwarrbin, bħal Marija u Eliżabetta, huma l-post privileġġjat fejn aħna niltaqgħu ma’ Alla.   B’dan il-Kantiku l-ewwel komunitajiet Insara kienu jfaħħru lil Alla, li sema’ l-krib tal-foqra tiegħu, u ndaħal biex jagħti s-salvazzjoni lill-imwarrbin u lill-muġugħa mill-arroganza tas-setgħana u ta’ l-għonja. San Luqa jqiegħed dan l-innu fuq fomm Marija, għax f’Marija, aktar milli f’kulħdd, dehret it-tama u l-fiduċja fil-qawwa ta’ Alla favur il-foqra tiegħu.

Ir-rakkont kollu tal-Evanġelju tal-lum huwa  profetiku, mhux fis-sens li jħabbar il-futur, imma fil-veru sens ta’ profezija, jiġifieri d-denunzja ta’ kull ma hu ħażin u korrott fid-dinja, u t-tħabbira tat-tiġdid. Ir-rakkont tal-Evanġelju qed “iħabbrilna” dak li kien ġa beda jidher fil-ħajja tal-ewwel komunitajiet tal-Insara. U dak li jrid jidher fina lkoll, kemm personalment u kemm bħala Komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù. Is-salvazzjoni ta’ Alla ma tistax iżżommha magħluqa ġo fik. U lanqas ma tista’ żżommha magħluqa fl-attivitajiet ta’ ġol-knisja.

Marija xandret l-Aħbar it-Tajba (evanġeliżżat), billi marret iżżur u taqdi lil Eliżabetta. Dawn iż-żewġ kwalitajiet - il-qadi u s-solidarjetà - jridu jidhru f’kull dixxiplu u dixxipla: attenzjoni sħiħa għall-Kelma ta’ Alla; u li din l-attenzjoni tissarraf f’qadi bla kundizzjoni b’risq min hu fil-bżonn, kif naraw fil-ħajja tal-ewwel Insara fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli.

Fuq l-eżempju ta’ Marija, aħna wkoll “nevanġelizzaw” lid-dinja ta’ żmienna, billi “nkunu l-qaddejja tal-Kelma rivelata u meta jkun meħtieġ ngħollu leħinna biex niddefendu lil dawk li huma l-aħħar. . . U billi nkunu profeti, li nikxfu bil-kuraġġ kollu d-dnubiet soċjali marbuta mal-konsumiżmu, l-edoniżmu, u ekonomija li toħloq differenzi inaċċettabbli bejn il-lussu u l-miżerja ta’ numru bla għadd ta’ għadd ta’ ‘Lazzri’.”

4. Konverżazzjoni/Azzjoni:  Xi tridni nagħmel, Mulej? Xi tridni nbiddel?    

1. Biż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta, l-Evanġelista jrid ifisser li t-tamiet tat-Testment il-Qadim se jitwettqu bil-miġja. Kif dawn it-tamiet jistgħu iseħħu fostna llum ukoll?  2. B’liema mod il-Knisja u kull Komunità Nisranija hija msejħa biex tkompli l-missjoni ta’ Marija fid-dinja tal-lum ?

Għeluq: Agħmel talba spontanja u itlob “Il-Missierna”.