TIĠDID TA’ RABTA PERSONALI

SENA C - IR-RABA’ ĦADD TAR-RANDAN 

 

Il-maturità ta’ wlied Alla: il-maħfra.

L-Ewwel Qari: Ġoz 5,9-12: Il-frott tal-eżodu fid-deżert: Iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid fl-Art Imwiegħda.

It-Tieni Qari:  2 Kor 5,17-21: Ir-rikonċiljazzjoni, frott tal-ħolqien mill-ġdid.

L-Evanġelju: Lq 15,1-3.11-32: L-imħabba tal-aħwa u l-maħfra, frott tal-maturità ta’ wlied Alla.

 

 

L-EWWEL QARI - Ġoż 5, 9a, 10-12
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwe’

F’dak iż-żmien: Il-Mulej qal lil Ġożwe’: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb ta’ l-Eġittu.’’
L-Israelin waqqfu l-kamp tagħhom f’Gilgal. Hemm, fil-wita ta’ Ġeriko, għamlu l-Għid fil-għaxija ta’ l-erbatax tax-xahar. U l-għada sewwa ta’ l-Għid huma kielu mill-frott ta’ l-art: ħobż ażżmu u qamħ mikwi.
Minn dak in-nhar, wara li kielu mill-frott ta’ l-art, il-manna waqfet. L-Israelin ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħti l-art f’Kangħan.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 33


Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu!

R/. Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Kabbru l-Mulej miegħi;
u ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
u minn kull biża’ ħelisni.

R/. Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix.
Dan il-fqajjar sejjaħ ’il-Mulej, u semgħu,
u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu.

R/. Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

 

IT-TIENI QARI - 2 Kor 5, 17-21
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin.

Ħuti: Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku. Kollox ġej minn Alla, li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-messaġġ ta’ din il-ħbiberija.
Mela aħna ambaxxaturi ta’ Kristu, bħallikieku Alla stess qiegħed ikellimkom permezz tagħna. Nitlobkom f’isem Kristu: agħmlu ħbieb ma’ Alla. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna insiru fih ġustizzja ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Inqum u mmur għand missieri u ngħidlu:
Missier, dnibt kontra s-sema u quddiemek.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU - Lq 15, 1-3, 11-32
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa

F’dak iż-żmien: Il-publikani u l-midinbin kienu qegħdin jersqu lejn Ġesu’ bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej kif ukoll il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Dan! Nies midinba jilqa’ għandu! Magħhom jiekol!’’
U Ġesu’ qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u hu beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma wieħed minn dak il-pajjiż li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-qżieqeż. Kien jixtieq ħafna kieku jimla’ żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-qżieqeż, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn ninqered bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u quddiemek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’ Qam, u telaq għand missieru.
Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u mlieh bil-bews. ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u quddiemek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’ Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu , ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U bdew jagħmlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sema’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dan x’kien. ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax reġa’ għandu qawwi u sħiħ.’ Hu nkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu. ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa tat-triq, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’ ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab.’’

Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.

 

Il-parabbola tal-Iben il-Ħali, jew aħjar tal-“Missier il-Ħanin”, qiegħda fil-qalba tal-Evanġelju ta’ San Luqa. Filwaqt li l-parabbola tas-siġra tat-tin, li qrajnieha l-Ħadd li għadda, tinsab fil-bidu tal-vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm, il-parabbola tal-lum, flimkien mal-parabboli l-oħra tal-ħniena, tinsab fin-nofs tal-vjaġġ. Il-Liturġija qiegħdet iż-żewġ parabboli waħda wara l-oħra, għax waħda tkompli fejn ħalliet l-oħra.  

Il-parabbola tal-Iben il-Ħali turina b’mod qawwi ħafna x-xbieha ta’ Alla li ried jagħtina Ġesù, Alla ħanin u solidali mal-midneb. Turina min se jkunu l-veri wlied ta’ Alla, dawk li jimxu wara Ġesù u jħarsu lejn ħuthom l-oħrajn bħalma jħares lejhom Ġesù, ħielsa minn kull sentiment ta’ superjorità jew  preġudizzju. 

San Luqa jibda r-rakkont tal-parabbola billi jagħtina informazzjoni importanti: Il-pubblikani u l-midinbin kienu qegħdin jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej kif ukoll il-Kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Dan! Nies midinba jilqa’ għandu! Magħhom jiekol.”  

Fil-mentalità tal-poplu ta’ żmien Ġesù, il-Kittieba u l-Fariżej (kelma li tfisser “separati”) kienu meqjusin bħala “nies puri”, bil-purità ritwali ġejja mill-osservanza stretta tal-Liġi. Min-naħa l-oħra, il-pubblikani u l-midinbin kienu meqjusin bħala  “nies impuri” maqtugħin minn Alla; kienu nies emarġinati mill-ħajja soċjali u reliġjuża tal-poplu. Min jagħmilha magħhom kien jitqies impur huwa wkoll. Issa “l-pubblikani u l-midinbin kienu qegħdin jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh”; u Ġesù mhux biss kien qed jilqagħhom għandu, imma kien ukoll jiekol magħhom. Dak iż-żmien, waqt l-ikel kulħadd kien ibill u jiekol mill-istess platt. Ġesù kien qed isir “impur” mal-“impuri”. Sa hawn tasal is-solidarjetà ta’ Alla mal-midneb!

L-esperjenza pastorali ta’ San Luqa kienet tirrifletti l-istess aġir ta’ Ġesù. San Luqa kien sieħeb San Pawl fil-vjaġġi missjunarji fost il-pagani, meqjusin mil-Lhud huma wkoll bħala midinbin u maqtugħin minn Alla.  Mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli nafu li l-Lhud mhux talli ma kinux jifirħu bil-konverżjoni tal-pagani, imma kienu jfixklu kemm jifilħu l-ħajja tal-missjunarji u tad-dixxipli ta’ Ġesù.

B’dawn l-informazzjonijiet nistgħu nifhmu mal-ewwel għal min jirreferu l-persunaġġi tal-parabbola: Il-Missier Ħanin huwa Alla, li juri l-imħabba tiegħu fl-imġiba ta’ Ġesù. L-Iben il-Kbir huwa Iżrael, dawk li jqisu ruħhom fuq l-oħrajn (“Kieku qatt inqastek jien!”) għax josservaw l-Liġi bir-reqqa, fosthom qabel kulħadd il-Kittieba u l-Fariżej. L-Iben iż-Żgħir huma l-imwarrbin - il-midimbin u l-pubblikani ta’ żmien Ġesù u l-pagani li saru Nsara.

 

1. L-Iben iż-Żgħir

“Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” L-iben iż-żgħir jagħmel ġest azzardat ta’ żagħżugħ imprudenti li kien. Imur għand missieru u jitolbu s-sehem tiegħu mill-wirt, ħaġa li kienet tmur kontra d-drawwiet ta’ dak iż-żmien. Il-qsim tal-wirt kien dejjem isir wara l-mewt tal-missier u f’każ li għal xi raġuni l-missier jiġi nieqes, kien id-dritt ta’ l-iben il-kbir li jqassam il-wirt u jieħu żewġ iqsma. Iż-żagħżugħ ried jelimina għal kollox lil missieru minn ħajtu.  Iżda l-missier jissorprindina: aċċetta l-proposta taż-żgħir u “qassmilhom il-ġid” f’ħajtu! Għall-Missier, l-ulied huma kollha ndaqs u għandhom l-istess drittijiet/

Iż-żgħir telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmehekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. ’Il bogħod mit-trobbija tal-missier, il-ħajja taż-żagħżugħ tħassret. Kellu jħallas qares tal-imġiba irresponsabbli tiegħu. Barrani f’art barranijja, kellu jibda jgħix il-ħajja ta’ qaddej: ma baqax iktar “iben” u sar ilsir. Sab ruħu f’sitwazzjoni tassew umiljanti: Ġie mqabbad jieħu ħsieb il-ħnieżer, l-iktar annimal mistmerr mil-Lhud. Kellu saħansitra jissielet magħhom biex jieħu sehmu mit-tagħsida tal-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer. Meta sabu ruħu mċaħħad saħansitra mill-ikel tal-ħnieżer, beda jaħsibha jmurx lura lejn id-dar.

Ħejja diskors ta’  ndiema maqsum fi tliet partijiet: Jistqarr li dineb - “Missier, dnibt kontra s-sema u quddiemek”; jistqarr li tilef il-kundizzjoni ta’ iben - “Ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek”; u jitlob li jiġi milqugħ bħala qaddej: “Żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek”.

 

2. Il-Missier u l-Iben iż-Żgħir

Il-missier qatt ma qata’ qalbu baqa’ jittama li xi darba ibnu jiġi lura: Kif kien għadu fil-bogħod, missieru lemħu u tħassru. Il-kelma li juża l-Evanġelju bil-Grieg (“esplangtiste”) tfisser “Imsarnu tqanqlu bil-ħniena”. Fl-Iskrittura din il-kelma tintuża biex tesprimi l-ħniena ta’ Alla quddiem l-uġigħ u t-tbatijiet tal-bniedem; u fl-Evanġelji tintintuża biss għas-sentimenti ta’ ħasra u ħniena ta’ Ġesù. Is-Samaritan it-tajjeb biss (Lq 10,33) hu kapaċi jħoss daqshekk imħabba. Il-kelma tesprimi sentiment divin.

U b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u mlieh bil-bews. Ix-xewqa tal-missier kienet biss li jerġa’ jħaddan lil ibnu mitluf. Ma ħalliex lil ibnu jlissen id-diskors ta’ ndiema li kien ipprepara. Fuq kollox ma jħalliehx jitlob li jitqies bħala qaddej. Sejjaħ malajr lill-qaddejja u tahom l-ordnijiet:

 - “Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu.”  Sinjal li qiegħed jagħtih lura d-dinjità ta’ iben li tilef u l-qaddejja għandhom iqisuh  bħala mistieden importanti;

- “Libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh.”  Jagħtih iċ-ċurkett, sinjal tas-setgħa  - x’aktarx li ċ-ċurkett kien is-siġill tal-familja li bih l-iben seta’ juża l-ġid ta’ missieru; u jgħidilhom ilibbsuh is-sandli, sinjal tal-ħelsien li kiseb mill-ġdid.

- “Ġibulu l-għoġol imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa.” Sinjal ta’ festa f’jum speċjali ħafna.

“Għax dan ibni kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab!”. Il-missier rebaħ lil ibnu mill-ġdid. L-espressjoni “dan ibni” fl-oriġinal Grieg donnha tagħtik x’tifhem li kien ibnu l-waħdieni. Nistħajlu li qegħdin nassistu għall-qawmien mill-mewt. F’din il-parabbola, il-kelma “qam” insibuha darbtejn min-naħa tat-tifel - “Ħa nqum u mmur għand missieri”, “Qam u telaq għal għand missieru”; darbtejn oħra, aktar ċara, fuq fomm il-missier: “Dan ibni kien mejjet u raġa’ qam”, “Dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam”.

 

3. Il-missier u l-iben il-kbir: stedina għal rikonċiljazzjoni.

Sa issa l-Iben il-Kbir ma ssemmiex. B’kuntrast maż-Żgħir, għall-ewwel nieħdu l-impressjoni li kien tifel tajjeb, “kien fl-għalqa” jaħdem.  Imma malajr nintebħu x’kien tassew. Kien għal kollox kontra r-rikonċiljazzjoni u ma riedx jaċċetta l-ħsieb u l-mod kif aġixxa missieru: Hu nkorla u ma riedx jidħol ġewwa.

Il-kliem li juża jagħmluha aktar ċara: “Ili dawn is-snin kollha naqdik... u kieku qatt tajtni gidi”. Nintebħu li qatt ma ħares lejn missieru bħalma jħares iben lejn missieru, iżda bħalma jħares qaddej lejn sidu.

Meta tkellem fuq ħuh kien insolenti, akkużah li ħela ġidu mal-prostituti. U wasal biex qal lil missieru: “Imbagħad jiġi dan ibnek... u toqtollu l-għoġol imsemmen”. Il-missier ipprova jqajjem fih sentimenti ta’ rikonċiljazzjoni: “Ibni, inti dejjem miegħi... dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab” .

Missier tassew irid ulied tassew. Għalhekk bejn l-aħwa jrid ikun hemm dejjem rikonċiljazzjoni, il-kapaċità li jaħfru u jgħixu ta’ aħwa - jiġri x’jiġri u għoli kemm ikun għoli l-prezz: “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu”.

Il-parabbola ma tgħidilniex x’kienet it-tweġiba tal-iben il-kbir, jekk aċċettax ir-rikonċiljazzjoni u s-sejħa biex “jidħol ġewwa” fid-dar; jew jekk għażilx “jibqa’ barra mill-festa”. It-tweġiba jrid jagħtiha kull Nisrani, billi jgħix il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, ukoll f’ċirkustanzi ta’ konflitt, fid-dar waħdanija tal-Missier.

 

L-Evanġelju għal ħajjitna llum

1. Qed insibuha dejjem aktar diffiċli li naqblu bejnietna; u aktar u aktar diffiċli li naħdmu flimkien. Ilkoll naqblu li anki fil-pajjiż għandna bżonn niġbdu ħabel wieħed; iżda mbagħad, kulħadd donnu miexi għal rieħu. Din ir-realtà daħlet kullimkien -  fil-familji, fuq il-post tax-xogħol, saħansitra fl-ambjenti tal-Knisja. Qed ngħixu f’dinja ta’ firdiet, infedeltajiet, ambizzjoni, vjolenzi. Donnu din l-atmosfera ħakmitna lkoll. Fl-ittra tiegħu Fil-Bidu tat-Tielet Millennju.(42-45), il-Papa Ġwanni II semma “ħajriet egoistiċi li jaqbdu magħna bla waqfien u jqanqlu l-kompetizzjoni, karreriżmu, sfiduċja u għira”. Nistgħu xi darba noħorġu minn din il-morsa?

 

2. Il-parabbola tal-Iben il-Ħali  tiftaħ  b’sitwazzjoni bħal dawn li semmejna: familja mfarrka, ħtija tal-immaturità u l-irresponsabbiltà tal-iben iż-żgħir u l-arroganza tal-iben il-kbir. Sitwazzzjoni ta’ niket, fejn l-ulied ingrati jfittxu biss x’se jieħdu mingħand il-ġenituri tagħhom.  

L-iben iż-żgħir huwa irresponsbbli. Bogħod minn missieru, ħajtu jirvinaha u jispiċċa jiekol mill-ikel tal-ħnieżer, minn “iben” isir “qaddej”. Minn din il-miżerja jibda jaħseb biex jerġa’ jdur lejn missieru. Jaqsam id-diskors fi tliet partijiet: jagħraf dnubu, jagħraf li tilef id-dinjità ta’ iben u jitlob li jsir qaddej.

Iżda l-imħabba tal-Missier  tibdel din it-traġedja f’festa.  Meta lemaħ lill-ibnu ż-żgħir fil-bogħod, b’ġirja waħda mar xteħet fuqu u mlieh bil bews. Imbagħad ħareġ barra jistieden lill-ieħor jidħol ġewwa. Hija l-istess stedina li l-Missier tagħna qed jagħmel lilna lkoll.

 

3. L-iben il-kbir jagħti l-impressjoni li hu l-iben ideali. Iżda kliemu jikxfu, għax juri li ma jistax jiċċetta l-proġett tal-missier u juri disprezz lejn ħuh. Ir-relazzjoni tiegħu ma’ missieru fil-fatt ma kenitx relazzjoni ta’ iben ma’ missieru, iżda ta’ qaddej mal-padrun. L-iben il-kbir jirrappreżenta kull ma fir-reliġjon huwa riġidu, intransiġenti, fundamentalista, negattiv, jara biss il-ħażen li għamel dak li jkun. Jista’ jkun li xi darba aħna wkoll ħadna dan l-atteġġjament? U jista’ jkun li nies ta’ reponsabbiltà fil-Knisja ħadu dan l-atteġġjament u biegħdu n-nies minn Alla flok resquhom?  

Min ma jħarisx lejn Alla bħala Missier, ma jistax iħares lejn il-bnedmin bħala ħutu. Għalih isiru  rivali u għedewwa. F’dan is-sens Ġesù qalilna: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom” (ara s-Seba’ Ħadd tas-Sena).

Iżjed ma nagħmlu f’ħajjitna spazju għal Alla u nidħlu fil-qalb ħanina tiegħu, aktar inkunu nistgħu nagħmlu spazju għal ħutna, naqsmu magħhom ferħ u tbatijiet u ħtiġijiet.  Bħalma ġara fil-parabbola, ħuna jsir rigal li Alla jagħtina. Insiru kapaċI naprezzaw id-doni li Alla ta lil kull wieħed u waħda, nisimgħu lil xulxin, naċċettaw lil xulxin,  nikkomunikaw bejnietna u naħdmu flimkien. Kemm nies kellhom din l-esperjenza ta’ Alla fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni?

 

MISTOQSIJIET

1. Xi xbieha ta’ Alla għandhom u qegħdin jagħtu l-biċċa l-kbira l-Insara,  u kif tqabbilha max-xbieha ta’ Alla li tagħtina  l-parabbola tal-lum?

 

2. Min huma dawk li llum tbiegħdu mid-dar tal-Missier u x’għandha tkun il-missjoni tagħna lejhom?

 

3. X’post għandha r-rikonċiljazzjoni fl-ħajja spiritwali tagħna?