PROPONIMENT: TIDNIBX IŻJED

SENA C - IL-ĦAMES ĦADD TAR-RANDAN

 

Mill-jasar għall-ħelsien

L-Ewwel Qari: Is 43,16-21: L-Eżodu l-ġdid: Fil-jasar jitħabbrilna l-ħelsien.

It-Tieni Qari: Fil 3, 8-14: Nimxu kuljum il-mixja tal-ħelsien.

L-Evanġelju: Ġw 8,1-11: Ġesù joffrilna ħelsien veru u ħajja ġdida.

 

L-EWWEL QARI - Is 43, 16-21
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej,
li fetaħ triq fil-baħar,
mogħdija fl-ilmijiet qawwija;
dak li ħareġ karrijiet u żwiemel,
eżerċti u rġiel qalbiena;
xteħtu fl-art, biex ma qamux aktar;
intfew bħal ftila ta’ musbieħ:
La tiftakrux iżjed fil-ġrajjiet l-imgħoddija;
la taħsbux fuq dak li ġara qabel.
Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida:
feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?
Se niftaħ triq fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert.
Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi,
ix-xakalli u wlied in-ngħam,
għax noħroġ l-ilma fix-xagħri,
xmajjar fid-deżert,
biex nisqi l-poplu tiegħi,
il-maħtur tiegħi,
il-poplu li sawwart għalija,
biex ixandar it-tifhir tiegħi.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI - Salm 125


Il-Mulej għamel magħna ħwejjeġ kbar

Meta l-Mulej reġġa’ lura l-imjassra ta’ Sijon,
konna qisna mitlufa f’ħolma;
mbagħad bid-daħk imtela fommna,
u lsienna nħall b’agħjat ta’ ferħ.

R/. Il-Mulej għamel magħna ħwejjeġ kbar!

Imbagħad bdew igħidu fost il-ġnus:
“Kbir f’għemilu l-Mulej magħhom!’’
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!
U aħna mtlejna bil-ferħ.

R/. Il-Mulej għamel magħna ħwejjeġ

Biddel, Mulej, xortina
bħall-widien tan-Negeb!
Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ
jahsdu fil-ferħ.

R/. Il-Mulej għamel magħna ħwejjeġ kbar.

Hu u sejjer, imur jibki,
iġorr iż-żerriegħa għaż-żrigħ.
Imma hu u gej lura, jiġi jgħajjat bil-ferħ
bil-qatet f’idejh.

R/. Il-Mulej għamel magħna ħwejjeġ kbar

 

IT-TIENI QARI - Fil 3, 8-14
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti: Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesu’ Sidi, li minħabba fih ilqajt li nitlef kollox, u kollox ngħodd bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih, mhux għax għandi xi qdusija tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi; iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-qdusija li ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi, biex nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet.
Miniex ngħid li jien dan ga ksibtu, jew li jien ga perfett. Imma rross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesu’ ġa ħataf lili. Ħuti, jien ma jidhirlix li dan ga lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l ta’ warajja kollu, jien nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn il-għan, biex nikseb il-premju li għalih Alla qiegħed isejħilna hemm fuq, fi Kristu Ġesu’.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu hajr lil Alla.

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Fittxu l-ġid, u mhux id-deni, ħalli tgħixu;
u l-Mulej ikun magħkom.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

L-EVANĠELJU - Ġw 8, 1-11
Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.

F’dak iż-żmien: Ġesu’ telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ reġa’ mar fit-Tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.
Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet tiżni, u qegħduha fin-nofs. “Mgħallem,’’ qalulu, “din il-mara nqabdet tiżni fil-fatt. Issa fil-Liġi tagħna Mose’ ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?’’ Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jakkuzawh.
Imma Ġesu’ miel minn qaddu ’l isfel u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla.’’ U rega’ niżel jikteb fit-trab. Kif semgħuh igħid dan, wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, qabdu u telqu, u Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs.
Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?’’ “Ħadd, Sidi,’’ qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak,’’ qalilha Ġesu’. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.’’

Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.

 

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum f’xi manuskritti antiki ma nsibuhiex  fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, imma f’dak ta’ San Luqa, wara  Lq 21,38, bħala l-aħħar ġrajja ta’ Ġesù f’Ġerusalemm qabel jibda r-rakkont tal-passjoni.

Qatt ma kien hemm dubju dwar il-valur ta’ dan ir-rakkont bħala Kelma ta’ Alla. Iżda fl-Evanġelju ta’ San Ġwann din il-ġrajja tidher barra minn postha;  filwaqt li l-istil, il-kliem u l-ambjent tar-rakkont aktar jaqblu ma’ dawk ta’ San Luqa. Kap 21 ta’ San Luqa jispiċċa hekk: Matul il-jum Ġesù kien joqgħod jgħallem fit-tempju, iżda filgħaxija kien joħroġ barra mill-belt lejn l-Għolja taż-Żebbuġ biex jgħaddi l-lejl hemmhekk. Filgħodu mbagħad il-poplu kollu kien imur kmieni fit-tempju biex jisimgħu (Lq 21,37-38).

L-ambjent tar-rakkont hija l-wisgħa li kien hemm bejn it-Tempju ta’ Ġerusalemm u l-Għolja taż-Żebbuġ. It-Tempju kien il-post fejn Ġesù ġie miċħud mill-kapijiet Lhud. Mit-Tempju kienet tiġi mħaddma dik is-setgħa reliġjuża li tjassar flok teħles; u lil min kien jaqa’ fid-dnub ma kellhiex il-ħila teħilsu u tagħtih ħajja ġdida.

Iżda l-Għolja taż-Żebbuġ kienet il-post fejn Ġesù jidħol bil-kuraġġ kollu għall-passjoni, il-mewt u l-qawmien, biex hekk iġib il-ħajja u ħelsien għall-bnedmin kollha. Is-silta tal-lum tistedinna biex nissieħbu miegħu f’dan il-vjaġġ: “Biex nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet” (Fil 3,10-11 fit-Tieni Qari tal-lum).

 

1. Il-mara adultera

“L-għada qabel is-sebħ Ġesù reġa’ mar fit-Tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom.”  Ġesù kien ix-xemx il-ġdida, li bil-kelma u bil-missjoni tiegħu se jisbaħ jum ġdid ta’ ħajja u ħelsien għall-bnedmin kollha.

“Il-Kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara, li nqabdet tiżni.” Ma kenitx l-ewwel darba li l-Kittieba u l-Fariżej ippruvaw jonsbu lil Ġesù bħalma għamlu issa b’din il-mara li nqabdet f’adulterju. Skond il-Liġi ta’ MoseÏ (Dt 22,22; Lev 20,10) mara li tkun inqabdet f’adulterju kellha tiġi mħaġġra, flimkien mar-raġel li dineb magħha.

Għall-Kittieba u l-Fariżej, il-mara kienet ġa kkundannata għall-mewt. Il-Kittieba u l-Fariżej kienu jirrappreżentaw sistema oppressiva, li tinqeda bil-Liġi biex tjassar flok tillibera lil min hu batut. Kienu jqisu lilhom infushom imħallfin, Ïil fuq mil-Liġi, bis-setgħa li jikkundannaw għall-mewt, mhux biss lill-mara adultera imma saħansitra lil Ġesù.

Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù juri ruħu bħala dak li għandu s-setgħa mill-Missier, l-awtorità  li jiġġudika (Ġw 5,22); iżda hu ma ġiex biex jikkundanna iżda biex isalva, u jagħti l-ħajja u ħajja ġdida lil kull min jimxi warajh.

San Pawl, fit-Tieni Qari tal-lum, jagħtina x-xiehda tiegħu stess:“Jiena lqajt li nitlef kollox... u nkun ninsab fih, mhux għax għandi xi qdusija tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-qdusija ġejja minn Alla.” 

 

2. Il-kundanna tal-Kittieba u l-Fariżej

Minflok ma jikkundanna Ġesù jipprovoka għażla: minn jagħżel lilu jkun għażel il-ħajja tassew; min jiċħdu jkun qed jikkundanna lilu nnifsu għall-mewt.

Il-Kittieba u l-Fariżej għamlulu mistoqsija b’nasba “ħalli jkollhom fuqiex jakkużawh”. Ir-reazzjoni ta’ Ġesù tissorprendina: Ġesù miel minn qaddu ’l isfel u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Ma nafux x’kiteb, iżda nafu li l-kelma “kiteb” tista’ tfisser att ta’ akkuża.  Fil-ktieb tal-profeta  Ġeremija nsibu: “Dawk li jitbiegħdu minnu fit-trab jinkitbu, għax telqu l-Mulej, l-għajn ta’ l-ilma ġieri” (Ġer 17,13). “It-trab” huwa x-Xeol, il-post tal-mejtin.

It-tweġiba ta’ Ġesù hija ċara; “Min minnkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. Dawk li ppretendew jwaqqfu tribunal u jieħdu f’idejhom il-Liġi, minn akkużaturi saru l-akkużati.

 

3. Id-djalogu bejn Ġesù u l-Mara Midinba

Hekk Ġesù fit-Tempju stess, qaleb ta’ taħt fuq ir-raġunament tal-Kittieba u l-Fariżej. U ġab fix-xejn sistema qadima, “xiħa”, ta’ Liġi li tjassar flok issalva: “Wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ, qabdu u telqu, u Ġesùbaqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs.” Sistema li xxekkel spiċċat biex tagħmel il-wisgħa għall-proġett ġdid ta’ ħajja u ħelsien, miġjub minn Ġesù. Il-ħażen ma jinqeridx billi toqtol lill-midneb, imma billi tilliberah.

Ġesù ma japprovax id-dnub, iżda joffri lill-midneb il-kapaċità ta’  ħajja ġdida u maħfra. Minflok ma jikkundanna lill-mara, Ġesù jiftaħ djalogu magħha, djalogu li jagħtiha l-possibbiltà li tibda ħajja ġdida: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma jikkundannak?” - “Ħadd, Sidi.” -  “Mela anqas jien ma nikkundannak. Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.”

 

L-Evanġelju għal ħajjitna llum

1. Il-Kelma ta’ Alla fis-siltiet kollha tal-lum timliena b’kuraġġ. Alla kapaċi jagħmel ħaġa ġdida (l-Ewwel Qari); l-għeġubijiet tal-eżodu jistgħu u jirrepetu ruħhom  u baqgħu jirrepetu ruħhom fil-ħajja ta’ eluf ta’ nies u tal-Knisja. San Pawl mill-ħabs jagħmel l-istqarrija tal-fidi tiegħu  li  jilħaq il-għan.

Aħna nistgħu ninbidlu. Il-Kittieba u l-Fariżej ma setgħux jinbidlu; il-pubblikani u n-nisa tat-triq, iva, imma huma ma setgħux jinbidlu, għax ma kinux jemmnu fil-bidla.  Kienu jemmnu biss fil-ħila u t-tjubija tagħhom.  Ma setgħux jemmnu lanqas f’ħaddieħor, li  jista’ jinbidel; li xi ħadd differenti minnhom, xi ħadd midneb seta’ jsir aħjar minnhom. Għalhekk ikkundannaw lill-mara midinba - is-soluzzjoni għalihom kienet  biss li jagħtuha l-mewt. 

Għalhekk ukoll ikkundannaw lil Ġesù; ma setgħux jemmnu li xi ħadd daqshekk differenti minnhom seta’ jsalva d-dinja. Ġesù wriehom li bir-raġunament tagħhom huma wkoll, u aħna magħhom, ikkundannati għall-mewt; għax aħna lkoll midinbin. Ġesù sikket l-arroganza tagħhom b’apppell lill-kuxjenza tagħhom. U f’dak is-skiet kollha telqu, ibda mix-xjuħ.

2. Jibqa’ biss l-Imħallef Ġesù u l-akkużata. U l-Imħallef jitfa’ fuqha ħarsa ta’ ħniena u jsejħilha bl-isem ta’ “Mara”, isem mimli ġieħ u dinjità. Qatt ħadd ma ħares lejha hekk. Ħadd qatt ma kellimha hekk. U jirrifjuta li jikkundannaha. Għax hu ġie mhux biex iżid il-mewt tal-midneb, imma biex dan jikkonverti u jgħix. U jgħidilha “Mur” - erġa’ ibda għix; erġa’ ibda ttama; erġa’ lura d-dar; erġa’ ilbes id-dinjità tiegħek ta’ mara.

Mal-mara midinba, Ġesù għażel it-triq tad-djalogu. Ġesù jeħodha mhux biss kontra min jitfa’ l-ġebel, imma anki kontra min jitfa’ t-tajn kontra min jiżbalja.

 

3. Fiduċjużi f’din il-Kelma, matul dan ir-Randan għamilna mixja ta’ fidi flimkien. Il-ġimgħa d-dieħla aħna se nimxu wara Kristu Mulej, Ħuna u Qaddej  tagħna.  Bil-qawwa tiegħu, rebbieħ fuq il-mewt,  aħna wkoll  jirnexxilna nsiru aħwa u qaddejja ta’ xulxin. Bħal Marija u magħha nistqarru t-twemmin tagħna fil-Kelma ta’ Alla u nagħmluha: Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek! (Lq1, 38).

 

MISTOQSIJIET

1. Żmien ir-Randan hu żmien tajjeb għar-rikonċiljazzjoni: magħna nfusna, bejnietna u ma’ Alla. X’importanza nagħtu lir-rikonċiljazzjoni fil-ħajja spiritwali tagħna?

2. Alla qatt ma jeskludi lil ħadd mill-imħabba tiegħu. U aħna kif nesprimu ruħna dwar dawk li huma “esklużi” mis-soċjetà tagħna: l-immigranti, il-ħabsin, in-nies ta’ tendenzi differenti mill-bqija tas-soċjetà li ninsabu fiha?

3. Il-konverżjoni hi mixja li rridu nagħmlu tul ħajjitna kollha. Qatt ma nistgħu ngħidu “wasalna”. X’għandna nagħmlu biex ikun jistħoqqilna l-ħajja ta’ dejjem? (Ara t-Tieni Qari tal-lum).